Vanġelu (Mt 28, 16-20): Dis-silta tagħlaq l-Evanġelju ta’ S. Mattew, fejn rajna l-ħajja ta’ Ġesu fuq din l-art – it-twelid f’Betlem, it-trobbija f’Nazareth, u l-ħidma f’Kafarnaum u Ġerusalemm. B’ebda mod m’għandna nqisu dis-silta bħala t-tmiem tal-ħidma ta’ Ġesu fuq din l-art. Pjuttost hija bidu. Ġesu se jidħol fid-dar tal-Missier u jħalli l-Missjoni tiegħu f’idejn l-Appostli. Ordnalhom biex jinġabru fil-Galilija, fuq il-muntanja tal-Beatitudni.
Muntanja tal-ġebel imma wkoll waħda li tirrappreżenta l-post fejn il-bnedmin setgħu jaċċettaw u jassimilaw il-ħsibijiet t’Alla. Kien il-post fejn wieħed seta’ jara l-Baħar tal-Galilija u Kafarnaum, fejn Ġesu żvolġa ħafna mill-ministeru Tiegħu. Kien hawn li Ġesu sejjaħ l-ewwel Appostli. Illum, mill-istess post, se jagħti l-mandatt lill-Ħdax biex jibdew il-Knisja Tiegħu, il-Komunita Ġdida: ħdax għax jonqos wieħed, l-anti-dixxiplu, dak, u kull min hu bħalu, li ma telgħax dil-muntanja biex iħaddan il-Beatitudni, u b’hekk ma setgħax jagħmel esperjenza tal-Qawmien. Min jagħmel hekk ikun qed jagħżel id-dinja l-antika: poter, regħba, vjolenza. Minn flok, Ġesu jagħti bidu għas-Saltna Tiegħu b’dawn il-ħdax l-Appostli, imbeżżgħin, fraġli, mimlija dubji u nċertezzi. Dawn kienu persuni li ħarbu mill-ġnien taż-żebbuġ u ħallew lil Ġesu waħdu. Għamlu żbalji oħra. Il-kap tagħhom ċaħdu wkoll. Minkejja did-dgħufija kollha, qallhom biex jinġabru hawn illum.
- “Kif rawh inxteħtu quddiemu.” Il-verb “rawh” hawn ifisser aktar milli tara bl-għajnejn materjali. Dawn huma persuni li laqgħu il-Beatitudni, allura għarfu ‘l Ġesu u l-missjoni Tiegħu, dik li jagħti ħajtu għalina. Aħna wkoll għandna bżonn nitilgħu fuq dil-muntanja, naċċettaw u nattwaw il-Beatitudni, biex ukoll aħna “naraw” li s-sejħa tagħna hija li l-ħajja se tkun mimlija meta ngħixu m’Alla u f’Alla. “Inxteħtu quddiemu”, i.e. adurawh, għarfu l-preżenza t’Alla f’Ġesu, il-wiċċ t’Alla stampat f’wiċċ Ġesu: dan hu Alla li jagħti lilu nnifsu, mhux xi alla tal-filosfi jew poeti.
- “Xi wħud iddubitaw.” Fejn tidħol il-Fidi, p.e. fil-Qawmien, m’għandniex provi jew ċertezzi imma raġunar. Mela normali li jkollna d-dubji. Jistgħu jeżistu flimkiem il-Fidi u d-dubji, l-adorazzjoni u d-dubji. Ġesu ma jibżax mid-dubji tagħna għax jaf li aħna umani. In fatti lid-dixxipli ma ċanfarhomx. Mill-banda l-oħra, kieku jkollna l-provi konkreti, ma jkollniex bżonn il-Fidi. Mela meta jkollna d-dubji għandna naċċettawhom bil-kalma. Aktarx il-bidu tad-dubji hu l-ewwel Beatitudni: “Henjin il-fqar fl-ispirtu”. Xi wħud jirrispondu: “Kif, Mulej? Irrid nirrinunċja għal kollox? Nagħti kollox lill-fqar?” Dan ir-raġunar inibbet id-dubji fina. Ġesu jaf b’dan, u jagħtina l-għajnuna u l-qawwa biex nifhmu sew dil-proposta Tiegħu. Dment li nibqgħu fuq il-livell tal-Muntanja, jirnexxielna nilqgħu dil-proposta bid-dubji li ġġib magħha. Jekk nitbiegħdu mill-Muntanja, nibdew infittxu provi konkreti, umani, xjentifiċi. Il-Fidi rridu nmantnuha l-ħin kollu bil-Kelma t’Alla, inkella tiddgħajjef.
- “Ġesu resaq lejhom”. Ġesu tielgħa s-Sema. Ma jfissirx li se jitlaq (“Jien nibqa’ magħkom għal dejjem”). L-Irxoxt jersaq lejn id-dixxipli, u se jibqa’ qrib tagħhom, għax lil dawn se jafdalhom il-missjoni Tiegħu.
- “Kull qawwa ngħatat lili..” Mhux dik li biha ttentah ix-xitan fid-deżert, qawwa li tiddomina bil-forza. Imma l-qawwa t’Alla, tal-imħabba, dik li tagħti ħajtek għall-oħrajn. Ġesu għandu dil-qawwa fil-milja kollha tagħha. Issa se jgħaddiha lid-dixxipli.
- “Morru, mela….” Morru, ibdew, għamlu lil kulħadd dixxipli, ħajruhom jaċċettaw il-proposti tal-Beatitudni. Kulħadd, i.e. il-ġnus kollha. Għall-Lhud din kienet idea ġdida. Huma biss kienu l-poplu t’Alla, huma biss kienu se jsalvaw. Imma l-pjan t’Alla kien li huma jikkonvertu ġnus oħra, mhux iżommu s-salvazzjoni għalihom biss.
- “Għammduhom…” “Battizzare” propjament tfisser “immersjoni”, tniżżel taħt l-ilma. Mela l-ewwel dixxipli, u aħna l-Insara (id-dixxipli tal-lum), għandna l-obbligu li nħajru kull bniedem, ta’ kwalunkwe razza, biex “jegħreq” fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri, bis-simbolu tal-ilma mraxxax fuq rasu jew imdawwar ma’ ġismu kollu, hu jidħol jagħmel parti mill-ħajja Divina, il-ħajja tat-Trinita’.
- “…. kulma għallimtkom jien…” fuq kollox il-Beatitudni.
- “Jien magħkom dejjem”. Ġesu m’huwiex “hemm fuq” imma qiegħed magħna u qed jakkumpanjana f’kull pass li nagħmlu. Il-missjoni tal-Knisja llum hi li żżomm preżenti lil Kristu f’ħajjitna. U aħna mbagħad irridu nkunu xhieda ta’ Kristu Rxoxt.
Sors: lachiesa.it/liturgua/omelie/fernandoarmellini
NB: Ta’ min isegwi wkoll l-omelija ta’ 5 minuti li l-Papa jagħmel kull nhar ta’ Ħadd f’nofs-in-nhar. (Rai 1 u TV2000)