It-twelid ta’ ‘Misteru’


Il-25 ta’ Mejju, lil ulied u lid-devoti tal-Qaddis Padre Pio ifakkarhom fit-twelid tiegħu (1887) f’dik id-dar ċkejkna fuq Vico Storto Valle 27, Pietrelcina, minn zi Orazio u mamma Peppa Forgione, mgħammed Francesco.

Għalkemm dan il-jum mhux xi tifkira liturġika, xorta waħda għandu tifsira kbira.

Xi jfisser it-twelid ta’ Francesco Forgione?

pio

It-twelid ta’ Franci, kif kienet tħobb issejjaħlu ommu, ifisser it-twelid ta’ ġgant nisrani, ta’ Kapuċċin fqir li jitlob, ta’ l-ewwel saċerdot fl-Istorja li kien kurċifiss ħaj, imsallab mal-Mislub għas-salvazzjoni tal-bnedmin, li għadda mill-esperjenza sħiħa tal-Passjoni: il-flaġellazzjoni, il-kuruna tax-xewk, il-pjaga l-moħbija ta’ l-ispalla, u saħansitra n-nifda tal-qalb minn Ġesu Kristu nnifsu. U dan f’mument fl-Istorja fejn diġà riedu jneħħu x-xbieha tal-Kurċifiss minn postijiet pubbliċi.

It-twelid tiegħu ifisser it-twelid ta’ Opra kbira b’risq il-foqra morda, Casa Sollievo della Sofferenza, illum belt sanitarja fejn il-marid jiġi moqdi mhux biss bil-mediċina imma bl-imħabba tal-Alla, u Opri oħra b’risq dawk fil-bżonn; ifisser it-twelid ta’ l-ewwel gruppi ta’ talb fil-Knisja li llum jgħoddu eluf fuq eluf madwar id-dinja kollha; ifisser it-twaqqif ta’ movimenti ispirati mill-kariżma, l-ispiritwalita u l-missjoni tiegħu li jħaddnu saċerdoti, reliġjużi u lajċi, bħalma huwa I servi della sofferenza; ifisser it-twelid ta’ nisa w irġiel fit-triq lejn l-altari għall-qima tagħna: Beata Maria Gargani, il-Venerabli Fra Daniele Natale, il-Qaddej tal-Alla Fra Modestino Fucci, u oħrajn.

Ma’ dan kollu, imbagħad, hemm “L-Epistolarju” f’erbgħa volumi. Ittri miktuba minn Padre Pio lis-superjuri tiegħu, lil ulied spiritwali tiegħu, lil xi persuni oħra, bl-aħħar waħda lil Papa Pawlu VI fi żmien ta’ wara it-tnedija tal-Enċiklika “Humanae Vitae”.

Meta twieled Padre Pio, twieled tiġdid fl-għejxin tal-fidi fit-talb, ta’ tama ġdida, ta’ faraġ, ta’ sejħa għall-konverżjoni permezz ta’ qrara tajba. Reġgħu dehru fil-beraħ kariżmi straordinarji: l-eżorċiżmu, il-bilokazzjoni, l-iskrutinju tal-qlub, il-fejqan fiżiku, psikoloġiku, morali, irwejjaħ ħelwin jew morri.

Fuq kollox, it-twelid tiegħu kien ifisser skola fejn fiha nitgħallmu l-laqgħa tagħna ma’ Ġesu Kristu ħaj fl-Ewkaristija, permezz ta’ Marija bil-kontemplazzjoni tat-talba tar-Rużarju Mqaddes, u b’fedelta lejn il-Knisja, ukoll meta din hija mmexxija minn midinbin.

Meta darba ġie mistoqsi, “Min hu Padre Pio?”, huwa wieġeb “misteru”.

Għalhekk, it-twelid tiegħu huwa t-twelid ta’ “misteru”, mhux tant ta’ xi ħaġa li wieħed ma jistax jifhem, daqskemm stedina għal esperjenza ta’ ħajja mġdedda fl-Ispirtu s-Santu.

Grazzi Mulej tad-don ta’ Padre Pio ta’ Pietrelcina. Ammen.

Fr. Joe Buttiġieġ, OFMCap.
skolasanpiju@gmail.com
FB st. Padre Pio Malta