Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann I

Print Friendly, PDF & Email

Fit-18 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Ġwann I, Papa u Martri li ħa l-martirju fis-sena 526.

San Ġwann twieled fit-Toskana, l-Italja. Kien għadu żagħżugħ meta sar qassis, f’Ruma. Wara sar Arċidjaknu, u meta miet il-Papa San Ormiżda, laħaq Papa floku, f’Awwissu 523.

F’dan iż-żmien, Ġustinu I li kien Imperatur Nisrani f’Kostantinopli kien b’ruħu u b’ġismu kontra l-Arjani; filwaqt li fl-Italja kien hemm ir-Re Teodoriku Nisrani wkoll iżda kien Arjan.

Fis-sena 523, Ġustinu I ordna li l-Arjani ma setax ikollhom impjieg maċ-ċivil u mal-Armata, u biex iroddu lill-Kattoliċi l-knejjes kollha li kienu ħadulhom.

Min-naħa l-oħra, Teodoriku hedded li jibda persekuzzjoni kontra l-Kattoliċi jekk Ġustinu I ma jirtirax l-ordni li kien ta. Qatagħha li qabel jirritalja, jibgħat il-Papa Ġwanni I, bħala ambaxxatur biex jipprova jipperswadi lill-Imperatur.

Il-Papa mar għalkemm kontra qalbu. Meta wasal Kostantinopli qabel il-Milied tas-sena 525 ġie milqugħ bl-unuri kollha. Dam hemm ħames xhur, u fl-Għid tas-sena 526 mar iqaddes f’Sofija, fejn fuq talba tal-Imperatur stess, inkurunah mill-ġdid.

Ir-Re Teodoriku ħaseb li l-Papa kien qed jikkonfoffa kontrieh mal-Imperatur, u meta l-Papa ġie f’Ravenna , li kienet il-Belt kapitali ta’ Teodoriku, tefgħu l-ħabs.

Fil-ħabs il-Papa kien tant immaltrattat li miet ftit ġranet wara, fit-18 ta’ Mejju, 526. Il-ġisem tiegħu ħaduh Ruma, u llum jinsab midfun f’San Pietru.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading