Fil-25 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Girgor VII, Papa li għex bejn is-snin 1028 sa 1085.
San Girgor VII twieled fit-Toskana, l-Italja, fl-1028, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Ildebrandu.
Studja f’Ruma mal-Patrijiet Benedittini, u sar patri magħhom.
Il-Papa Girgor VI għamlu segretarju tiegħu, u meta l-Papa ġie eżiljat fi Franza Ildebrandu mar miegħu.
Wara l-mewt, tal-Papa Girgor VI, fl-1047, Ildebrandu mar jgħix fil-monasteru ta’ Cluny, fejn dam madwar sentejn, sakemm il-Papa San Ljun IX (1049-1054) sejjaħlu Ruma biex jgħinu fl-amministrazzjoni.
Meta l-Papa San Ljun miet, ir-Rumani riedu lil Ildebrandu jsir Papa, iżda hu assolutament ma riedx, u ppropona lill-Isqof Gebhard li sar Papa bl-isem ta’ Viktor II (1055-1057). Warajh laħqu Stiefnu IX (1057-1058), Nikola II (1058-1061), u Alessandru II (1061-1073).
Meta miet il-Papa Alessandru II, Ildebrandu kellu jaċċetta li jsir Papa, u ħa l-isem ta’ Girgor VII (22 ta’ April 1073).
Kien il-bniedem tal-mument, u bħala Papa ħadem bla heda għall-Knisja, fuq kollox biex jeqred is-Simonija (Xiri jew bejgħ ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (li l-qassisin jiżżewġu), u l-Investitura (l-approvazzjoni tal-Imperatur għal kull nomina importanti fil-Knisja). Dawn ikkaġunawlu ħafna nkwiet u taħbit, speċjalment l-Investitura, iżda minkejja kull għawġ baqa’ sal-aħħar ma qatax qalbu.
Meta l-Imperatur Neriku IV tal-Ġermanja ried ikompli jagħżel l-isqfijiet hu, il-Papa skomunikah fl-1076. Iżda sena wara l-Imperatur nidem, u l-Papa neħħielu l-iskomunika.
Fl-1084, l-Imperatur reġa’ riedha tgħaddi tiegħu, u wara li assedja Ruma għal tliet snin daħal fiha u ħatar lil Guibert, arċisqof skomunikat ta’ Ravenna, bħala papa, li sar l-antipapa Klement III.
Sadattant il-Papa, wara li kien raġa’ skomunika lill-Imperatur, kellu jħalli Ruma u jmur jirtira l-ewwel f’Monte Cassino u mbagħad f’Salerno fejn miet fil-25 ta’ Mejju, 1085.
Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu. Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fis-sena 1728.