Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Mattija

Print Friendly, PDF & Email

Fl-14 ta’ Mejju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Mattija, Appostlu li għex fl-1 Seklu.

Mill-Atti tal-Appostli nafu li San Mattija kien ma’ Ġesù mill-magħmudija Tiegħu fix-xmara Ġordan, sat-tlugħ Tiegħu fis-sema. (Atti 1:21-22).

Ġesù stess għażel lil San Mattija biex ikun wieħed mit-72 dixxiplu li bagħathom jgħallmu.

Żmien qasir wara li Ġesù tela’ s-sema, San Pietru ppropona lill-mija u għoxrin ruħ li kienu miġbura fiċ-ċenaklu biex jagħżlu wieħed minnhom sabiex jieħu l-post ta’ Ġuda l-Iskarjota, biex isseħħ l-Iskrittura: “Ħalli xogħolu jieħdu ħaddieħor.” (Atti 1:20)

Ir-rakkont jgħid li Pietru qam fost il-ġemgħa tal-aħwa u qal: “… Jeħtieġ għalhekk li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna biex ikun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. ” Imbagħad resqu tnejn, Ġużeppi msejjaħ Barsaba, li jgħidulu wkoll Ġustu, u Mattija. U talbu hekk: “Mulej, int li tagħraf il-qalb ta’ kulħadd, uri liema minn dawn it-tnejn int għażilt biex jieħu l-post ta’ dan il-ministeru u l-appostolat li minnu telaq Ġuda biex imur fejn kien jistħoqqlu.” Imbagħad tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan ħa postu mal-ħdax-il appostlu l-ieħor (Atti 1, 15, 21-6).

Mattija jfisser “għotja (rigal) ta’ Alla”. Bħala appostlu, Mattija, wara li ppriedka ‘l Ġesù u t-tagħlim tiegħu fil-Ġudea, it-tradizzjoni tal-Griegi tgħidilna li San Mattija ħawwel il-fidi f’Kappadoċja u madwar il-Baħar Kaspju, l-iktar qrib il-port Iussuż. Aktarx bata ħafna tbatijiet fost dan il-poplu krudil. L-istess awturi jżidu jgħidu li rċieva l-kuruna tal-martirju f’Kalċis, li huma jsejħu l-Etjopja. Skont tradizzjoni oħra, San Mattija pprietka l-Evanġelju fil-Lhudija u fl-Etjopja fejn kien maqtul imsallab; tradizzjoni oħra tgħid li qatgħulu rasu f’Ġerusalemm.

Hu patrun tal-ħajjata, tal-mastrudaxxi u ta’ dawk li qatgħu l-vizzju tax-xorb; hu msejjaħ kontra l-mard tal-ħożba. Il-Latini kienu jżommu l-festa tiegħu fl-24 ta’ Frar, iżda fir-Riforma tal-Kalendarju Liturġiku (1969) bdiet issir fl-14 ta’ Mejju biex ikun qrib il-festa tal-Axxensjoni ta’ Kristu u l-Pentekoste. Xi fdalijiet tiegħu jintwerew fil-knisja abbatika ta’ Triers u f’Santa Marija Maggiore, Ruma. Hemm min jgħid li dawn tal-aħħar, huma ta’ Mattija ieħor. Jinsab “Evanġelju skont San Mattija,” iżda dan hu Evanġelju apokrifu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: