83. Il-Lajċi jaħdmu biex ixerrdu s-Saltna


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/02/1994.

1. Fost l-uffiċċji propji ta’ Kristu, li wrejna f’waqthom fil-katekeżi kristoloġiċi, hemm dak irjali, diġa previst u mħabbar bil-quddiem fit-tradizzjoni messjanika preżenti fit-Testment il-Qadim.

Il-Knisja, mwaqqfa minn Kristu, hija minnu magħmula parteċipi tar-regalità, bħal ma spjegajna fil-katekeżi ekkleżjoloġiċi. Nistgħu u għandna nipproġettaw issa dwar il-lajċi d-dawl ta’ dik id-dutrina li tirrigwarda lill-Knisja, unità mistika u pastorali li topera b’mod kontinwu r-redenzjoni fid-dinja. Jekk il-lajċi jagħmlu parti mill-Knisja, u anzi huma Knisja, bħal ma qal Piju XII fil-famuż diskors tal-1946, ir-riżultat huwa li huma wkoll huma bħal inkorporati mar-Ragħaj suprem tal-Knisja fir-regalità tiegħu.

2. Bħalma jfakkar il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Lumen Gentium, Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla li sar bniedem għall-fidwa tagħna, wara li kien wettaq fuq l-art l-opra redentriċi, li laħqet il-quċċata tagħha fis-sagrifiċċju tas-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet, qabel ma telà s-sema qal lid-dixxipli tiegħu: “Ingħatatli kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt 28, 18). Ma’ din id-dikjarazzjoni Huwa stess kien rabat it-trasferiment lid-dixxipli tal-missjoni u tal-poter li jevanġelizzaw lill-popli kollha, lill-bnedmin kollha, waqt li jgħallmuhom josservaw il-kmandamenti kollha tiegħu (cf. Mt 28, 20): u f’dan kien jikkonsisti s-sehem tagħhom fir-regalità tiegħu. Infatti Kristu huwa Sultan minħabba li huwa rivelatur tal-verità li ġab mis-sema fl-art (cf. Ġw 18, 37) u li afdaha lill-Appostli u lill-Knisja biex ixerrduha mad-dinja tul l-istorja kollha. Tgħix fil-verità rċevuta mingħand Kristu u topera għat-tixrid tagħha fid-dinja huwa mela l-impenn u d-dmir tal-membri kollha tal-Knisja, ukoll tal-lajċi bħal ma jiddikjara l-Konċilju (Lumen Gentium, 36) u tenfasizza l-Eżortazzjoni Christifideles laici (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, n. 14).

3. Dawn huma msejħa biex jgħixu r-“regalità nisranija” (Ibid. 14) bit-twettiq intern tal-verità permezz tal-fidi, u bix-xhieda esterna permezz tal-karità, waqt li jimpenjaw ruħhom ukoll biex joperaw sabiex il-fidi u l-karità jsiru, ukoll permezz tagħhom, il-ħmira ta’ ħajja ġdida għal kulħadd. Bħal ma wieħed jaqra fil-Kostituzzjoni Lumen gentium, “il-Mulej jixtieq li jkabbar is-saltna tiegħu ukoll permezz tal-fidili lajċi, is-saltna jiġifieri tal-verità u tal-ħajja, is-saltna tal-qdusija u tal-grazzja, is-saltna tal-ġustizzja, tal-imħabba u tal-paċi  ” (Lumen Gentium, 36).

Dejjem skont il-Konċilju, dan is-sehem tal-lajċi għall-iżvilupp tas-Saltna jseħħ b’mod speċjali bl-azzjoni diretta u konkreta tagħhom fl-ordni temporali. Waqt li s-Saċerdoti, ir-Reliġjużi rġiel u nisa jiddedikaw ruħhom għall-qasam  iktar b’mod speċifiku spiritwali u reliġjuż għall-konverżjoni tal-bnedmin u għat-tkabbir tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, il-lajċi huma msejħin biex jimpenjaw ruħhom halli jestendu l-influss ta’ Kristu fl-ordni temporali, waqt li joperaw b’mod dirett f’dan l-ordni (cf. Apostolicam actuositatem, 7).

4. Dan ikabbar fil-lajċi, bħal fil-Knisja kollha, viżjoni tad-dinja u b’mod partikolari ħila ta’ valutazzjoni tar-realtajiet umani, li tgħarraf il-valur pożittiv u, fl-istess ħin, id-dimensjoni reliġjuża diġa stipulata fil-Ktieb tal-Għerf: “Iffurmajt il-bniedem sabiex jiddomina fuq il-krejaturi li għamilt u jiggverna d-dinja bi qdusija u ġustizzja” (Għerf 9, 2-3).

L-ordni temporali ma jistax ikun meqjus bħala sistema magħluqa fiha nfisha. Tali idea inerentistika u “mondana”, mhix sostenibbli fil-livell filosofiku, hija eskluża b’mod radikali mill-Kristjaneżmu, li tgħallem minn San Pawl, eku ta’ Ġesù, l-ordni u d-dinamiżmu finalistiku tal-ħolqien, bħala sfond tal-istess ħajja tal-Knisja: “Kollox huwa tagħkom”, kien kiteb l-Appostlu lill-Korintin, donnu biex jenfasizza d-dinjità l-ġdida u l-awtorità nisranija. Imma kien żied minnufih: “Intom ta’ Kristu, u Kristu huwa ta’ Alla” (1 Kor 3, 22-23). Wieħed jistà jadatta dan it-test, mingħajr ma jqarrqu, billi jgħid li d-destin tal-univers kollu huwa marbut ma’ din l-appartenenza.

5. Din il-viżjoni tad-dinja, nibdew mir-regalità ta’ Kristu pparteipata lill-Knisja, tikkostitwixxi l-pedament ta’ Tejoloġija awtentika tal-lajkat dwar l-impenn nisrani tal-lajċi fl-ordni temporali. Bħal ma naqraw fil-Kostituzzjoni Lumen gentium, “il-fidili… għandhom jagħrfu n-natura intima tal-ħolqien kollu, il-valur tiegħu u l-ordinazzjoni tiegħu għat-tifħir ta’ Alla, u biex jgħinu lil xulxin għal ħajja iktar qaddisa ukoll bl-opri propjament sekolari: sabiex id-dinja tiġi mgħaddsa fl-Ispirtu ta’ Kristu u tilħaqq b’mod iktar effikaċi l-iskop tiegħu fil-ġustizzja, fil-karità u fil-paċi. Fit-twettiq b’mod universali ta’ dan l-uffiċċju l-lajċi għandhom il-post prominenti. Bil-kompetenza tagħhom mela fid-dixxiplini profani u bl-attività tagħhom, mgħollija b’mod inerenti mill-grazzja ta’ Kristu, iwasslu b’mod effikaċi l-opra tagħhom, sabiex il-ġid maħluq, skont l-ordni tal-Ħallieq u d-dawl tal-Verb tiegħu, jagħmlu avanz bix-xogħol uman, bit-teknika u bil-kultura ċivili għall-użu b’mod assolut tal-bnedmin kollha, u jkunu bejniethom mifruxin b’mod iktar konvenjenti u, bil-qies tagħhom, iwasslu l-progress universali fil-libertà umana u nisranija. B’dan il-mod Kristu permezz tal-membri tal-Knisja jdawwal dejjem iktar bid-dawl benefiku tiegħu s-soċjetà umana kollha” (Lumen Gentium,  36).

6. U iktar: “Il-lajċi, ukoll waqt li jagħrfu l-qawwiet, ifejqu mill-ġdid l-istituzzjonijiet u l-kondizzjonijiet tad-dinja, jekk ikun hemm xi wħud li jimbuttaw d-drawwiet tad-dnub, hekk ilkoll nidħlu f’konformità man-normi tal-ġustizzja u, minflok infixklu, niffavorixxu l-eżerċizzju tal-virtujiet. Waqt li jaġixxu b’dan il-mod jimlew bil-valur morali l-kultura u l-opri umani” (Ivi; cf. Cathechismus Catholicae Ecclesiae, 909).

“Kull lajk għandu jkun quddiem id-dinja xhud tal-Qawmien mill-Imwiet u tal-ħajja ta’ Sidna Ġesù u sinjal tal-Alla l-Ħaj. Ilkoll flimkien, u kulħadd għal rasu, għandhom jitimgħu lid-dinja bil-frott spiritwali u fiha jiżirgħu l-ispirtu, li minnu huma animati dawk l-imsejkna, il-mansweti u l-paċifiċi, li l-Mulej fil-Vanġelu xandar bħala beati. F’kelma waħda: “dak li r-ruħ hi fil-ġisem, dan huma l-insara fid-dinja”” (Lumen Gentium, 38).

Dan huwa programm ta’ illuminazzjoni u ta’ animazzjoni tad-dinja li jmur lura għall-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu, bħal ma tixhed, per eżempju, l- Ittra lil Diogneto: din, illum ukoll, hija t-triq ewlenija għal mixja ta’ werrieta, xhieda u koperaturi tas-Saltna ta’ Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb