2. Analiżi tal-isem tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 17/07/1991.

1. Fil-katekeżi preżenti, dejjem f’fażi ntroduttiva tal-ekkleżjoloġija, irridu nagħmlu analiżi qasira tal-isem tal-Knisja, li jasal għandna mill-Vanġelu, anzi mill-kelma stress ta’ Kristu.

Hekk insegwu mod klassiku ta’ studju tal-affarijiet, li fihom l-ewwel pass huwa l-esplorazzjoni taas-sinifikat tat-termini wżati biex ifassluha. Għal istituzzjoni kbira u antika bħall-Knisja, li hawn jinteressana, huwa mportanti li nsiru nafu kif sejħilha l-fundatur: għaliex diġa dak l-isem jesprimi ħsiebu, il-proġett tiegħu, l-idea krejattiva tiegħu.

Issa jirriżultalna mill-Vanġelu ta’ Mattew li meta Ġesù, bi tweġiba għall-istqarrija ta’ Fidi ta’ Pietru, ħabbar l-istituzzjoni tal-“Knisja tiegħu” (“Fuq din il-blata jien se nibni l-Knisja tiegħi”: Mt 16, 18), huwa nqeda b’terminu, li l-użu taż-żmien komuni tegħu u l-istess preżenza f’diversi passi tat-Testment il-Qadim jippermettulna niskopru l-valur semantiku. Hemm bżonn li ngħidu li t-test Grieg tal-Vanġelu ta’ Mattew hawn jinqeda bl-espressjoni “mou ten ekklesían”. Dan il-vokabolu – ekklesía – kien intuża mis-Sebgħin, jew aħjar fil-verzjoni Griega tal-Bibbja fit-tieni seklu ta’ qabel Kristu biex jittraduċu l-qahàl ebrajk u l-korrispondent aramajk tiegħu qahalà, aktarx użat minn Ġesù fit-tweġiba tiegħu lil Xmun Pietru. U diġa dan il-fatt huwa l-punt tat-tluq tal-analiżi lessikali tagħna tat-tħabbira ta’ Ġesù.

2. Kemm it-terminu ebrajk qahal kif ukoll dak komuni ekklesía jfissru “laqgħa, assemblea”. Ekklesía għandha rapport etimoloġiku mal-verb Grieg kalein, li jfisser “issejjaħ”. Fil-lingwaġġ semitiku l-kelma kellha prattikament is-sinifikat ta’“assemblea” (sejħa), u fit-Testment il-Qadim kienet tiġi wżatha biex tippjana l-“komunità” tal-poplu magħzul, b’mod speċjali fid-deżert, (c, assemblea”f. Dt4, 10; At 7, 38).

Fiż-żminijiet ta’ Ġesù l-kelma kien għadha fl-użu. Wieħed jistà jinnota b’mod partikolari li f’kitba tas-setta Qumran, li tirrigwarda l-gwerra ta’ wlied id-dlamijiet, l-espressjoni qehál ‘El, “assemblea ta’ Alla”, tiġi wzatha, fost oħrajn simili, dwar is-sinjali militari (1 Qumran 5, 10). Ġesù wkoll juża dak it-terminu biex jitkellem dwar il-komunità messjanika “tiegħu”, dik l-assemblea ġdida msejħa għall-allejanza f’demmu, allejanza mħabbra fiċ-enaklu (cf. Mt 26, 28).

3. Kemm fil-lingwaġġ semitiku kif ukoll f’dak Grieg, l-assemblea kienet tikkaratterizza ruħha a bażi tar-rieda ta’ dak li kien isejjaħha, u għall-iskop li għalih kien isejjaħha. Infatti kemm f’Iżrael, kif ukoll fil-bliet-stati antiki tal-Griegi (pòleis), kienu jinġabru assembleji ta’ tip differenti, ukoll ta’ karattru profan (politiċi, militari jew professjonali), maġemb dawk reliġjużi u liturġiċi. Ukoll it-Testment il-Qadim isemmi assembleji ta’ tip differenti. Imma meta jitkellem mill-komunità tal poplu magħżul jenfasizza s-sinifikat reliġjuż, u anzi tejokratiku, tal-poplu magħżul u msejjaħ waqt li jiddikjara b’mod espliċitu l-fatt li huwa kien jappartieni lil Alla uniku. Għalhekk jikkonsidra u jsejjaħ lill-poplu kollu ta’ Iżrael bħala qahal ta’ Jaħwè, propju għaliex huwa hu “propjetà” partikolari “ta’ Jaħwè fost il-popli” (Es 19, 5). Din hija appartenenza u relazzjoni għal kollox partikolari ma’ Alla, imsejsa fuq il-Patt strett miegħu u fuq l-aċċettazzjoni tal-kmandamenti mogħtija permezz ta’ intermedjarji bejn Alla u l-poplu, filwaqt tas-sejħa tiegħu li l-Iskrittura Mqaddsa ssejjaħ appuntu “il-jum tal-assemblea”  (“jòm haqqahàl”: Dt 9, 10; 10, 4). Is-sentiment ta’ din l-appartenenza jaqsam l-istorja kollha ta’ Iżrael u jibqà għaddej minkejja t-tradimenti u l-kriżijiet u t-telfiet rikorrenti. Din hija verità tejoloġika miġbura fl-istorja, li għaliha jistgħu jappellaw il-profeti fil-waqtiet tad-deżolazzjoni, bħal Iżaija (deutero), li jgħid lill-Iżrael, f’isem Alla, lejn tmiem l-eżilju: “La tibżax għaliex jien fdejtek, sejjaħtlek b’ismek: inti tappartieni lili” ( 43, 1). Bħallikieku biex iħabbar li bis-saħħa tal-Patt il-Qadim huwa kien se jintervieni ma jdumx biex jeħles lill-poplu tiegħu.

4. Dan il-Patt ma’ Alla, dovut għall-għażla tiegħu, jagħti karattru reliġjuż lill-poplu kollu ta’ Iżrael u skop traxxendentali lill-istorja kollha tiegħu, li wkoll tiżvolġi bejn ġrajjiet terreni issa ferrieħa, issa fatali,  hekk jispjega ruħu l-lingwaġġ tal-Bibbja meta jsejjaħ lill-Iżrael “komunità ta’ Alla” (“qehal Elohìm”: cf. Ne 13, 1; u iktar spiss “qehal Jahwèh”: cf. Dt 23, 2-4.9). U l-kuxjenza permanenti ta’ appartenenza msejsa fuq l-għażla ta’ Iżrael mwettqa minn Alla nnifsu: “Intom tkunu għalija l-propjetà fost il-ġnus kollha . . . Intom tkunu għalija saltna ta’ saċerdoti u ġens qaddis” (Es 19, 5-6).

Hawn huwa ġustament meħtieġ li niftakru, dejjem minħabba l-analiżi tal-lingwaġġ, li fil-poplu tat-Testment il-Qadim, minħabba r-rispett kbir għall-isem propju ta’ Alla, “qehal Jahvè” kien jiġi moqri bħala “qehal Adonai”, jew aħjar l-“assemblea tal-Mulej”. Għalhekk ukoll fil-verżjoni Griega tas-Sebgħin din hija tradotta: “ekklesía Kyrìou”; aħna ngħidu “il-Knisja tal-Mulej”.

5. Huwa wkoll ta’ min jinnota li l-kittieba tat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid segwew il-verżjoni tas-Sebgħin, u dan il-fatt iservi biex jispjegalna għaliex huma jsejħu “ekklesía” lill-Poplu ta’ Alla l-ġdid (l-Iżrael il-ġdid), kif ukoll r-referenza tagħhom tal-Knisja lil Alla. San Pawl ta’ sikwit jitkellem dwar “Knisja ta’ Alla” (cf. 1 Kor 1, 2; 10, 32; 15, 9; 2 Kor 1, 1; Gal 1, 13) jew inkella dwar il-“Knejjes ta’ Alla” (cf. 1 Kor 11, 16; 1 Ts 2, 14; 2 Ts 1, 4). Waqt li nenfasizzaw konsegwentement il-kontinwità tat-Testment il-Qadim u dak Ġdid, u dan sal-punt li jaslu li jsejħu lill-Knisja ta’ Kristu “L-Iżrael ta’ Alla” (Gal 6, 16). Kmieni sewwa, iżda, jiġri li jseħħ f’San Pawl il-passaġġ għal formulazzjoni tar-realtajiet tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu: bħal meta jitkellem dwar il-Knisja “f’Alla l-Missier u f’Sidna Ġesù Kristu” (1 Ts 2, 14). Fl-Ittra lir-Rumani l-Appostlu jitkellem saħansitra dwar il-“Knejjes ta’ Kristu” (Rm 16, 16), fil-plural, waqt li kellu f’moħħu – u taħt għajnejh – u l-knejjes insara lokali, li kienu nibtu fil-Palestina, fl-Asja Minuri u fil-Greċja.

6. Dan l-iżvilupp progressiv tal-lingwaġġ  jixhdilna li fl-ewwel komunitajiet insara tiċċara ruħha b’mod gradwali n-novità nkluża fil-kliem ta’ Kristu: “Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”. (Mt 16, 18). Għal din il-Knisja japplikaw ruħhom issa f’sens ġdid u bi profondità ikbar il-kelmiet tal-profezija ta’ Iżaija: “La tibżax jiena fdejtek, jien sejjaħtlek b’ismek: int tappartieni lili ( 43, 1). Is-“sejħa divina” hija opra ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla inkarnat, Huwa jsejjes u jibni l-Knisja “tiegħu”, bħala “sejħa lill-bnedmin kollha fil-Patt il-ġdid”.  Ta’ din il-Knisja huwa jagħżel is-sies viżibbli u jafdalu l-mandat li jmexxiha. Din il-Knisja mela tappartieni lilu u tibqà dejjem tiegħu. Din hija l-konvinzjoni tal-ewwel komunitajiet insara, din hija l-fidi tagħhom fil-Knisja ta’ Kristu.

7. Bħal ma wieħed jistà jara, diġa mill-analiżi terminoloġika u konċettwali li wieħed jistà jwettaq fuq it-testijiet tat-Testment il-ġdid joħorgu diversi riżultati dwar is-sinifikat tal-Knisja. Nistgħu sa minn issa niġbruhom fil-qosor fl-allegazzjoni li ġejja: il-Knisja hija l-komunità l-ġdida tal-bnedmin, imwaqqfa minn Kristu bħala “sejħa” ta’ dawk kollha msejħa biex jagħmlu parti mill-Iżrael il-ġdid biex jgħixu l-ħajja divina, skont il-grazzji u l-esiġenzi tal-Patt stabbilit fis-sagrifiċċju tas-Salib. Is-sejħa tittraduċi ruħha għal kulħadd u għal kull wieħed f’sejħa, li tesiġi tweġiba ta’ fidi u ta’ koperazzjoni għall-iskop tal-komunità l-ġdida, indikat minn dak li jiddikjara:  “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħejjejtkom sabiex tmorru u ġġibu l-frott . . .  ” (Ġw 15, 16). Minn hawn jiġi d-dinamiżmu inerenti għall-Knisja, li għandha qasam ta’ azzjoni mmens, għaliex hija sejħa biex tingħaqad ma’ Dak li jrid “jerġà jiġbor fi Kristu l-ħwejjeġ kollha” (Ef 1, 10).

8. L-iskop tas-sejħa huwa li nkunu introdotti fil-komunjoni divina  (cf. 1 Ġw 1, 3). Biex nilħqu dan l-iskop l-ewwel mezz jikkonsisti fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, li l-Knisja tieċievi, taqra u tgħix fid-dawl li jiġiha mill-għoli, bħala don tal-Ispirtu Santu skont il-wegħda ta’ Kristu lill-Appostli” “L-Ispirtu Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, hu jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14, 26). Il-Knisja hija msejħa u mibgħuta biex twassal lil kulħadd l-kelma ta’ Kristu u d-don tal-Ispirtu: lill-poplu kollu li jkun l”Iżrael il-ġdid”, ibda mit-tfal, li dwarhom Ġesù qal: “Ħalluhom jiġu għandi” (Mt 19, 14). Imma lkoll aħna msejħa, żgħar u kbar; u fost il-kbar, persuni minn kull kondizzjoni: bħal ma jgħid San Pawl, “mhemmx iktar la Lhud u linqas Griegi, mhemmx iktar ilsir u linqas ħieles; mhemmx iktar raġel u linqas mara, għaliex intom ulkoll intom wieħed f’Ġesù Kristu” (Gal 3, 28).

9. L-iskop tas-sejħa, fl-aħħarnett, huwa destin eskatoloġiku, għaliex il-poplu l-ġdid huwa għal kollox orjentat lejn il-komunità ċelesti, bħal ma kienu jafu u jħossu l-ewlenin insara: “Hawn isfel m’għandniex belt stabbli, imma għaddejjin infittxu dik futura” (Lh 13, 14). “Pajjiżna . . . huwa fis-sema u minn hemm nistennew bħala feddej lil Sidna Ġesù Kristu” (Fil 3, 20).

Għal din il-quċċata ‘l hemm mid-dinja u soprannaturali wasslitna l-analiżi tal-isem mogħti minn Ġesù lill-Knisja tiegħu: il-misteru ta’komunità ġdida tal-poplu ta’ Alla li jinkludi, fir-rabta tal-komunjoni tal-qaddisin, minbarra lill-fidili li fuq l-art isegwu lil Kristu fit-triq tal-Vanġelu, dawk li jkomplu l-purifikazzjoni tagħhom fil-purgatorju, u l-qaddisin fis-sema. Dwar dawn il-punti kollha jinħtieġ li nerġgħu nitkellmu fil-katekeżi suċċessivi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: