Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XXVIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba.
Gal 5, 1-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar. Araw, jiena, Pawlu, qiegħed ngħidilkom: jekk toqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni, xejn ma jkun jiswielkom Kristu. Jiena nistqarr għal darb’oħra quddiem kull min qagħad għaċ-ċirkonċiżjoni, li hu marbut għall-ħarsien tal-Liġi kollha. Intom li tfittxu l-ġustifikazzjoni fil-Liġi intom maqtugħa minn Kristu; intom twarrabtu mill-grazzja. Imma aħna t-tama tal-ġustifikazzjoni nistennewha bl-ispirtu permezz tal-fidi. Għaliex fi Kristu Ġesù, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 41.43.44.45.47.48

R/. (41a): Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej

Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,
u s-salvazzjoni tiegħek skont il-wegħda tiegħek.
Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa,
għax jien fid-digrieti tiegħek nittama. R/.

Inħares il-liġi tiegħek
għal dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem.
U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi,
għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek. R/.

Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek,
li jiena ħabbejt.
Nerfa’ jdejja lejn il-kmandamenti tiegħek,
u naħseb fuq il-preċetti tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lhud 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija;
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.
Luqa 11, 37-41

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qed jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda. Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skont ir-riti ta’ qabel l-ikel. U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa? Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu