Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XXVIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu.
Gal 5, 18-25

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għejra, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla.

Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx Liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (ara Ġw 8, 12): Min jiġi warajk, Mulej, ikollu d-dawl tal-ħajja

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi!
Lq 11, 42-46

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: “Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta’ ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta’ Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom”.

Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: “Mgħallem, b’dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll”. Qallu Ġesù: “Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b’tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b’saba’ wieħed ma tmissuhom!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu