Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2020: Illum, il-Kumitat Għoli għall-Fratellanza Umana nieda Jum ta’ Talb u Sawm biex nitolbu lil Alla jħenn għalina f’dal-waqt traġiku tal-pandemija. Aħna lkoll aħwa. San Franġisk ta’ Assisi kien jgħid: ‘Ilkoll aħwa.’ Huwa għalhekk li l-bnedmin kollha ta’ kull twemmin reliġjuż, illum jingħaqdu fit-talb u l-penitenza biex nitolbu l-grazzja tal-fejqan minn dil-pandemija.
Omelija
Fl-ewwel qari smajna l-istorja ta’ Ġona, skont l-istil ta’ dak iż-żmien. Peress li kien hemm xi ‘pandemija’ fil-belt ta’ Ninwè – ma nafux, forsi xi ‘pandemija morali’ – il-belt kienet se tinqered. U Alla bagħat lil Ġona biex jipprietka: talb u penitenza, talb u sawm. Quddiem dik il-pandemija, Ġona beża’ u ħarab. Imbagħad il-Mulej reġa’ sejjaħlu għat-tieni darba u huwa aċċetta li jmur u jipprietka. U llum, aħna lkoll, aħwa ta’ kull tradizzjoni reliġjuża, nitolbu: ġurnata ta’ talb u sawm, penitenza, imnedija mill-Kumitat Għoli għall-Fratellanza Umana. Kull wieħed u waħda minna nitolbu, il-komunitajiet jitolbu, kull min iħaddan xi twemmin reliġjuż jitlob, nitolbu lil Alla lkoll, aħwa magħqudin fil-fratellanza li tgħaqqadna flimkien f’dal-mument ta’ niket u traġedja.
Ma konniex qed nistennewha dil-pandemija, waslet bla mistenni, imma issa hawn tinsab. Tant nies qed imutu. Tant nies imutu waħedhom bla ma jistgħu jagħmlu xejn. Bosta drabi jgħaddi minn moħħna l-ħsieb: ‘Lili mhix se tolqotni. Għall-grazzja t’Alla ħlistha.’ Imma aħseb ftit fl-oħrajn! Aħseb fit-traġedja u fil-konsegwenzi ekonomiċi wkoll, il-konsegwenzi fl-eudkazzjoni, il-konsegwenzi… dak li se jiġri wara.
Huwa għalhekk li llum, l-aħwa ta’ kull twemmin reliġjuż qed nitolbu lil Alla. Forsi jkun hemm xi ħadd li jgħid: ‘Dan hu relattiviżmu reliġjuż u ma jistax isir.’ Imma kif ma jistax isir li nitolbu lill-Missier għal kulħadd? Kulħadd jitlob kif jaf, kif jista’, kif tgħallem mill-kultura tiegħu. Aħna m’aħniex qed nitolbu kontra xulxin, tradizzjoni kontra tradizzjoni oħra, le. Aħna magħqudin ilkoll bħala bnedmin, bħal aħwa, nitolbu lil Alla skont il-kultura tagħna, skont it-tradizzjonijiet tagħna, skont it-twemmin tagħna, imma aħwa u nitolbu lil Alla, insumu, nitolbu maħfra lil Alla għal dnubietna, biex il-Mulej ikollu ħniena minna, biex il-Mulej jaħfrilna, biex il-Mulej iwaqqaf din il-pandemija. Jum ta’ talb.
Is-sena l-oħra, f’Novembru, ma konniex nafu li hija pandemija: ġiet fuqna qisha d-dilluvju, waslet f’daqqa. Issa qed inqumu xi ftit. Imma hemm bosta pandemiji oħra li joqtlu n-nies u aħna mank nintebħu bihom, inħarsu n-naħa l-oħra. Aħna xi ftit inkoxjenti quddiem it-traġedji li għaddejjin bħalissa fid-dinja. Irrid insemmilkom biss statistika uffiċjali dwar l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, li mhix qed titkellem dwar il-pandemija tal-coronavirus; qed titkellem dwar pandemija oħra. Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena mietu 3 miljun u 700 elf persuna bil-ġuħ. Hawn il-pandemija tal-ġuħ. F’erba’ xhur mietu kważi 4 miljun ruħ. Dit-talba tal-lum, biex nitolbu lill-Mulej iwaqqaf dil-pandemija, għandha tfakkarna fil-pandemiji l-oħra li hawn fid-dinja. Hawn bosta! Il-pandemija tal-gwerer, tal-ġuħ, u bosta oħrajn. Imma l-importanti hu li llum – flimkien mar-radd il-ħajr u l-kuraġġ li kellu l-Kumitat għall-Fratellanza Umana – ilkoll flimkien mistednin nitolbu, kulħadd skont it-tradizzjoni tiegħu, biex nagħmlu ġurnata ta’ penitenza, sawm u karità, ukoll biex inkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn. Dan hu importanti ħafna. Fil-Ktieb ta’ Ġona smajna li meta ra kif ġab ruħu l-poplu li kkonverta, il-Mulej bidel fehmtu, reġa’ lura minn dak li kien se jagħmel.
Jalla l-Mulej iwaqqaf din it-traġedja, iwaqqaf dil-pandemija. Il-Mulej ikollu ħniena minna u jwaqqaf ukoll il-pandemiji tant koroh l-oħra: dawk tal-ġuħ, tal-gwerra, tat-tfal bla edukazzjoni. Dan nitolbuh bħal aħwa lkoll flimkien. Il-Mulej iberikna lkoll u jkollu ħniena minna.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.