Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-XIV-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti.
Ħos 11, 1-4.8ċ-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

Dan jgħid il-Mulej:
Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,
u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.
Imma aktar ma sejjaħtilhom,
aktar tbiegħdu minni;
offrew sagrifiċċji lil Bagħalim,
u baħħru quddiem l-idoli.

Kont jien li ’l Efrajm għallimtu jimxi,
erfajthom fuq dirgħajja,
iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom!
Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,
b’rabtiet ta’ mħabba;
u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh,
u lejha mmil nitmagħha.
Daret għalija qalbi,
tqanqlet bil-bosta ħnienti.
Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;
le, ma nerġax inġib fix-xejn ‘l Efrajm,
għax Alla jien, u mhux bniedem,
jien f’nofsok il-Qaddis;
jien ma niġix biex neqred”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 79 (80), 2aċ u 3b.15-16

R/. (4b): Itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini,
qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara, u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 1, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żmien huwa mitmum,
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.
Mt 10, 7-15

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm. Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa’ lura għandkom is-sliem tagħkom. Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-dar jew belt u farfru t-trab ta’ saqajkom. Tassew, ngħidilkom, li jum il-ħaqq ikun eħfef għal Sodoma u Gomorra milli għal dik il-belt”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu