15. Il-bniedem-persuna jsir rigal fil-libertà tal-imħabba

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 16/01/1980.

1. Illum inkomplu bl-analiżi tat-testi tal-Ktieb tal-Ġenesi, li bdejna nagħmlu skont il-linja tat-tagħlim ta’ Kristu. Infatti, niftakru li, fid-djalogu tiegħu dwar iż-żwieġ, huwa kien għamel referenza għall-“bidu”.

Ir-rivelazzjoni, u fl-istess ħin l-iskoperta oriġinarja tas-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem, jikkonsisti fil-preżentazzjoni tal-bniedem, maskil u femminil, fir-realtà u l-verità kollha ta’ ġismu u tas-sess tiegħu (“kienu għarwiena”) u fl-istess ħin f’libertà sħiħa minn kull restrizzjoni tal-ġisem u tas-sess. L-għera tal-proġenituri tagħna, interjorment ħielsa mill-mistħija, tagħti xhieda ta’ dan. Wieħed jistà jgħid li, maħluqa mill-Imħabba, mogħnija esseri tagħhom bil-maskilità u l-femminilità, huma t-tnejn “għarwiena” għaliex huma ħielsa mill-istess libertà tar-rigal.

Din il-libertà tinsab appuntu fil-bażi tas-sinifikat matrimonjali tal-ġisem. Il-ġisem uman, bis-sess tiegħu, u l-maskilità u l-femminilità tiegħu, kif muri fl-istess misteru tal-ħolqien, mhuwiex biss sors ta’ fertilità u ta’ prokreazzjoni, bħal l-ordni naturali kollu, imma jinkludi wkoll, sa mill-“bidu”, l-attribut “matrimonjali”, jiġifieri il-ħila li jesprimi l-imħabba: dik l-imħabba li permezz tagħha l-persuna ssir rigal u – permezz ta’ dan ir-rigal – jwettaq t-tifsira tal-esseri u l-eżistenza tiegħu.  Ejjew, hawn infakkru fit-test tal-aħħar Konċilju, fejn hemm iddikkjarat li l-bniedem huwa l-unika kreatura fid-dinja viżibbli li Alla ried “għaliha nfisha”.  Fl-istess waqt dan it-test ikompli jgħid li l-bniedem jista’ “isib biss jiskopri b’mod sħiħ lilu nnifsu fl-għotja sinċiera tiegħu nnifsu”[1].

2. L-għeruq ta’ dik il-għera oriġinarja, ħielsa mill-mistħija, li dwarha jitkellem Ġenesi 2:25, hemm bżonn li nfittxuhom proprju f’dik il-verità sħiħa dwar il-bniedem. Fil-kuntest tal-“bidu” beatifikanti tagħhom, kemm ir-raġel u kemm il-mara huma ħielsa bl-istess libertà tar-rigal. Infatti, biex ikunu jistgħu jibqgħu fir-relazzjoni tar-“rigal sinċier tagħhom infushom” u jsiru rigal għal xulxin permezz tal-umanità kollha tagħhom magħmula minn femminilità u maskilità (anke f’relazzjoni ma’ dik il-perspettiva li dwarha jitkellem Ġenesi 2,24), jeħtieġ li huma jkunu liberi proprju b’dan il-mod.

Hawn qed nirreferu b’mod speċjali għall-libertà bħala setgħa li wieħed ikollu fuqu nnifsu (auto-kontroll). Minn dan l-aspett, sabiex il-bniedem ikun jistà “jagħti lilu nnifsu”, huwa indispensabbli li ikun jistà jsir rigal sabiex ikun jistà “jiskopri lilu nnifsu għal kollox” billi jsir “għotja sinċiera tiegħu nnifsu” (hawn qed nirreferu għall-kliem tal-Konċilju). Hekk, il-kelmiet “huma kienu għarwiena u ma kinux jistħu minn xulxin” jistgħu u jridu jitfissru bħala rivelazzjoni – u fl-istess ħin skoperta mill-ġdid – tal-libertà, li tirrendi possibbli u tikkwalifika is-sens “matrimonjali” tal-ġisem.

3. Ġenesi 2:25, però, ikompli jgħid iktar. Infatti, din is-silta tindika l-possibbiltà u l-karatteristika ta’ din “esperjenza reċiproka tal-ġisem”. Tippermettilna wkoll nidentifikaw dik it-tifsira matrimonjali tal-ġisem in actu.  Meta naqraw li “kienu għarwiena, imma ma kinux jistħu minn xulxin”, inkunu, b’mod dirett, qegħdin immissu l-frott tagħha u b’mod indirett inkunu qegħdin kważi mmissu l-għeruq tagħha.  Liberi internament mir-restrizzjoni ta’ ġisimhom u s-sess tagħhom, liberi bil-libertà tal-għotja, ir-raġel u l-mara setgħu jgawdu mill-verità kollha, mix-xhieda umana kollha, l-istess bħalma Jaħwè kien irrivelahom dawn il-ħwejjeġ fil-misteru tal-ħolqien.

Din il-verità dwar il-bniedem, li t-test konċiljari jiddikjara eżatt bil-kelmiet ikkwotati hawn fuq, għandha żewġ emfasi ewlenin. L-ewwel waħda tafferma li l-bniedem huwa l-unika ħlejqa fid-dinja li l-Ħallieq ried “għaliha nfisha”; it-tieni tikkonsisti fid-dikjarazzjoni li dan l-istess bniedem, mixtieq b’dan il-mod mill-Ħallieq sa mill-“bidu”, jistà jsib lilu nnifsu biss billi jagħti lilu nnifsu b’mod diżinteressat. Issa, din il-verità dwar il-bniedem, li b’mod partikulari donnha tiġbor il-kondizzjoni oriġinarja marbuta mal-“bidu” stess tal-bniedem fil-misteru tal-ħolqien, tistà tinqara mill-ġdid – a bażi tat-test konċiljari – fiż-żewġ direzzjonijiet.  Dan il-qari mill-ġdid jgħinna nifhmu iktar is-sinifikat matrimonjali tal-ġisem.  Dan is-sinifikat jidher imnaqqax fil-kondizzjoni oriġinarja tar-raġel u tal-mara (skont Ġenesi 2:23-25) u b’mod partikulari fis-sinifikat tal-għera oriġinarja tagħhom.

Jekk, bħalma osservajna, fl-għeruq tal-għera tagħhom hemm il-libertà interna tar-rigal – l-għotja diżinteressata tagħhom infushom – dan l-istess rigal jippermetti lit-tnejn, il-mara u r-raġel, li jerġgħu jsibu lilhom infushom b’mod reċiproku, allavolja l-Ħallieq ried lil kull wieħed minnhom ikun“għalih innifsu (ara: Gaudium et Spes, 24). Hekk ir-raġel, fl-ewwel laqgħa bejatifikanti, isib lill-mara, u hi ssib lilu.  B’dan il-mod huwa jaċċettaha interjorment.  Hu jaċċettaha kif inhi mixtieqa “għaliha nfisha” mill-Ħallieq, kif inhi maħluqa fil-misteru tax-xbieha ta’ Alla permezz tal-femminilità tagħha.  B’mod reċiproku, hi tilqà lir-raġel bl-istess mod, kif inhu mixtieq “għalih innifsu” mill-Ħallieq, u maħluq minnu permezz tal-maskilità tiegħu.  F’dan jikkonsistu r-rivelazzjoni u l-iskoperta tas-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem. Ir-rakkont Jaħwista, b’mod partikulari Ġenesi 2:25, jippermettilna niddeduċu li l-bniedem, bħala maskil u femminil, jidħol fid-dinja preċiżament b’dan l-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem, tal-maskilità u l-femminilità tiegħu.

4. Il-ġisem uman, li hu orjentat interjorment mir-“rigal sinċier” tal-persuna, jirrivela mhux biss il-maskilità u l-femminilità tiegħu fuq il-livell fiżiku, imma jirrivela wkoll dak il-valur u dik is-sbuħija li permezz tagħhom jaqbeż id-dimensjoni purament fiżika tas-“sesswalità”[2].  B’dan il-mod, l-għarfien tat-tifsira matrimonjali tal-ġisem, marbuta mal-maskilità u l-femminilità tal-bniedem, f’ċertu sens hu sħiħ.  Minn naħa, dan l-għarfien jindika ħila partikulari fl-espressjoni tal-imħabba, li fiha l-bniedem isir rigal.  Min-naħa l-oħra, il-ħila u d-disponibbiltà profonda għall-“affermazzjoni tal-persuna”, tikkorrispondi għalih.   Fi ftit kliem, din hi l-ħila li wieħed jgħix il-fatt li l-ieħor – il-mara għar-raġel u r-raġel għall-mara – permezz tal-ġisem, huwa xi ħadd mixtieq mill-Ħallieq “għalih innifsu jew għaliha nnifisha”, jiġifieri li persuna hi unika u irrepetibbli: xi ħadd magħżul mill-Imħabba eterna. 

L-“affermazzjoni tal-persuna” mhi xejn ħlief li wieħed jaċċetta r-rigal, li, permezz tar-reċiproċità, joħloq il-komunjoni tal-persuni.  Din il-komunjoni tinbena minn ġewwa.  Tinkludi wkoll l-“esterjorità” sħiħa tal-bniedem, jiġifieri dak kollu li jikkostitwixxi l-għera safja u sempliċi tal-ġisem fil-maskilità u l-femminilità tiegħu.  Imbagħad,  kif naqraw f’Ġenesi 2:25, ir-raġel u l-mara “ma kinux jistħu minn xulxin”.  L-espressjoni biblika “ma kinux jistħu” tindika b’mod dirett “l-esperjenza” bħala dimensjoni suġġettiva.

5.  Hu proprju f’din id-dimensjoni suġġettiva, bħala tnejn “jien” umani ddeterminati mill-maskilità u l-femminilità tagħhom, li t-tnejn li huma, ir-raġel u l-mara, jidhru fil-misteru tal-“bidu” beatifikanti tagħhom. (Hawn ninsabu fl-istat tal-innoċenza oriġinarja tal-bniedem u, fl-istess ħin, fl-hena oriġinarju tiegħu).  Din id-dehra hija waħda qasira, minħabba li tieħu biss xi versetti fil-Ktieb tal-Ġenesi.  Madankollu hija mimlija b’kontenut sorprendenti, teoloġiku u antropoloġiku fl-istess ħin.  Ir-rivelazzjoni u l-iskoperta tas-sinifikat matrimonjali tal-ġisem jispjegaw l-hena oriġinarju tal-bniedem u, fl-istess ħin, jiftħu l-perspettiva tal-istorja tiegħu fid-dinja, li fiha huwa ma jevita qatt din it-“tema” indispensabbli tal-eżistenza tiegħu.

Il-versetti li ġejjin tal-Ktieb tal-Ġenesi, skont it-test Jaħwista tal-kapitlu 3, fil-fatt juru li din il-perspettiva “storika” tinbena b’mod differenti mill-“bidu” beatifikanti (wara d-dnub tan-nisel). Wisq iktar, però, hemm bżonn li nidħlu fil-fond fl-istruttura misterjuża, teoloġika u antropoloġika fl-istess ħin, ta’ dan il- “bidu”.  Infatti, fil-perspettiva kollha tal-“storja” tiegħu, il-bniedem ma jonqos qatt milli jagħti tifsira matrimonjali lil ġismu. Anke jekk din it-tfisira ġġarrab ħafna distorsjonijiet, tibqa’ dejjem il-livell l-iktar profound.  Tesiġi li tkun irrivelata fis-sempliċità u s-safa kollu tagħha, u li timmanifesta ruħha fil-verità kollha tagħha, bħala sinjal tax-“xbieha t’Alla”. Minn hawn tgħaddi wkoll it-triq mill-misteru tal-Ħolqien sal-“fidwa tal-ġisem” (ara: Rum 8).

Għalissa se nibqgħu fuq l-għatba ta’ din il-perspettiva storika.  Skont Ġenesi 2:23-25, nirrealizzaw b’mod ċar ir-rabta li teżisti bejn ir-rivelazzjoni u l-iskoperta tat-tifsira matrimonjali tal-ġisem u l-hena oriġinarju tal-bniedem. Din it-tifsira “matrimonjali” hija wkoll beatifikanti.  Bħala tali, din timmanifesta f’kelma waħda r-realtà sħiħa ta’ dik l-għotja, li dwarha jitkellmu l-ewwel paġni tal-Ktieb tal-Ġenesi.  Meta naqrawhom jikkonvinċuna mill-fatt li l-għarfien tat-tifsira tal-ġisem li toħroġ minnhom – b’mod partikulari mis-sinifikat “matrimonjali” tiegħu – hi l-element fundamentali tal-eżistenza umana fid-dinja.

Dan is-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem uman jistà jinftihem biss fil-kuntest tal-persuna. Il-ġisem għandu sinifikat “matrimonjali” għaliex il-persuna umana, kif jgħid il-Konċilju, hija kreatura li Alla ried għaliha nnifisha. Fl-istess ħin, il-bniedem jista isib tassew lilu nnifsu biss permezz tal-għotja sinċiera tiegħu nnifsu.

Lil hinn mill-vokazzjoni għaż-żwieġ, lir-raġel u lill-mara Kristu rrivelalhom vokazzjoni oħra – dik li jirrinunzjaw għaż-żwieġ, biex joffru lilhom infushom  għas-Saltna tas-Smewwiet.   B’din il-vokazzjoni huwa enfasizza l-istess verità dwar il-persuna umana. Jekk raġel jew mara huma kapaċi joffru lilhom infushom bħala rigal għas-saltna tas-smewwiet, dan il-ġest, min-naħa tiegħu, ikun prova (u forsi aktar minn hekk) li teżisti l-libertà tar-rigal fil-ġisem uman.  Dan ifisser  li l-ġisem għandu sinifikat “matrimonjali” sħiħ.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] Tassew, meta l-Mulej Ġesù talab lill-Missier sabiex “ilkoll ikunu ħaġa waħda … bħal ma jien u int aħna ħaġa waħda” (Ġw 17:21-22), hu fetħilna xenarji li kienu magħluqa għar-raġuni tal-bniedem, għax huwa tana x’nifhmu li hemm ċertu xebh bejn l-unjoni tal-persuni divini u l-unjoni ta’ wlied Alla fil-verità u fil-karità. Dan ix-xebh juri li l-bniedem, li huwa l-unika ħlejqa fid-dinja li Alla ried għaliha nfisha, ma jistax isib lilu nnfisu għal kollox jekk mhux permezz tal-għotja tiegħu nnifsu bħala rigal sinċier [Gaudium et Spes24]. L-analiżi strettament teoloġika tal-“Ktieb tal-Ġenesi”, b’mod partikulari Ġenesi 2:23-25, tippermettilna nirreferu għal dan it-test. Dan jissostitwixxi pass ieħor bejn “antropoloġija adegwata” u “it-teoloġija tal-ġisem”, li hi strettament marbuta mal-iskoperta tal-karatteristiċi essenzjali tal-eżistenza personali fil-“preistorja teoloġika” tal-bniedem. Għalkemm dan jistà jsib oppożizzjoni minn-naħa tal-mentalità evoluzzjonista (saħansitra fost it-teoloġi), madankollu jkun diffiċli jekk ma nirrealizzawx li t-test analizzat tal-“Ktieb tal-Ġenesi”, b’mod speċjali Ġenesi 2:23-25, juri id-dimensjoni mhux biss “oriġinarja” tal-eżistenza tal-bniedem, imma wkoll dik “eżenplari”, b’mod partikulari tal-bniedem “bħala maskil u femminil”.

[2] It-tradizzjoni biblika titkellem dwar eku mbiegħed tal-perfezzjoni fiżika tal-ewwel bniedem. Il-profeta Eżekjel, waqt li jqabbel b’mod impliċitu lis-sultan ta’ Tiru ma’ Adam fil-Għeden, jikteb hekk: “Int mibni kollok perfett, / mimli għerf u kollok ġmiel / fil-Għeden, il-ġnien ta’ Alla, kont…” (ek 28,12-13).

%d bloggers like this: