4. L-innoċenza oriġinali tal-bniedem u l-fidwa

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 26/09/1979.

1. Meta ġie biex iwieġeb għad-domandi dwar l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ, Kristu rrefera għal dak li kien hemm miktub dwar it-tema taż-żwieġ fil-Ktieb tal-Ġenesi.  Fiż-żewġ riflessjonijiet tagħna ta’ qabel analizzajna kemm it-test Elohista (Ġen 1), kif ukoll dak Jahwista (Ġen 2). Illum nixtiequ niġbdu xi konklużjonijiet minn dawn l-analiżi.

Meta Kristu jirreferi għall-“bidu”, huwa jitlob lill-interlokoturi tiegħu biex, f’ċertu sens, imorru lil hinn mill-konfini li, fil-Ktieb tal-Ġenesi,  jgħaddu bejn l-istat ta’ innoċenza oriġinali u l-istat tad-dnub, mibdi permezz tal-waqgħa oriġinali. 

B’mod simboliku wieħed jista’ jorbot dawn il-konfini mas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, li fit-test Jahwista joħloq linja li tifred żewġ sitwazzjonijiet dijametrikament  opposti: is-sitwazzjoni tal-innoċenza oriġinali u dik tad-dnub oriġinali.  Dawn is-sitwazzjonijiet għandhom dimensjoni propjra fil-bniedem, fl-intimu tiegħu, fl-għarfien, il-kuxjenza, l-għażla u d-deċiżjoni tiegħu, u dan kollu f’rapport ma’ Alla l-Ħallieq li, fit-test Jahwista (Ġen 2-3), huwa, fl-istess ħin, Alla tal-patt, tal-eqdem patt tal-Ħallieq mal-ħlejqa tiegħu, jiġifieri mal-bniedem.  Bħala espressjoni u simbolu tal-patt ma’ Alla, miksur fil-qalb tal-bniedem, is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin toħloq demarkazzjoni u kuntrast bejn żewġ sitwazzjonijiet u żewġ stati dijametrikament opposti: dak tal-innoċenza oriġinali u dak tad-dnub oriġinali, flimkien mal-ħtija ereditarja tal-bniedem li ġejja minn dan tal-aħħar.  Madankollu il-kliem ta’ Kristu li jirreferi għall-“bidu”, jippermettilna nsibu fil-bniedem kontinwità essenzjali u rabta bejn iż-żewġ stati jew dimensjonijiet differenti tal-esseri uman. L-istat tad-dnub jagħmel parti mill-“bniedem storiku”, kemm ta’ dak li naqraw dwaru f’Mattew 19, jiġifieri l-interlokotur ta’ Kristu ta’ dak iż-żmien, kif ukoll ta’ kull interlokotur potenzjali jew attwali ta’kull żmien tal-istorja, u allura, naturalment, anke tal-bniedem tal-lum. Dak l-istat, però – l-istat “storiku”, – f’kull bniedem, mingħajr ebda eċċezzjoni, jgħaddas għeruqu fil-“preistorja” teoloġika partikulari tiegħu, li huwa l-istat tal-innoċenza oriġinali. 

2. Hawn din mhix kwistjoni ta’ djalettika biss.  Il-liġijiet tal-għarfien jikkorrispondu ma’ dawk tal-esseri.  Huwa impossibbli li wieħed jifhem l-istat tal-ħtija “storika” mingħajr ma jirreferi jew jirrikorri (u Kristu infatti jirikorri għalih) għall-istat ta’ innoċenza oriġinali (f’ċertu sens “preistorika) u fundamentali.  Għalhekk, sa mill-bidu nett, il-qawmien tal-ħtija bħala stat, bħala dimensjoni tal-eżistenza umana, jinsab f’relazzjoni ma’ din l-innoċenza reali tal-bniedem bħala l-istat oriġinarju u fundamentali tiegħu, bħala dimensjoni tal-ħolqien tiegħu “xbieha ta’ Alla”. 

U hekk jiġri mhux biss għall-ewwel bniedem, raġel u mara, bħala “dramatis personae” u protagonisti tal-ġrajjiet deskritti fit-test Jahwista ta’ kapitli 2 u 3 tal-Ġenesi, imma wkoll għall-mixja storika kollha tal-eżistenza umana. Mela, il-bniedem storiku għandu, biex ngħidu hekk, għeruqu fil-preistorja teoloġika rivelata tiegħu; u allura kull punt tal-ħtija storika tiegħu tispjega ruħha (kemm għar-ruħ kif ukoll għall-ġisem) b’riferenza għall-innoċenza oriġinali. Wieħed jistà jgħid li din ir-riferenza hija “koeredità” tad-dnub, anzi tad-dnub oriġinali. Jekk, f’kull bniedem storiku, dan id-dnub ifisser stat ta’ grazzja mitlufa, allura fih hemm ukoll riferenza għal dik il-grazzja, li kienet preċiżament il-grazzja tal-innoċenza oriġinali. 

3.  Meta, skont kapitlu 19 ta’ Mattew, Kristu jirreferi għall-“bidu”, b’din l-espressjoni huwa ma weriex biss l-istat tal-innoċenza oriġinali bħala orizzont mitluf tal-eżistenza umana fl-istorja.  Għall-kliem li huwa jlissen b’fommu stess, għandna d-dritt nattribwixxu fl-istess ħin l-elokwenza kollha tal-misteru tal-fidwa.  Infatti, fl-istess test Jahwista ta’ Ġenesi 2 u 3, aħna diġà aħna xhieda ta’ meta l-bniedem, maskil u femminil, wara li kiser il-patt oriġinali mal-Ħallieq tiegħu, irċieva l-ewwel wegħda tal-fidwa fil-kliem tal-hekk imsejjaħ Proto-evanġelu fil-Ġenesi 3:15 ), u beda jgħix fil-prospettiva teoloġika tal-fidwa.

 (Diġà, it-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim, magħrufa bħala t-Traduzzjoni tas-Sebgħin, li tmur lura, bejn wieħed u ieħor, għat-tieni seklu qabel Kristu, tinterpreta l-Ġenesi 3:15 fis-sens messjaniku, billi tapplika l-pronom maskili “autòs” b’riferenza għas-sustantiv newtru Grieg “sperma” [“semen” fil-Volgata].  It-traduzzjoni Ġudajka tkompli din l-interpretazzjoni.

L-esiġesi Kristjana, li tibda minn Sant’Irinew [Adversus haereses, III, 23,7] tqis dan it-test bħala “proto-evanġelu” li jħabbar ir-rebħa ta’ Ġesù Kristu fuq Satana. Għalkemm tul l-aħħar sekli l-istudjużi tal-Iskrittura Mqaddsa din il-pericope interpretawha b’mod differenti u xi wħud minnhom jikkontestaw l-interpretazzjoni messjanika, b’danakollu, fl-aħħar żminijiet qegħdin jerġgħu jħarsu lejha minn aspett ftit jew wisq differenti.  L-awtur Jahwista, infatti, jgħaqqad il-preistorja mal-istorja ta’ Iżrael li tilħaq il-quċċata tagħha fid-dinastija messjanika ta’ David li twassal għat-twettiq tal-wegħdiet tal-Ġenesi 3:15 [Ara: 2Sam 7:12].  It-Testment il-Ġdid wera t-twettiq tal-wegħda fl-istess prospettiva messjanika: Ġesù huwa l-Messija, dixxendent ta’ David [Rm 1:3; 2Tm 2:8], imwieled minn mara [Gal 4:4], Adam-David ġdid [1Kor 15], li jrid isaltan “sakemm ikun ġab l-għedewwa kollha taħt riġlejh” [1Kor 15:25] u fl-aħħar, l-Apokalissi 12:1-10 jippreżenta t-twettiq finali tal-profezija tal-Ġenesi 3:15.  Għalkemm din mhix tħabbira ċara u diretta ta’ Ġesù bħala Messija ta’ Iżrael, madankollu twassal għalih permezz tat-tradizzjoni rjali u messjanika li tgħaqqad it-Testment il-Qadim mat-Testment il-Ġdid)

 Bl-istess mod, mela, il-bniedem “storiku” – kemm jekk huwa l-interlokotur ta’ Kristu f’dak iż-żmien li dwaru jitkellem Mattew 19, kif ukoll jekk hu l-bniedem tal-lum – jipparteċipa f’din il-perspettiva.  Huwa jipparteċipa mhux biss fl-istorja tal-ħtija umana bħala werriet u fl-istess ħin suġġett personali u uniku ta’ din l-istorja, imma jipparteċipa wkoll fl-istorja tal-fidwa, anke hawn bħala suġġett u ko-ħallieq tagħha.  Mela, huwa mhux biss magħluq minħabba ħtijietu rigward l-innoċenza oriġinali, imma huwa wkoll miftuħ għall-misteru tal-fidwa, li twettqet fi Kristu u bi Kristu.  Pawlu, l-awtur tal-ittra lir-Rumani, jesprimi din il-perspettiva tal-fidwa li fiha jgħix l-bniedem “storiku”, meta jikteb: “… Aħna wkoll, li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu,  nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew… il-fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8:23).   Ma nistgħux inwarrbu minn quddiem għajnejna din il-perspettiva aħna u nsegwu kliem Kristu li, fid-diskors tiegħu dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ, jirreferi għall-“bidu”. Jekk dak il-“bidu” jindika biss il-ħolqien tal-bniedem bħala “raġel u mara”, jekk – bħalma diġà aċċennajna – iwassal lill-interlokoturi biss biex jaqsmu l-konfini mill-istat ta’ ħtija tal-bniedem għall-innoċenza oriġinali, u fl-istess ħin ma jiftaħx il-perspettiva ta’ “fidwa tal-ġisem”, it-tweġiba ta’ Kristu ma kinitx tkun affattu mifhuma sewwa.

Propju din il-perspettiva tal-fidwa tal-ġisem tiggarantixxi l-kontinwità u l-għaqda bejn l-istat ereditarju tad-dnub tal-bniedem u l-innoċenza oriġinali tiegħu, anke jekk storikament din l-innoċenza ntilfet minnu b’mod irrimedjabbli.  Huwa wkoll evidenti li Kristu kellu kull dritt iwieġeb il-mistoqsija li għamlulu d-dutturi tal-Liġi u tal-allejanza (kif naqraw f’Mattew 19 u f’Marku 10), fil-perspettiva tal-fidwa li fuqha tistrieħ l-allejanza nfisha. 

4.  Fil-kuntest tat-teoloġija tal-bniedem-ġisem, sostanzjalment deskritta b’dan il-mod, nistgħu naħsbu fil-metodu ta’ analiżi ulterjuri dwar ir-rivelazzjoni tal-“bidu”, li fiha hemm bżonn li nirreferu għall-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi. Irridu dritt indawru l-attenzjoni tagħna għal fattur li huwa partikularment importanti għall-interpretazzjoni teoloġika għaliex jikkonsisti fir-relazzjoni bejn ir-rivelazzjoni u l-esperjenza.  Fl-interpretazzjoni tar-rivelazzjoni dwar il-bniedem, u speċjalment dwar il-ġisem, għal raġunijiet ovvji, irridu nirreferu għall-esperjenza, minħabba li l-bniedem-ġisem aħna ninterpretawh, fuq kollox, mill-esperjenza.

Fid-dawl tal-konsiderazzjoni fundamentali msemmija qabel, aħna għandna kull dritt għall-konvinzjoni li din l-esperjenza “storika” tagħna jeħtieġ, b’xi mod, tieqaf fuq l-għatba tal-innoċenza oriġinali tal-bniedem, minħabba li fil-konfront ta’din tal-aħħar, l-esperjenza tagħna hi inadegwata.  Madankollu fid-dawl tal-istess konsiderazzjonijiet tal-bidu, hemm bżonn li naslu għall-konvinzjoni li l-esperjenza umana tagħna hija, f’dan il-każ, mezz b’xi mod leġittimu għall-interpretazzjoni teoloġika.   F’ċertu sens, dan hu punt indispensabbli ta’ riferenza li rridu nżommu f’moħħna  għall-interpretazzjoni tal-“bidu”.  Analiżi aktar dettaljata tat-test tippermettilna li jkollna viżjoni iktar ċara tiegħu. 

5. Jidher li l-kliem tal-ittra lir-Rumani 8,23, li għadna kemm ikkwotajna, jipprovdi bl-aħjar mod l-orjentament tar-riċerki tagħna iċċentrati fuq ir-rivelazzjoni ta’ dak il-“bidu”, li għalih irrefera Kristu fit-taħdita tiegħu dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ (Mt 19; Mk 10).  L-analiżi kollha għal dan il-għan, li se jsiru aktar ’il quddiem, se jkunu bbażati fuq l-ewwel kapitli tal-Ġenesi, u se jirriflettu, kważi bi ħtieġa, il-verità ta’ kliem San Pawl: “… Aħna wkoll, li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu,  nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew… il-fidwa ta’ ġisimna.”   Jekk inpoġġu lilna nfusna f’din il-pożizzjoni – li taqbel b’mod tant profond mal-esperjenza – il-“bidu” hemm bżonn li jkellimna bir-rikkezza kbira tad-dawl li jiġi mir-rivelazzjoni, li għaliha, fuq kollox, trid twieġeb it-teoloġija.  

(Filwaqt li qed nitkellmu hawn dwar ir-relazzjoni bejn l-“esperjenza” u r-“rivelazzjoni”, jew aħjar dwar konverġenza sorprendenti ta’ bejniethom,  irridu ninnotaw biss li l-bniedem, fl-istat attwali tiegħu tal-eżistenza fil-ġisem, jesperimenta bosta limitazzjonijiet, tbatijiet, passjonijiet, dgħufijiet u fl-aħħar l-istess mewt, li, fl-istess ħin, jirreferu din l-eżistenza tiegħu fil-ġisem għal stat jew dimensjoni oħra differenti.  Meta San Pawl jikteb dwar “il-fidwa tal-ġisem”, huwa jitkellem bil-lingwaġġ tar-rivelazzjoni; billi l-esperjenza, fil-fatt, mhix kapaċi tifhem dan il-kontenut, jew aħjar din ir-realtà, l-awtur tar-Rumani 8:23 jinkludi dak kollu li qiegħed ikun offrut kemm lilu u, f’ċertu mod, lil kull bniedem (indipendentement  mir-relazzjoni tiegħu mar-rivelazzjoni) permezz tal-esperjenza tal-eżistenza umana, li hi l-eżistenza tal-ġisem.  Mela allura għandna d-dritt li nitkellmu dwar ir-relazzjoni bejn l-esperjenza u r-rivelazzjoni.  Anzi għandna d-dritt li nqanqlu l-problema tar-relazzjoni reċiproka tagħhom, anke jekk għal ħafna nies bejn il-waħda u l-oħra tgħaddi linja ta’ antitesi totali u ta’ awtonomija radikali. Fl-opinjoni tagħhom, din il-linja għandha tinġibed bejn il-fidi u x-xjenza, bejn it-teoloġija u l-filosofija. Fit-tifsil ta’ dan il-punto di viżta, qegħdin ikunu kkonsidrati aktar kunċetti astratti milli l-bniedem bħala suġġett ħaj)

L-analiżi li jmiss tispjegalna għaliex u b’liema sens din għandha tkun  teoloġija tal-ġisem.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm