14. Ir-Rivelazzjoni u l-Iskoperta tas-Sinifikat Matrimonjali tal-Ġisem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 09/01/1980.

1. Waqt li nerġgħu naqraw u nanalizzaw it-tieni rakkont tal-ħolqien, jiġifieri it-test Jaħwista, hemm bżonn li nistaqsu jekk l-ewwel “bniedem” (’adam), fis-solitudni oriġinarja tiegħu, “kienx jgħix” id-dinja verament bħala rigal, b’dak l-atteġġjament li hu konformi mal-kondizzjoni attwali ta’ bniedem li jkun irċieva rigal, kif jirriżulta mir-rakkont tal-ewwel kapitlu.  

It-tieni rakkont jurina lill-bniedem fil-ġnien tal-Għeden (ara: Ġen 2:8).  Għalkemm il-bniedem kien jinsab f’din is-sitwazzjoni ta’ hena originarja,  kemm il-Ħallieq innifsu (Alla Jahwe) u mbagħad anke l-“bniedem” stess, indikaw il-fatt li l-bniedem kien waħdu, minflok ma enfasizzaw l-aspett tad-dinja bħala rigal suġġettivament beatifikanti, maħluq għall-bniedem (ara l-ewwel rakkont, b’mod partikulari Ġen 1:26-29).

Diġà analizzajna s-sinifikat tas-solitudni oriġinarja.  Issa rridu ninnutaw li jitfaċċa għall-ewwel darba, b’mod ċar, ċertu nuqqas ta’ tajjeb: “Mhux sewwa li l-bniedem (maskil) jibqa’ waħdu” – qal Alla-Jaħwè – “Ħa nagħmillu għajnuna…” (Ġen 2:18).  L-ewwel “bniedem” qal l-istess ħaġa.  Wara li ġie konxju għal kollox mis-solitudni tiegħu fost il-ħlejjaq kollha ħajjin fid-dinja, stenna “għajnuna li tgħodd għalih” (ara: Ġen 2:20).  Infatti, ebda waħda minn dawn il-ħlejjaq (animalia) ma offriet lill-bniedem il-kundizzjonijiet bażiċi li jagħmluha possibbli li teżisti f’relazzjoni ta’ għotja reċiproka.

Ma’ u għal xi ħadd

2. Hekk, mela, dawn iż-żewġ espressjonijiet, jiġifieri l-aġġettiv “waħdu” u n-nom “għajnuna”, jidhru donnhom verament il-muftieħ li bih nifhmu l-essenza stess tar-rigal fil-livell ta’ bniedem, bħala kontenut eżistenzjali li jinsab fil-verità tax-“xbieha t’Alla”. Infatti, ir-rigal jirrivela, biex ngħidu hekk, karatteristika partikulari tal-eżistenza personali, jew aħjar, tal-istess essenza tal-persuna.  Meta Alla-Jahwe qal, “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18), huwa afferma li “waħdu” l-bniedem ma jwettaqx għal kollox din l-essenza.  Iwettaqha biss billi jeżisti “ma xi ħadd” u – b’mod iktar profond u iktar  sħiħ – billi jeżisti “għal xi ħadd”.

 Din in-norma tal-eżistenza bħala persuna hija muriha fil-Ktieb tal-Ġenesi bħala karatteristika tal-ħolqien, preċiżament permezz tat-tifsira ta’ dawn iż-żewġ kelmiet: “waħdu” u “għajnuna”.  Dawn il-kelmiet jindikaw kemm ir-relazzjoni u anke l-komunjoni tal-persuni bħala fundamentali u kostituttivi għall-bniedem.  Il-komunjoni tal-persuni tfisser li persuna teżisti f’”għal” reċiproka, f’relazzjoni ta’ rigal reċiproku. U din ir-relazzjoni hija appuntu t-twettiq tas-solitudni oriġinarja tal-“bniedem”.

Effettwat mill-imħabba

3. Dan it-twettiq huwa, fl-oriġini tiegħu, beatifikanti.  Bla dubju, huwa impliċitu fil-hena oriġinarju tal-bniedem, u jikkostitwixxi dak l-hena li jappartjeni lill-misteru tal-ħolqien effettwat mill-imħabba li tappartjeni lill-essenza stess tal-għotja kreattiva.  Meta l-bniedem – “il-maskil”, imqajjem mir-raqda tal-Ġenesi, ra lill-bniedem -“il-femminil” meħuda minnu, hu qal: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi” (Ġen 2:23).  Dan il-kliem jesprimi, f’ċertu sens, il-bidu suġġettivament beatifikanti tal-eżistenza tal-bniedem fid-dinja.  Billi seħħ fil-“bidu”, dan jikkonferma l-proċess ta’ individwazzjoni tal-bniedem fid-dinja u  jaf l-oriġni tiegħu, biex ngħidu hekk, lill-istess profondità tas-solitudni tiegħu umana, li huwa jgħix bħala persuna fil-preżenza tal-kreaturi l-oħra kollha u tal-ħlejjaq ħajjin kollha (animalia).

Dan il-“bidu” jappartjeni, għalhekk. għal antropoloġija adegwata u jistà jkun dejjem ivverifikat skont din.  Din il-verifika purament antropoloġika ġġibna, fl-istess ħin, għat-tema tal-“persuna” u għat-tema tal-“ġisem-sess”.

Din is-simultanjetà hija essenzjali. Infatti kieku kellna nittrattaw is-sess mingħajr il-persuna, tinqered l-adegwatezza kollha tal-antropoloġija li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi u, għall-istudju teoloġiku tagħna, jitgħatta dak id-dawl essenzjali tar-rivelazzjoni tal-ġisem, li f’dawn l-ewwel affermazzjonijiet jidher hekk qawwi.

Il-ġisem jesprimi l-persuna

4. Hemm rabta qawwija bejn il-misteru tal-ħolqien, bħala rigal li ġej mill-Imħabba, u dak il-“bidu” beatifikanti tal-eżistenza tal-bniedem bħala maskil u femminil, fil-verità kollha ta’ ġisimhom u tas-sess tagħhom, li hija l-verità sempliċi u safja tal-komunjoni bejn il-persuni.  Meta l-ewwel bniedem, għad-dehra tal-mara, qal: “Din hija għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi” (Ġen 2:23), hu sempliċement afferma l-identità umana tat-tnejn.  B’din l-għajta, huwa donnu qiegħed jgħid: hekk hu ġisem li jesprimi l-“persuna!”

Jekk insegwu s-silta preċedenti tat-test Jaħwista, nistgħu wkoll ngħidu li dan il-“ġisem” jirrivela “r-ruħ ħajja”, li kien sar l-bniedem meta Alla-Jaħwè nefaħ fih il-ħajja (ara: Ġen 2:7).  Dan wassal għas-solitudni tiegħu fil-preżenza tal-ħlejjaq ħajjin kollha.  Wara li qasam il-profondità ta’ dik is-solitudni oriġinarja, il-bniedem ħareġ fid-dimensjoni tar-rigal reċiproku, li l-espressjoni tiegħu – li minnha nnifsha hija l-espressjoni tal-eżistenza tiegħu bħala persuna – hija dak il-ġisem uman fil-verità oriġinarja kollha tiegħu ta’ maskil u tal-femmini.

Il-ġisem, li “għall-” maskil jesprimi l-femminilità u, viċi-versa, “għall-” femminil jesprimi l-maskilità, jimmanifesta r-reċiproċità u l-komunjoni tal-persuni.  Jesprimiha permezz tar-rigal bħala l-karatteristika fundamentali tal-eżistenza personali.  Dan huwa l-ġisem: xhieda tal-ħolqien bħala rigal fundamentali, u għalhekk xhieda tal-Imħabba bħala għajn li minnha ġejja din l-istess għotja.  Il-maskilità u l-femminilità – jiġifieri s-sess – huma s-sinjal oriġinarju ta’ għotja ħallieqa u tal-għarfien min-naħa tal-bniedem, maskil-femminil, tar-rigal mgħejx b’mod oriġinarju.  Din hija t-tifsira li biha s-sess jidħol fit-teoloġija tal-ġisem.

Imsejjaħ “matrimonjali”

5. Dak il-“bidu” beatifikanti tal-esseri u tal-eżistenza tal-bniedem, bħala raġel u mara, huwa marbut mar-rivelazzjoni u mal-iskoperta tat-tifsira tal-ġisem, li jixraq li nsejħulu “matrimonjali”.  Jekk nitkellmu dwar rivelazzjoni u fl-istess ħin dwar skoperta, dan nagħmluh b’rabta mal-partikularità tat-test Jaħwista li fih, il-fil teoloġiku huwa wkoll antropoloġiku u jidher bħala realtà ċerta mgħejxa b’mod kuxejnti mill-bniedem.  

Diġà osservajna li wara l-kelmiet li jesprimu l-ewwel ferħ tal-bidu tal-eżistenza tal-bniedem bħala “maskil u femminil” (Ġen 2:23), isegwi l-versett li jistabbilixxi r-rabta konjugali tagħhom (ara: Ġen 2:24).  Wara jiġi l-versett li jixhed għad-dehra tal-għera tagħhom it-tnejn, imma mingħajr il-mistħija reċiproka (Ġen 2:25). Dan il-konfront sinifikattiv jippermettilna li nitkellmu dwar ir-rivelazzjoni u fl-istess ħin dwar l-iskoperta tas-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem fil-misteru tal-ħolqien.  

Dan is-sinifikat (għall-fatt li hu rrivelat u anke kuxjenti, “mgħejx” mill-bniedem) jikkonferma għal kollox li l-għotja kreattiva, li ġejja mill-Imħabba, tkun laħqet l-għarfien oriġinarju tal-bniedem.  Issir esperjenza ta’ għotja reċiproka, kif rajna diġà fit-test l-antik.  Dik l-għera taż-żewġ proġenituri, ħielsa minn kull mistħija, donnha li tagħti xhieda ta’ dak – forsi anke b’mod speċifiku.

It-tberik tal-fertilità

6. Ġenesi 2:24 jitkellem dwar il-finalità tal-maskilità u l-femminilità tal-bniedem, fil-ħajja tal-miżżewġin-ġenituri.  Filwaqt li jingħaqdu flimkien hekk mill-qrib li jsiru “ġisem wieħed”, huma jissottomettu l-umanità tagħhom għall-barka tal-fertilità, jiġifieri tal-“prokreazzjoni”, li dwarha jitkellem l-ewwel rakkont (Ġen 1:28).  Il-bniedem jibda “jeżisti” b’għarfien ta’ din il-finalità tal- maskilità-femminilità tiegħu, jiġifieri tas-sesswalità tiegħu.  Fl-istess ħin, il-kliem ta’ Ġenesi 2:25: “It-tnejn kienu għerja u ma kinux jistħu minn xulxin”, donnu jżid ma’ din il-verità fundamentali tat-tifsira tal-ġisem uman, tal-maskilità u femminilità tiegħu, verità oħra xejn inqas essenzjali u fundamentali. Konxju mill-ħila prokreattiva ta’ ġismu u tas-sesswalità tiegħu, il-bniedem huwa fl-istess ħin liberu mil-“limitazzjoni” tal-ġisem u tas-sess tiegħu.

Dik l-għera oriġinarja, reċiproka u fl-istess ħin ħielsa mill-mistħija, tesprimi dan il-ħelsien intern tal-bniedem.  Hija, din, il-libertà mill-“istint sesswali”? Il-kunċett ta’ “istint” jimplika diġà limitazzjoni interna, simili għall-istint li jistimola l-fertilità u l-prokreazzjoni fid-dinja kollha tal-ħlejjaq ħajjin (animalia).  Donnu, però, li ż-żewġ testi tal-Ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel u t-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, jorbtu b’mod tajjeb il-perspettiva tal-prokreazzjoni mal-karatteristika fundamentali tal-eżistenza umana f’sens personali.  Konsegwentement, l-analoġija tal-ġisem uman u tas-sess f’relazzjoni mad-dinja tal-annimali – li nistgħu nsejħulha analoġija “tan-natura” – tiġi mgħollija wkoll fiż-żewġ rakkonti (avolja f’kull wieħed b’mod differenti) għal-livell ta’ “xbieha t’Alla”, u għal-livell ta’ persuna u ta’ komunjoni bejn il-persuni.

Għal din il-problema essenzjali hemm bżonn li niddedikaw iktar analiżi.  Għall-kuxjenza tal-bniedem – anke għall-bniedem kontemporanju – huwa importanti nkunu nafu li r-rivelazzjoni tat-“tifsira matrimonjali tal-ġisem” tinsab f’dawk it-testi bibliċi li jitkellmu dwar “il-bidu” tal-bniedem.  Però, huwa ferm iktar importanti li nistabilixxu x’tesprimi eżatt din it-tifsira.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm