Għażiż Elia!


Il-passaġġ tiegħek għall-ħajja ta’ dejjem ħasadni! Qatt f’mitt sena ma kont qed nistennieħ! Ippermettili ngħidlek, għażiż Elia, xerridt demgħa siekta għall-mewta tiegħek għal din id-dinja, Wied tad-Dmugħ!

Madankollu, wara l-ewwel demgħa ta’ sogħba, li ħarġet minn għajnejja Kapuċċini, ħarġet imbagħad demgħa oħra. Din id-darba ta’ radd il-ħajr lill-Mulej ta’ ħajtek! Kemm ferraħt nies tul ħajtek għażiż Elia! Lili, l-ewwel wieħed! It-tbissima ħelwa tiegħek, kollha mogħdrija għal min qed ibati, tinstab imnaqqxa f’qalbi!

Donnok kont tkun taf meta kont inkun għajjien mejjet, għax dejjem irrankat, f’dak l-Isptar daqshiex ta’ Mater Dei! Kemm kont isservini bl-oħla kannol tal-irkotta, frisk u jfuħ! Biex żgur niġi f’tiegħi! U b’liema mħabba kont tlestili dak il-cappuccino tal-prima klassi! Kif taf tagħmlu int! Għidli ftit, għażiż Elia, nista’ ma nħallix dawn l-esperjenzi jiżżerżqu fija u jsaħħuni? L-ospitalità tiegħek, wara dak il-bank nadif xummiema, daħlet fija. U nisslitli paċi bil-bosta!

Għax, għażiż Elia, l-indafa tazza li biha kont iżżomm il-ħanut u l-benna ta’ iklek li jgħaxxaq il-qlub l-aktar imtertqa, għax dejjem ikunu ma’ qlub oħra mtertqa mill-mard, jasal li jfakkarni f’ħaġa tassew importanti f’ħajtek, għażiż ħabib: Kemm kont tħobb lill-Mulej! Kemm nitgħaxxaq narak, fl-ewwel postijiet, meta kienet issir ir-Rhema fil-parroċċi tagħna! Il-preżenza tiegħek, qalb ma’ qalb mal-Mulej, aktar kienet timlini bil-ferħ u tnissilli aptit aptitun għall-kannoli li kont tħejjijlna! Għax Hu min ikun viċin il-Mulej Ġesù, u jemmen bis-sħiħ fil-fejqan tiegħU, li jista’ jitma’ bil-ħlewwa u bis-sewwa u hekk ifejjaq minn kull dnewwa!

U, illum, meta naħseb f’dawn il-lagħqat mill-isbaħ li kien ikollna fil-ħanut tiegħek, faċċata tal-kbir Gejtu, nasal ngħid minn qalbi: Kemm hu mbierek l-ikel li jħejji d-dulċier li jitlob! X’benna fih! X’qawwa jagħti lil dawk ta’ qalbhom maqsuma u lil dawk ta’ ruħhom mifnija! Għażiż Elia, kienet din il-barka fl-ikel li int kont tħejji, b’tant dedikazzjoni u mħabba, li lili kienet tagħtini seba’ saħħiet biex, bil-grazzja tal-Mulej, nibqa’ naqdi lil Ġesù fil-morda sal-aħħar nifs ta’ ħajti hawn l-art, fl-Isptar!

Grazzi Elia tal-ħbiberija sinċiera tiegħek! Grazzi kemm ferraħt nies bl-ikel bnin li ħejjejtilhom! U grazzi wkoll tal-karità moħbija tiegħek! Għax, bħall-kbir Gejtu, la tagħmel plejtu imma fis-skiet, kont tieħu ħsieb ta’ Alla l-ulied! Bil-providenza u l-barkiet!

Il-Mulej jagħtik is-sliem! Naf ċert li fis-sema, il-Mulej poġġiek fil-kċina tiegħU. Żgur li ħa toħorġu bl-unuri! Għax tifħir biss se jkollu u mhux ilmenti! Għax l-ikel tiegħek Elia, kull darba li kont nitfgħu f’ħalqi, kien iġagħlni nlissen il-kelma tal-kelmiet: Too blessed to be stressed!

X’mintix għażiż għalija O Elia!

Patri Mario Attard OFM Cap