52. Il-Papa Ruman huwa l-Għalliem Suprem


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 10/03/1993.

1. Mit-testi tat-Testment il-Ġdid, li  rajna diversi drabi fil-katekeżi preċedenti, jirriżulta li Ġesù wera l-intenzjoni tiegħu li jagħti lil Pietru l-imfietah tas-saltna, bi tweġiba għal stqarrija ta’ fidi.

Fiha Pietru tkellem, f’isem it-Tnax, b’qawwa ta’ rivelazzjoni li kienet ġiet mingħand il-Missier. Huwa esprima l-fidi tiegħu f’Ġesù bħala “il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj”. Din l-adeżjoni ta’ fidi lill-persuna ta’ Ġesù mhuwiex sempliċement atteġġjament ta’ fiduċja, imma tinkludi b’mod ċar l-istqarrija ta’ dutrina krostoloġika. Ir-rwol ta’ blata tal-pedament tal-Knisja, mogħti minn Ġesù lil Pietru, jinvolvi mela aspett dutrinali (cf. Mt16, 18-19). Il-missjoni ta’ “wettaq lill-aħwa” bil-fidi, afdata lilu wkoll minn Ġesù (cf. Lq 22, 32), tmur fl-istess sens. Pietru jibbenefika minn talba speċjali tal-Imgħallem biex jiżvolġi dan ir-rwol u jgħin lil ħutu biex jemmnu. Il-kliem “Irgħa l-ħrief tiegħi”, “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 15-17) ma jesprimux b’mod espliċitu missjoni dutrinali, imma jimplikawha. Irgħa l-merħla hija li tipprovdilha nutriment solidu ta’ ħajja spiritwali, u f’dan in-nutriment hemm il-komunikazzjoni tad-duttrina rivelata biex titma l-fidi. Wieħed jasal li jassumi li, skont it-testi evanġeliċi, il-missjoni pastorali universali tal-Papa Ruman, suċċessur ta’ Pietru, tinvolvi missjoni dutrinali. Bħala ragħaj universali, il-Papa għandu l-missjoni li jħabbar id-dutrina rivelata u li jipprpmwovi fil-Knisja kollha l-vera fidi fi Kristu. Dan huwa s-sens integrali tal- ministeru Petrin.

2. Il-valur tal-missjoni dutrinali afdata lil Pietru tirriżulta mill-fatt li, dejjem skont il-fonti evanġeliċi, hija tas-sehem tiegħu fil-missjoni pastorali ta’ Kristu. Pietru huwa l-ewwel minn dawk l-Appostli li lilhom Ġesù qal: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21; cf. Ġw 17, 18). Bħala ragħaj universali, Pietru jrid jaġixxi f’isem Kristu u f’sintonija miegħu fil-qasam uman wiesà kollu li fih Ġesù jrid li jkun ippridkat il-Vanġelu tiegħu u mwassla l-verità feddejja: id-dinja kollha.Is-suċċessur ta’ Pietru fil-missjoni ta’ ragħaj universali huwa mela l-eredi ta’ “munus” dutrinali, li fih huwa assoċjat b’mod intimu, ma’ Pietru, fil-missjoni ta’ Ġesù. Dan xejn ma jnaqqas mill-missjoni pastorali tal-Isqfijiet, li skont il-Konċilju Vatikan II, għandhom fost id-dmirijiet ewlenin dak tal-predikazzjoni tal-Vanġelu: infatti huma “huma l-ħabbara tal-fidi… li jippridkaw lill-poplu afdat lilhom il-fidi li għandu jemmen u japplika fil-prattika tal-ħajja” (Lumen gentium, 25). Madankollu l-isqof ta’ Ruma, bħala l-kap tal-kulleġġ episkopali bir-rieda ta‘ Kristu, huwa l-ewwel ħabbar tal-fidi, li huwa responsabbli għad-dmir tat-tagħlim tal-verità rivelata u li juri l-applikazzjonijiet tagħha fl-imġieba umana. Huwa għandu l-ewwel responsabiltà tad-diffużjoni tal-fidi fid-dinja. Huwa dan li jiddikjara it-tieni Konċilju ta’ Lyon (1274), dwar il-primat u l-milja ta’ awtorità tal-isqof ta’ Ruma, meta jenfasizza li “huwa għandu d-dmir li jiddefendi l-verità tal-fidi, u allura jmiss lilu li jħoll l-kwistjonijiet kontroversali fl-isfera tal-fidi” (Denz. 861). Fuq l-istess linja, il-Konċilju ta’ Firenze (1439) jagħraf fil-Papa Ruman il-“missier u d-duttur tal-insara kollha” (Denz. 1307).

3. Għal din il-missjoni duttrinali s-suċċessur ta’ Pietru jattendi b’serje kontinwattiva ta’ interventi, orali u miktubin, li jikkostitwixxu l-eżserċizzju ordinarju tal- maġisteru bħala tagħlim tal-verità li għandha titwemmen u li għandha tittraduċi ruħha fil-ħajja (fidem et mores). L-atti espressivi ta’ tali maġisteru jistgħu jkunu iktar jew inqas frekwenti u jieħdu forom differenti skont il-bżonn taż-żminijiet, it-talbiet tas-sitwazzjonijiet konkreti, il-possibiltajiet u l-mezzi għad-dispożizzjoni, il-metidoloġiji u t-tekniki tal-komunikazzjoni: imma, basta li jkunu ġejjin minn intenzjoni espressa jew kostruttiva li tippronunzja ruħha f’materja ta’ fidi u ta’ morali, jiltaqgħu fuq mandat riċevut minn Pietru u jilbsu l-awtorità lilu mogħtija minn Kristu. L-eżerċizzju ta’ tali maġisteru jistà jseħħ ukoll b’mod straordinarju, meta s-suċċessur ta’ Pietru – waħdu jew mal-konċilju tal-isqfijiet, bħala suċċessuri tal-Appostli – jippronunzja ruħu ex cathedra dwar punt deċiżiv ta’ dutrina jew ta’ morali nisranija. Imma dwar dan nitkellmu fil-katekeżi li jmiss. Issa jeħtieġ li nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq il-forma tas-soltu u ordinajia tal-maġisteru papali, li għandha estensjoni ferm iktar vasta u importanza essenzjali għall-ħsieb u għall-ħajja tal-komunità nisranija.

4. F’dan ir-rigward, jimmerita qabel kollox li jkun enfasizzat il-valur pożittiv tal-missjoni tax-xandir u t-tixrid tal-messaġġ nisrani, li ngħarrfu d-dutrina awtentika tal-Vanġelu, waqt li nwieġbu l-interrogattivi qodma u ġodda tal-bnedmin quddiem il-problemi fundamentali tal-ħajja bil-kliem etern tar-rivelazzjoni. Ikun kunċett riduttiv u anzi żbaljat dak ta’ maġisteru papali konsistenti biss fil-kundanna tal-iżbalji kontra l-fidi. Dan l-aspett f’ċertu punt negattiv huwa bla ebda dubju preżenti fir-responsabiltà għat-tixrid tal-fidi, billi huwa wkoll meħtieġ li niddefenduha kontra l-iżbalji u d-devjazzjonijiet. Imma d-dmir essenzjali tal-maġisteru papali huwa li jesponi d-dutrina tal-fidi, waqt li jippromwovi l-għarfien tal-misteru ta’ Alla u tal-opra tal-fidwa u waqt li nesponu l-aspetti tal-pjan divin fil-proċess ta’ attwazzjoni fl-istorja umana taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Dan huwa s-servizz għall-verità afdata prinċipalment lis-suċċessur ta’ Pietru, li diġa fl-eżerċizzju ordinarju tal-maġisteru tiegħu jaġixxi mhux bħala persuna privata, imma bħala għalliem suprem tal-Knisja univrsali, skont il-preċiżazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar id-definizzjonijiet ex cathedra (cf. Lumen gentium, 25). Fit-twettiq ta’ dan id-dmir is-suċċessur ta’ Pietru jesprimi f’forma personali imma b’awtorità istituzzjonali r-“regola tal-fidi”, li għandhom isegwu l-membri tal-Knisja universali – sempliċi fidili, katekisti, għalliema tar-reliġjon, tejoloġi – fit-tiftix tas-sens tal-kontenuti permanenti tal-fidi nisranija wkoll fir-rigward tad-diskussjonijiet li jqumu ġewwa u barra tal-komunità ekkleżjali dwar il-punti differenti jew dwar it-totalità tad-dutrina. Huwa minnu li kulħadd fil-Knisja, u b’mod speċjali t-tejoloġi huma msejħin biex iwettqu dan ix-xogħol ta’ ċarezza u espliċitazzjoni kontinwa. Imma l-missjoni ta’ Pietru u tas-suċċessuri tiegħu hija li jistabilixxu u jtennu b’mod awtorevoli dak li l-Knisja irċeviet u emmnet sa mill-bidu, dak li l-Appostli għallmu, dak li l-Iskrittura Sagra u t-tradizzjoni nisranija iffissaw bħala oġġetti tal-fidi u bħala norma nisranija ta’ ħajja. Ukoll ir-rgħajja l-oħra tal-Knisja, l-Isqfijiet suċċessuri tal-Appostli, jiġu “mwettqa” mis-suċċessur ta’ Pietru fil-komunjoni tal-fidi tagħhom ma’ Kristu u fit-twettiq tajjeb tal-missjoni tagħhom.  B’dan il-mod il-maġisteru tal-Isqof ta’ Ruma jimmarka linja ta’ ċarezza u unità għal kulħadd, li speċjalment fi żminijiet ta’ komunikazzjoni massima u diskussjoni, bħal ma hu dan tagħna, tirrivela ruħu indispensabbli.

5. Il-missjoni tas-suċċessur ta’ Pietru tiġi milħuqa fi tliet modi fundamentali: l-ewwelnett bil-kelma. Bħala Ragħaj universali, l-Isqof ta’ Ruma ikellem lill-insara kollha tad-dnja kollha, waqt li jattwa b’mod sħiħ u suprem il-missjoni mogħtija minn Kristu lill-Appostli: “Għallmu lill-ġnus kollha” (Mt 28, 19). Illum li l-mezzi ta’ komunikazzjni jippermettulu li jwassal kelmtu lill-ġnus kollha, huwa jwettaq dak il-mandat divin bħal ma qatt qabel kien possibbli. Barra minn hekk, grazzi għall-mezzi tat-trasport li jippermettulu li jilħaq b’mod personali wkoll postijiet l-iktar imbegħda, huwa jistà jwassal il-messaġġ ta’ Kristu lill-bnedmin ta’ kull pajjiż, waqt li jattwa b’mod ġdid u qatt immaġinat fi żminijiet oħra il-“morru”, li tifforma parti minn dak il-mandat divin: “Morru u għallmu lill-ġnus kollha…”. Is-suċċessur ta’ Pietru jwettaq imbagħad, il-missjoni bil-kitbiet: nibdew bid-diskorsi tiegħu, li jiġu ppubblikati, sabiex ikun magħruf u ddokumentat it-tagħlim tiegħu, sad-dokumenti l-oħra kollha ippubblikati b’mod dirett – u hawn ta’ min ifakkar fl-ewwel post l-enċikliki, li wkoll b’mod formali għandhom il-valur ta’ ragħlim universali – jew, b’mod indirett, permezz tad-dikasteri tal-Kurja Rumana li joperaw taħt mandat tiegħu. Il-Papa jattwa fl-aħħarnett dmiru ta’ Ragħaj b’inizjattivi awtorevoli u istituzzjonijiet ta’ ordni xjentifika u pastorali: hekk, per eżempju, billi jibda jew jiffavorixxi attivitajiet ta’ studju, ta’ qdusija, ta’ evanġelizzazzjoni, ta’ karità u assistenza eċċ. Fil-Knisja kollha; billi jippromwovi istituti awtorizzati u ggarantiti għat-tagħlim tal-fidi (seminarji, fakoltajiet tat-tejoloġija u tax-xjenzi reliġjużi, assoċjazzjonijiet tejoloġiċi, akkademji, eċċ.e, ecc.). Dan hija kollha sensiela wiesgħà ta’ interventi formattivi u operattivi iċċentrati madwar is-suċċessur ta’ Pietru.

6. Waqt li nikkonkludu, nistgħu ngħidu li l-kontenut tat-tagħlim tas-suċcessur ta’ Pietru (kif ukoll tal-Isqfijiet l-oħra), fl-essenza tiegħu, huwa xhieda lil Kristu, lill-Ġrajja tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni, lill-preżenza u lill-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-Knisja u fl-istorja. Fil-forma tiegħu espressiva, jistà jvarja skont il-persuni li jeżerċitawh, tal-interpretazzjoni tagħhom dwar il-bżonnijiet taż-żminijiet, tal-istili ta’ ħsieb tagħhom u ta’ komunikazzjoni. Imma r-rapport mal-Verità ħajja, Kristu, kien, hemm u dejjem se jkun hemm il-qawwa vitali.

Propju f’dan ir-rapport lil Kristu hija l-ispjega definittiva tad-diffikultajiet u tal-oppożizzjonijiet li l-maġisteru tal-Knisja dejjem iltaqà miż-żminijiet ta’ Pietru sal-lum. Għall-Isqfijiet u r-Rgħajja kollha tal-Knisja, u b’mod speċjali għas-suċċessur ta Pietru, jgħodd il-kliem ta’ Ġesù: “Dixxiplu mhu qatt iktar minn imgħallmu” (Mt 10, 24; Lq 6, 40). Ġesù nnifsu svolġa l-ministeru tiegħu f’nofs it-taqtigħa bejn id-dlam u d-dawl, li tikkostitwixxi l-ambjent tal-Inkarnazzjoni tal-Verb (cf. Ġw 1, 1-14). Dik it-taqtigħa kienet ħajja fiż-żminijiet apostoliċi, bħal ma kien avżahom l-Imgħallem: “La darba ppersegwitaw lili, se jippersegwitaw ukoll lilkom (Ġw 15, 20). Sfortunatament din żvolġiet ruħha wkoll fil-qasam ta’ xi komunitajiet insara tant li San Pawl ħass il-bżonn li jħeġġeġ lil Timotju, dixxiplu tiegħu: “Ħabbar il-kelma, insisti f’kull okkażjoni opportuna u mhux opportuna, wissi, ċanfar, ħeġġeġ b’kull ġenerożità u dutrina… (ukoll jekk) ma tkunx qed tgħix iktar id-dutrina tajba” (2 Tm 4, 2-3).

Dak li Pawlu rrakkomanda lil Timotju jgħodd ukoll għall-Isqfijiet tallum, u b;mod speċjali għall-Papa Ruman, li għandu l-missjoni li jipproteġi l-poplu nisrani kontra l-iżbalji fil-qasam tal-fidi u tal-morali, u d-dmir li jgħasses id-depożitu tal-fidi (cf. 2 Tm 4, 7). Gwaj jekk jibżà mill-kritika u min-nuqqas ta’ fehim. Il-konsenja tiegħu hija li jagħti xhieda lil Kristu, lil kelmtu, lil-liġi tiegħu, lil imħabbtu. Imma mal-għarfien tar-responsabiltà propja fil-qasam duttrinali u morali, il-Papa Ruman irid iżid l-impenn li jkun, bħal Ġesù, “manswet u umli tal-qalb” (Mt 11, 29). Itolbu sabiex ikun, u li jsir dejjem iktar.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb