1. Nemmen fi Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 10/07/1991.

1. Se nibdew illum ċiklu ġdid ta’ katekeżi, iddedikat lill-Knisja, li s-Simbolu tagħha niċen-kostantinoplitan igegħlna ngħidu: “Nemmen fil-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u apostolika”.

Dan is-Simbolu, kif ukoll dak ta’ qabel, imsejjaħ tal-Appostli, jgħaqqad b’mod dirett mal-Ispirtu Santu l-verità dwar il-Knisja: “Nemmen fl-Ispirtu Santu, il-Knisja qaddisa kattolika”. Din il-mogħdija mill-Ispirtu Santu għall-Knisja għandha l-loġika tagħha, li San Tumas jispjega fil-bidu tal-katekeżi tiegħu dwar il-Knisja waqt li jikteb: “Bħal ma naraw li fi  bniedem hemm ruħ waħda u ġisem wieħed, u madankollu hemm diversi membri ta’ dan il-ġisem; hekk il-Knisja kattolika hija ġisem wieħed, u għandha bosta membri. Ir-ruħ li tgħajjex dan il-ġisem huwa l-Ispirtu Santu. U għalhekk, wara l-fidi fl-Ispirtu Santu, jiġina l-kmandament biex nemmnu fil-Knisja Kattolika” (cf. San Tumas, Fis-Symbolum Apostolorum expositio, art. 9).

2. Fis-Simbolu niċen-kostantinoplita nitkellmu dwar Knisja “waħda, qaddisa, kattolika u appostolika”. Dawn huma l-hekk imsejħa “noti” tal-Knisja, li jesiġu ċerta spjega introduttiva, ukoll jekk nerġgħu nduru lura biex nitkellmu dwar is-sinifikat tagħhom f’katekeżi suċcessivi.

Ejjew nisimgħu x’jgħidu dwar dan l-aħħar żewġ Konċilji.

Il-Konċilju Vatikan I jippronunzja ruħu dwar l-għaqda tal-Knisja bi kliem pjuttost deskrittiv: “Ir-Ragħaj etern” . . . iddeċieda li jwaqqaf il-Knisja qaddisa, li fiha, bħala d-dar tal-Alla l-ħaj, il-fidili jkunu magħqudin mill-irbit tal-istess fidi u karità” (cf. Denz.-S., 3050).

Il-Konċilju Vatikan II, min-naħa tiegħu, jisħaq: “Kristu, Medjatur uniku,, waqqaf fuq l-art u bla ma jaqtà jsostni l-Knisja qaddisa tiegħu, komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ karità, bħala organiżmu viżibbli”. U jkompli: “. . . il-Knisja terrena u l-Knisja li issa diġa tippossiedi il-ġid ċelesti . . . jiffurmaw realtà waħda kumplessa ta’ element doppju, uman u divin . . . Din hija l-unika Knisja ta’ Kristu, li fis-Simbolu nistqarru”  (Lumen gentium, 8). Dwar din il-Knisja il-Konċilju jgħallem ukoll li hi “fi Kristu bħala sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġeneru uman kollu” (Ivi, 1)

Huwa ċar li l-għaqda tal-Knisja li nistqarru fil-Kredu hija propja tal-Knisja universali, u li l-Knejjes partikolari (jew lokali) huma tali minħabba li jieħdu sehem f’din l-għaqda. Din kienet ippridkata bħala propjetà tal-Knisja sa mill-bidu nett, jiġifieri sa mill-jiem tal-Pentekoste. Din hija mela propjetà primordjali u koessenzjali għall-Knisja, mhux biss ideal li wieħed jimmira għalih bit-tama li jilħqu fil-ġejjieni mhux magħruf. Din it-tama u tiftix jistà jirrigwarda l-attwazzjoni storika ta’ rijunifikazzjoni ta’ dawk li jemmnu fi Kristu; imma bla ma tħassar il-verità mħabbra fl-Ittra lill-Efesin: “Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħal ma waħda hija t-tama li għaliha ġejtu msejħa, dik tal-vokazzjoni tagħkom” (Ef 4,3 -4). Din hija l-verità tal-bidu, li nistqarru fis-Simboli: “Credo unam . . . Ecclesiam”.

3. L-Istorja tal-Knisja seħħet però sa mill-bidu nett fost tensjonijiet u mbuttaturi li kienu jikkompromettu l-għaqda, sa ma kienu jiġbdu l-attenzjoni u ċ-ċanfir tal-Appostli, u b’mod partikolari ta’ Pawlu, sa ma wassluh biex jgħajjat: “Huwa jewwilla Kristu maqsum?” (1 Kor 1, 13). Kienet u hi l-manifestazzjoni tal-inklinazzjoni umana li opponiet ruħha b’mod reċiproku.  Donnha bħallikieku tixtieq – u trid – tagħmel il-propja parti fl-ekonomija tat-tixrid, irrappreżentata b’mod effikaċi fil-paġni bibbliċi dwar Babel.

Imma s-Santi Padri u r-Rgħajja tal-Knisja dejjem sejħu għall-għaqda, fid-dawl tal-Pentekoste li ġiet ikkontrastata ma’ Babel. Il-Konċilju Vatikan II josserva: “L-Ispirtu Santu, li jgħammar f’dawk li jemmnu u jimla u jmexxi l-Knisja kollha, jipproduċi dik l-għaqda meraviljuża tal-fidili, u tant intimament jgħaqqad fi Kristu, tant li hu il-Bidu tal-għaqda tal-Knisja” (Unitatis redintegratio, 2). U ma jistax ma jkunx sors ta’ ferħ, ta’ tama u ta’ talb għall-Knisja biex tagħraf, b’mod speċjali llum, li mill-Ispirtu Santu jiġu wkoll l-isforzi kollha lejali immirati għall-għelbien tal-firdiet kollha u għall-għaqda mill-ġdid tal-insara (ekumeniżmu).

4. Fl-istqarrija tal-fidi tas-Simboli ngħidu wkoll li l-Knisja hija “qaddisa”. Hemm bżonn li wieħed minnufih jiċċara li dan hu minħabba l-oriġni u t-twaqqif divin tagħha. Qaddis huwa l-Kristu li waqqaf il-Knisja, waqt li mmerita għaliha bis-sagrifiċċju tas-Salib id-don tal-Ispirtu Santu, li huwa s-sors ineżawribbli tal-qdusija tal-Knisja, bħal ma hu l-bidu u s-sies tal-għaqda tagħha. Qaddisa hija l-Knisja minħabba l-iskop tagħha, il-glorja ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin; hija qaddisa minħabba l-mezzi wżati għal dan l-iskop, li fihom hemm il-qdusija ta’ Kristu u tal-Ispirtu Santu. Dawn huma; it-tagħlim ta’ Kristu, miġbur fil-qosor fir-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla għalina u fil-kmandament doppju tal-karità; is-sebà sagramenti u l-kult kollu (il-liturġija), b’mod speċjali l-Ewkaristija; il-ħajja tat-talb. Dan kollu huwa liġi divina ta’ ħajja, li fiha l-Ispirtu Santu jopera permezz tal-grazzja msawba u mitmugħa f’dawk li jemmnu u mogħnija b’kariżmi varji għall-ġid tal-Knisja kollha.

Ukoll din hija verità bażika, mistqarrha fil-Kredu, u diġa ddikkjarata fl-Ittra lill-Efesin, fejn hija spjegata r-raġuni ta’ dik il-qdusija: “Kristu ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha biex jirrendiha qaddisa” (Ef 5, 25-26). Irrendiha qaddisa bit-tiswib tal-Ispirtu tiegħu, kif jgħid il-Konċilju Vatikan II: “F’jum il-Pentekoste intbagħat l-Ispirtu Santu biex iqaddes b’mod kontinwu lill-Knisja” (Lumen gentium, 4). Dan huwa s-sies fundamentali li fuqu tistrieħ il-fidi tagħna fil-qdusija tal-Knisja. Il-modi numerużi li fihom turi ruħha din il-qdusija fil-ħajja tal-insara u fl-iżvolġiment tal-fatti reliġjużi u soċjali tal-istorja, huma konferma bla waqfien tal-verità miġbura fil-Kredu, dan huwa mod empiriku biex niskopruha, u, b’xi mod, biex naċċettaw preżenza li fiha nemmnu. Iva, fil-fatt aħna nosservaw li bosta membri tal-Knisja huma qaddisin. Ħafna jippossiedu talinqas dik il-qdusija ordinarja, li toħroġ mill-istat tal-grazzja santifikanti li fiha jgħixu. Imma dejjem iktar jirrivela ruħu n-numru ta’ dawk li jippreżentaw is-sinjali tal-qdusija fi stat erojku. Il-Knisja hija kuntenta ħafna bil-fatt li tistà tagħraf u tfaħħar tali qdusija ta’ tant qaddejja ta’ Alla rġiel u nisa, li baqgħu fidili sal-mewt. Dan huwa bħal kumpens soċjoloġiku tal-preżenza tal-imsejkna midimbin, u stedina lilhom – u allura għalina lkoll – sabiex impoġġu ruħna fit-triq tal-qaddisin.

Imma jibqà minnu l-fatt li l-qdusija tappartieni lill-Knisja minħabba t-twaqqif divin tagħha u minħabba t-tiswib kontinwu tad-doni li l-Ispirtu Santu jwettaq fil-fidili u fit-totalità tal-“ġisem ta’ Kristu” sa mill-Pentekoste. Dan ma jeskludix li, skont il-Konċilju, hija hi għal kull wieħed u waħda u għal kulħadd l-iskop li għandna nilħqu fis-suċċessjoni ta’ Kristu (Lumen gentium, 40).

5. Nota oħra tal-Knisja li fiha nistqarru l-fidi tagħna, hija l-“kattoliċità”. Infatti, il-Knisja, hija bis-saħħa tat-twaqqif divin tagħha “kattolika”, jiġifieri, “universali” (Il-Grieg kath’hólon = fir-rigward tat-totalità). Minn dak li jirriżulta, it-terminu kien intużat l-ewwel darba minn San Injazju ta’ Antijokja, meta kiteb lill-fidili ta’ Smirne: “Fejn hu Ġesù Kristu, hemm hija l-Knisja kattolika” (Ad Smyrneos, 8). It-tradizzjoni kollha tas-Santi Padri u tad-Dutturi tal-Knisja ttenni dik id-definizzjoni ta’ origini evanġelika, sal-Konċilju Vatikan II, li jgħallem: “Il-karattru ta’ universalità, li jżejjen u jiddistingwi l-poplu ta’ Alla, huwa don tal-istess Mulej, u bih il-Knisja kattolika b’mod effikaċi u bla waqfien tipprova tiċċentralizza l-umanità kollha . . . fi Kristu Kap fl-għaqda tal-Ispirtu Santu tiegħU” (Lumen gentium, 13).

Din il-kattoliċità hija dimensjoni profonda, msejsa fuq il-poter universali ta’ Kristu rxoxt (cf. Mt 28,18) u fuq l-estensjoni universali tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu (cf. Għerf 1, 7), u mgħoddija lill-Knisja bi twaqqif divin. Infatti l-Knisja kienet kattolika diġa fl-ewwel jum tal-eżistenza storika tagħha, mas-sebħ ta’ Pentekoste. “Universalità” tfisser għaliha li tkun miftuħa għall-umanità kollha, għall-bnedmin kollha u għall-kulturi kollha, ferm ‘il hemm mill-limiti dojoq spazjali, kulturali u reliġjużi li magħhom setgħet tkun marbuta l-mentalità ta’ wħud mill-membri tagħha, imsejħa ġudaizzanti. Ġesù kien ta lill-Appostli dak il-mandat suprem: “Morru . . .  u għallmu lill-ġnus kollha” (Mt 28, 19); u kien qalilhom u wegħedhom: “Se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sa truf l-art” (At 1, 8). Ukoll hawn, wieħed isib ruħu quddiem forma kostituttiva tal-missjoni u mhux quddiem fatt empiriku sempliċi tat-tixrid tal-Knisja f’nofs ġnus li jappartienu lil “kull nazzjon”, u fl-aħħar minn l-aħħar għall-bnedmin kollha. L-universalità hija propjetà oħra li l-Knisja tippossiedi għall-istess eżistenza tagħha, bis-saħħa tat-twaqqif divin. Din hija dimensjoni kostituttiva, li tippossiedi sa mill-bidu bħala Knisja waħda u qaddisa, u li ma tistax tkun ikkonċepita bħala riżultat ta’ “somma” tal-Knejjes partikolari kollha. Għal dik id-dimensjoni ta’ oriġni divina hija oġġett tal-fidi li nistqarru fil-Kredu.

6. Bl-istess fidi nistqarru fl-aħħarnett li l-Knisja ta’ Kristu hija “apostolika”, jiġifieri mibnija fuq l-Appostli, mingħand min irċeviet il-verità divina rrivelata, minn Kristu u fi Kristu. Il-Knisja hija apostolika minħabba li tikkonserva din it-tradizzjoni apostolika u tgħassisha bħala d-depożitu prezzjuż tagħha.

L-għassiesa maħtura u awtorevoli ta’ dan id-depożitu huma s-suċċessuri tal-Appostli, assistiti mill-Ispirtu Santu. Imma mhemm ebda dubju li dawk kollha li jemmnu, magħqudin mar-Rgħajja leġittimi tagħhom, u allura t-totalità kollha tal-Knisja, jieħdu sehem fl-apostoliċità tal-Knisja, jiġifieri fir-rabta tagħha mal-Appostli u, permezz ta’ dawn, ma’ Kristu. Minħabba dan il-Knisja mhijiex riduċibbli għall-ġerarkija ekkleżjastika biss. Din bla ebda dubju hija s-sies istituzzjonali. Imma l-membri kollha tal-Knisja – Rgħajja u Fidili – jappartienu u huma msejħin biex jiżvolġu rwol attiv fl-uniku Poplu ta’ Alla, li jirċievi mingħandu d-don tar-rabta mal-Appostli u ma’ Kristu, fl-Ispirtu Santu. Bħal ma naqraw fl-Ittra lill-Efesin: “Mibnijin fuq is-sisien tal-Appostli u tal-profeti u billi bħala ġebla tax-xewka għandna lil Kristu Ġesù . . . ejjew mibnijin biex insiru għamara ta’ Alla permezz tal-Ispirtu” (Ef 2, 20-22).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb