Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-persuni li jidfnu lil min miet minħabba dil-pandemija


Is-Sibt, 16 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għall-persuni li jidfnu lil min miet minħabba dil-pandemija. Din hi waħda mill-opri tal-ħniena u naturalment mhix xi ħaġa li tieħu gost tagħmilha. Nitolbu għalihom għax huma jirriskjaw ħajjithom u jirriskjaw ukoll li jirkbu l-virus.

OmelijaKristu miet u rxoxta għalina: il-mediċina waħdanija kontra l-ispirtu tad-dinja

Bosta drabi, u partikolarment fid-diskors tal-aħħar lill-appostli, Ġesù jitkellem dwar id-dinja.  U hawn jgħid: ‘Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li bagħdet lili qabel’ (v. 18).  Huwa ċar li qed jitkellem dwar il-mibegħda li kellha d-dinja lejh u li għandha għalina.  U fit-talb li jagħmel fuq il-mejda mad-dixxipli waqt l-Aħħar Ikla, lill-Missier ma jitolbux biex iwarrabhom mid-dinja, imma biex iħarishom mill-ispirtu tad-dinja.

Nemmen li nistgħu nistaqsu lilna nfusna: liema hu l-ispirtu tad-dinja?  X’inhi dil-mondanità, li tobgħod, li teqred lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu, anzi li tikkorrompihom u tikkorrompi l-Knisja?  Jagħmlilna tajjeb inkunu nafu x’inhu l-ispirtu tad-dinja, kif inhu.  Xi ħadd jista’ jaħseb li l-mondanità hija li tagħmel festa, tgħix dejjem tiffesteġġja… Le u le.  Il-mondanità tista’ tkun dan, imma fundamentalment hi xi ħaġa aktar.

Il-mondanità hija kultura, il-kultura tad-duħħan, kultura tal-apparenzi, tal-irtokk, kultura ta’ ‘illum iva, għada le, illum le, għada iva’.  Il-valuri tagħha huma superfiċjali.  Hija kultura li ma tafx b’fedeltà għax tinbidel skont iċ-ċirkostanzi, tinnegozja kollox.  Din hi l-kultura tad-dinja, il-kultura tal-mondanità.  U Ġesù jinsisti li jiddefendina minnha u jitlob lill-Missier biex jeħlisna minn dil-kultura tad-dinja.  Hija kultura ta’ ‘uża u armi’, skont x’jaqbel.  Hija kultura bla fedeltà, m’għandhiex għeruq.  Imma hi stil ta’ ħajja, stil ta’ ħajja wkoll ta’ ħafna li jgħidu li huma Nsara.  Huma Nsara imma huma tad-dinja.

Fil-parabbola taż-żerriegħa li taqa’ fl-art, Ġesù jgħid li t-taħbit tad-dinja – jiġifieri l-mondanità – joħnoq il-Kelma t’Alla, ma jħallihiex toktor. Lill-Galatin Pawlu jgħidilhom: ‘Intom kontu lsiera tad-dinja.’  Tolqotni dejjem meta naqra l-aħħar tliet paġni tal-ktieb ta’ Patri Lubac: Il-Meditazzjonijiet dwar il-Knisja (cfr. Henry Lubac, Meditazzjonijiet dwar il-Knisja, Milan, 1955), fejn jitkellem proprju dwar il-mondanità spiritwali.  U jgħid li hu l-agħar ħażen li jista’ jolqot lill-Knisja.  Mhux jesaġera għax imbagħad isemmi xi wħud mill-aspetti terribbli, imma din hi l-agħar waħda: il-mondanità spiritwali, għax hi regola taħajja, stil ta’ għixien; mod kif bniedem jgħix il-kristjaneżmu.  U biex ikampa quddiem il-predikazzjoni tal-Evanġelju, jobgħod, joqtol.

Nitkellmu dwar il-martri li jinqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi…  Iva, għal xi wħud, il-mibegħda kienet problema teoloġika, imma mhux għall-maġġoranza.  Il-maġġoranza kienu ppersegwitati minħabba l-mondanità li tobgħod il-fidi u toqtolhom, kif sar ma’ Ġesù.

L-ispirtu tad-dinja huwa ħaġa kurjuża.  Xi ħadd jista’ jgħidli: “Imma, Padre, din hi superfiċjalità, tqarraqx bina.’  Il-mondanità mhi superfiċjali xejn.  Għandha għeruq fondi ħafna.  Tixbah lill-kamalejonte, tinbidel, iġġib ruħha skont iċ-ċirkostanzi, imma s-sustanza tibqa’ l-istess: proposta ta’ ħajja li tinżera’ kullimkien anke fil-Knisja.  Il-mondanità, ir-regoli tal-ħajja tad-dinja, l-irtokk, kollox jagħmel l-irtokk biex jidher.

L-Appostlu Pawlu jmur Ateni u jibqa’ mistagħġeb meta jara tant monumenti lill-allat fl-Aeropagu.  U għaddielu minn moħħu li jitkellem dwar dawn: ‘Intom poplu reliġjuż, qed narah…  Imma dak l-altar lill-‘alla mhux magħruf’ ġibidli l-attenzjoni.  Lil dan jien nafu u ġejt ngħidilkom min hu.’  U beda jipprietka l-Evanġelju.  Imma meta wasal għas-salib u l-qawmien dawn skandalizzaw ruħhom u telqu.  Hemm ħaġa li l-ispirtu tad-dinja ma jittollerahiex: l-iskandlu tas-Salib.  U l-mediċina waħdanija kontra l-ispirtu tad-dinja hi Kristu mejjet u rxuxtat għalina, skandlu u bluha (cfr. 1Kor. 1, 23).

Huwa għalhekk li meta l-Appostlu Ġwanni jitkellem dwar id-dinja, jgħid: ‘ir-rebħa li kisbet id-dinja’, il-fidi tagħna.  L-unika: il-fidi f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta.  Dan mhuwiex fanatiżmu.  Dan ma jfissirx li ninsew niddjalogaw ma’ kull persuna, le: imma bil-konvinzjoni tal-fidi, tal-iskandlu tas-Salib, tal-bluha ta’ Kristu u wkoll tar-rebħa tiegħu.  ‘Din hi r-rebħa tagħna,’ jgħid Ġwanni, ‘il-fidi tagħna.’

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, f’dawn l-aħħar jiem tan-novena tal-Ispirtu s-Santu, fl-aħħar jiem ta’ żmien l-Għid, il-grazzja li nagħrfu x’inhi l-mondanità u x’inhu l-Evanġelju biex ma nitqarrqux, għax id-dinja tobgħodna, id-dinja bagħdet lil Ġesù, u Ġesù talab biex il-Missier jiddefendina mill-ispirtu tad-dinja (cfr. Ġw. 17, 15).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.