Fit-3 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Karlu Lwanga u Sħabu, Martri li ħadu l-martirju fis-sena 1886.
Fl-1879, il-White Fathers kellhom permess mis-Sultan Mtesa tal-Uganda biex jipprietkaw l-Evanġelju f’pajjiżu u f’qasir żmien beda jkollhom suċċess ġmielu.
Iżda Mwanga, is-Sultan li laħaq wara Mtesa, qajjem persekuzzjoni qalila kontra l-Kattoliċi, li bdiet meta hu ried li l-paġġi tiegħu joqogħdu għax-xewqat żienja tiegħu, u Karlu Lwanga li kien il-kap tagħhom ma ħallihomx u waqaf bis-sħiħ lis-Sultan.
Is-Sultan sejħilhom ilkoll quddiemu u insista magħhom biex ma jibqgħux Insara. Iżda huma weġbuh li kienu ser jibqgħu Nsara sal-mewt. Meta s-Sultan semagħhom jgħidu hekk, b’rabja kbira fuqu għajjat: “Mela, agħtuhom il-mewt!”
Karlu kien l-ewwel wieħed, fost tnejn u għoxrin, li ġie mgeżwer f’tapiti tal-qasab u mogħti n-nar fil-belt ta’ Namugongo. Tnax oħra ġew maqtula maħruqa jew b’rashom maqtugħa iktar tard f’dik l-istess ġurnata, nhar il-festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema, 3 ta’ Ġunju, 1886. L-oħrajn ġew maqtula fi ġranet oħra.
Il-biċċa l-kbira minn dawn il-martri kienu żgħażagħ bejn it-tlettax u t-tletin sena, maqbudin fil-qorti tas-Sultan Mwanga. Wieħed minnhom, San Kizito, ta’ tlettax-il sena, kien l-iżgħar martri minħabba l-kastità. Dan, fi triqtu għall-martirju, għamel kuraġġ lil wieħed minn sħabu li kien qiegħed jibki – li aktar tard ġie meħlus – b’dan il-kliem: “Għid it-talba tal-Missierna u mut ta’ raġel.”
Sa sena wara, in-numru ta’ Kattoliċi fl-Uganda kien kiber b’mod straordinarju, u llum ilaħħaq kważi nofs il-popolazzjoni kollha.
Meta fis-6 ta’ Ġunju, 1920 dawn il-Martri tal-Uganda ġew ibbeatifikati mill-Papa Benedittu XV, preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm tlett irġiel li erbgħin sena qabel meta kienu tfal raw il-martirju ta’ dawk il-qaddisin isir quddiem għajnejhom. Fit-18 ta’ Ottubru 1964, il-Papa San Pawlu VI, ikkanonizzahom.
San Karlu Lwanga hu l-qaddis patrun taż-żgħażagħ u tal-Azzjoni Kattolika f’ħafna mill-pajjiżi tal-Afrika tropikali. Meta fl-1969 Pawlu VI żar l-Uganda biex jikkonsagra knisja ddedikata lil dawn il-qaddisin martri, qal lit-22 żagħżugħ li kien qed jgħammed: “Li tkun nisrani hi ħaġa sabiħa ħafna, imma mhux dejjem hi ħaġa ħafifa.”