L-inżul fuq l-irkupptejn – 3 parti


Kif għandna noqogħdu fil-knisja

 Din hi t-tielet parti dwar għaliex aħna ninżlu għarkupptejna fil-knisja, mill-ktieb tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, ‘The Spirit of the Liturgy’. F’dan il-ktieb, il-Papa Benedittu jitkellem dwar il-ġesti differenti li nużaw fil-Liturġija. Għaliex inqumu bilwieqfa, noqogħdu bil-qiegħda u ninżlu għarkupptejna.

Dan li għidna qabel iwassalna għall-ġest tipiku tal-inżul fuq irkoppa waħda jew tnejn.  Fl-ebrajk tat-Testment il-Qadim, il-verb barak, li jfisser tinżel għarkupptejk, huwa mnissel mal-kelma berek li tfisser irkoppa.  L-Ebrej kienu jqisu l-irkupptejn bħala simbolu ta’ saħħa; mela meta nilwu rkupptejna nkunu nilwu saħħitna quddiem Alla l-ħaj u b’hekk nagħrfu li kulma aħna rċivejnieh mingħandu.  Fil-passaġġi importanti tat-Testment il-Qadim dan il-ġest jidher bħallikieku espressjoni ta’ qima. Waqt id-dedikazzjoni tat-Tempju Mosè jinżel għarkupptejh “quddiem il-ġemgħa kollha ta’ Israel”  ( 2 Kron 6:13).

Wara l-eżilju, fi żmien ta’ ħafna tbatija għal Israel li jkun għadu bla tempju, Esdra jirrepeti dan il-ġest waqt is-sagrifiċċju ta’ filgħaxija: “Jiena …. nżilt għarkupptejja u ftaħt idejja lejn il-Mulej” (Esdra 9:5). Is-salm il-kbir tal-Passjoni, Salm 22 (“Alla tiegħi, Alla tiegħI, għaliex tlaqtni?”), jagħlaq b’din il-wegħda: “Iva, lilu biss iqimu l-kbarat kollha tal-art, quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.” (v. 29) Is-silta marbuta ma’ dan li qed ngħidu, Isaija 45:23, rridu nikkunsidrawha fil-kuntest tat-Testment il-Ġdid.  L-Atti tal-Appostli jgħidulna kif San Pietru (9:40), San Pawl (20:36) u l-komunità nisranija kollha kienu jitolbu għarkupptejhom.

Fil-kas tagħna r-rakkont tal-martirju ta’ San Stiefnu għandu importanza partikulari.  L-ewwel bniedem li ta xhieda b’demmu għal Kristu huwa deskritt bħala xbieha perfetta ta’ Kristu li l-Passjoni tiegħu hija ripetuta fil-martirju tax-xhud, mqar fid-dettalji ż-żgħar. Wieħed minn dawn huwa li Stiefnu, mixħut għarkupptejh, jagħmel tiegħu t-talba ta’ Kristu msallab: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub.” (7:60) Irridu niftakru illi Luqa, bil-maqlub ta’ Mattew u Mark, jgħidilna li l-Mulej niżel għarkupptejh fil-Ġetsemani, u dan juri li Luqa ried li l-ewwel martri jidher dieħel fit-talba ta’ Ġesù proprju għarkupptejh.  Mela l-inżul fuq l-irkupptejn mhuwiex biss ġest nisrani, imma wkoll ġest Kristoloġiku.

Għalija l-aktar silta importanti għal dik li hi teoloġija tal-inżul fuq l-irkupptejn tibqa’ dejjem l-innu kbir lil Kristu fl-ittra lil Filippin 2:6-11.  F’dan l-innu ta’ qabel San Pawl nistgħu nisimgħu u naraw it-talba tal-Knisja appostolika, u fih nilmħu l-istqarrija tal-fidi tagħha fi Kristu.  B’danakollu nisimgħu wkoll il-leħen tal-Appostlu li jidħol f’din it-talba u jgħaddiha lilna, u b’hekk finalment nagħrfu l-għaqda profonda bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid u l-wisa’ kosmiku tal-fidi nisranija.  L-innu jippreżenta lil Kristu bħala l-antitip tal-Ewwel Adam.  Filwaqt li dan tal-aħħar kien arroganti u ried jaħtaf għalih ix-xebh m’Alla, Kristu ma jqisiex “bħala ħaġa maħtufa li jkun daqs Alla”, għalkemm hu proprju hekk mill-istess natura tiegħu. Bil-maqlub Hu jumilja ruħu sal-mewt, u sal-mewt tas-salib.  Hija preċiżament din l-umiltà, ġejja mill-imħabba, li turi r-realtà tassew divina u takkwistalu l-“isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkobba, fuq l-art u taħt l-art” (Fil 2:5-11).  Hawnhekk l-innu tal-Knisja appostolika jerġa’ jaqbad mal-kliem ta’ tifħir li nsibu f’Isaija 45:23: “Bija nnifsi naħlef, joħroġ minn fommi s-sewwa u ma terġax lura l-kelma. Lejja tiltewa kull irkoppa u bija kull ilsien jaħlef.”

Fin-nisġa li teżisti bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid jidher ċar illi mqar fuq is-salib Ġesù jġib ‘l-isem li hu fuq kull isem’ – l-isem t’Alla l-aktar għoli – u Huwa nnifsu hu Alla mill-istess natura tiegħu.  Permezz tiegħu, permezz tal-Imsallab, il-wegħda kuraġġuża tat-Testment il-Qadim hija issa mitmuma: kulħadd jilwi rkopptu quddiem Ġesù, dak li niżel, u jqimu preċiżament bħala Alla veru u waħdieni li hu fuq l-allat kollha.  Is-Salib sar is-sinjal tal-preżenza t’Alla li jħaddan id-dinja kollha, u dak kollu li smajna qabel dwar Kristu storiku u kosmiku rridu nerġgħu niftakru fih f’din is-silta.  Il-liturġija nisranija hija liturġija kosmika proprju għax tilwi rkoppitha quddiem il-Mulej imsallab u gglorifkat.  Hawnhekk jinsab iċ-ċentru tal-kultura awtentika, tal-kultura vera. Il-ġest umli li bih aħna ninxteħtu f’riġlejn il-Mulej idaħħalna fil-mogħdija vera tal-ħajja tal-kosmos.

Hemm ħafna iżjed x’nistgħu nżidu.  Hemm, ngħidu aħna, l-istorja kommoventi li jirrakkonta Eusebius fl-istorja tiegħu tal-Knisja u li hu jgħid hija tradizzjoni li tmur lura sa Hegesippus fit-tieni seklu.  Milli jidher San Ġakbu, ‘ħu l-Mulej’, l-ewwel isqof ta’ Ġerusalemm u ‘r-ras’ tal-Knisja nisranija lhudija, kellu bħal kallu f’irkupptejh għax dejjem kont issibu għarkupptejh iqim lil Alla u jitolbu jaħfer lil ġensu (2, 23 u 26).  Hemm ukoll rakkont ġej mill-għajdut tal-Missirijiet tad-Deżert li jgħid li x-xitan ġie mġiegħel minn Alla biex juri ruħu lil ċertu Abba Apollo.  Kien iswed u ikrah u kellu jdejh u saqajh jbeżżgħuk jekk tarahom tant kemm kienu nexfin. Fuq kollox, iżda, ma kellux irkupptejn. L-inkapaċità li wieħed jinżel għazrkupptejh tidher bħala l-essenza ta’ kulma hu djaboliku.

Iżda ma nixtieqx nidħol f’aktar dettalji. Nixtieq inżid rimarka waħda biss.  L-espressjoni li juża San Luqa biex jiddeskrivi l-inżul fuq l-irkupptejn tal-Insara (theis tagonata) ma tinsabx fil-grieg klassiku. Hawnhekk qegħdin nittrattaw kelma li hija speċifikament nisranija.  B’dik ir-rimarka r-riflessjonijiet tagħna biex ngħidu hekk jerġgħu jduru dawra sħiħa sal-punt minn fejn kienu bdew. Jista’ jkun illi mhix fil-kultura moderna li wieħed jinżel għarkupptejh, għax din il-kultura tat daharha lill-fidi u m’għadhiex tagħraf lil Dak li quddiemu bir-raġun kollu, anzi b’neċessità, aħna ninżlu għarkupptejna. Il-bniedem li jitgħallem jemmen jinżel ukoll għarkupptejh, u dik il-fidi jew dik il-liturġija li m’għadhiex imdorrija tinżel għarkupptejha hija marida sa fil-qalba tagħha. Fejn intilfet, din id-drawwa trid terġa’ tinstab biex fit-talb tagħna nibqgħu mxerkin ma’ l-appostli u l-martri, imxerkin mal-kosmos kollu, tabilħaqq magħqudin ma’ Ġesù Kristu nnifsu.

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.