13. Il-Ħolqien bħala rigal fundamentali u oriġinali

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 02/01/1980.

1. Ejjew nerġgħu lura għall-analiżi tat-test tal-Ġenesi (Ġen 2:25) li konna bejna xi ġimgħat ilu.

Skont din is-silta, ir-raġel u l-mara jaraw lilhom infushom, biex ngħidu hekk, permezz tal-misteru tal-ħolqien; jaraw lilhom infushom f’dan il-mod qabel ma jintebħu li “huma għarwiena”.  Il-fatt li jaraw lil xulxin, mhix sempliċment parteċipazzjoni fil-perċezzjoni tad-dinja “esterna”.  Hi wkoll dimensjoni interna ta’ parteċipazzjoni fil-viżjoni tal-Ħallieq innifsu – dik il-viżjoni li dwarha jitkellem numru ta’ drabi r-rakkont tal-ewwel kapitlu: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen1:31).

Jaraw lil xulxin

L-“għera” tfisser it-tajjeb oriġinarju tal-viżjoni divina.  Hija tfisser dik is-sempliċità kollha u dik il-milja tal-viżjoni li permezz tagħha jimmanifesta ruħu l-valur “safi” tal-bniedem bħala maskil u femminil, il-valur “safi” tal-ġisem u tas-sess.  Is-sitwazzjoni li tiġi murija, b’mod hekk konċiż u fl-istess ħin suġġestiv, mir-rivelazzjoni oriġinarja tal-ġisem kif jidher speċjalment f’Ġenesi 2:25, ma tagħrafx qasma interna u oppożizzjoni bejn dak li hu spiritwali u dak li hu sensibbli, l-istess bħama ma tagħrafx qasma u kontrapożizzjoni bejn dak li umanament jikkostitwixxi l-persuna u dak li fil-bniedem huwa ddeterminat mis-sess: dak li huwa maskili u femminili.

Meta jaraw lil xulxin, bħallikieku permezz tal-misteru nnifsu tal-ħolqien, ir-raġel u l-mara jaraw lil xulxin b’mod ferm iktar sħiħ u iktar distint milli permezz tal-istess sens tal-ħars, jiġifieri permezz tal-għajnejn tal-ġisem.  Infatti huma jaraw u jagħrfu lil xulxin bil-paċi kollha tal-ħarsa interna, li toħloq appuntu l-milja tal-intimità tal-persuni.

Għotja lil xulxin

Jekk il-“mistħija” ġġib magħha limitazzjoni speċifika fil-ħars permezz tal-għajnejn tal-ġisem, dan isseħħ fuq kollox għaliex l-intimità personali tiħawwad u tħossha kważi “mhedda” minn din id-dehra.  Skont Ġenesi 2:25, ir-raġel u l-mara “ma kinux jistħu minn xulxin”,  waqt li kienu qegħdin jaraw u jagħrfu lilhom infushom fil-paċi u t-trankwillità tal-ħarsa interna.  Huma “jikkomunikaw” fil-milja tal-umanità, li timmanifesta ruħha fihom bħala kumplimentarjetà proprju għaliex huma “maskil” u “femminil”.  Fl-istess ħin, huma “jikkumunikaw” a bażi ta’ dik il-komunjoni tal-persuni li fiha, permezz tal-femminilità u tal-maskilità, huma jsiru għotja għal xulxin. B’dan il-mod, fir-reċiproċità huma jilħqu għarfien speċjali tas-sinifikat tal-istess ġisem tagħhom.

Is-sinifikat oriġinali tal-għera jikkorrispondi għal dik is-sempliċità u dik il-milja ta’ viżjoni, li fihom il-fehim tas-sinifikat tal-ġisem iseħħ fil-qalb stess tal-komunità-komunjoni tagħhom.  Din se nsejħulha “matrimonjali”.  Ir-raġel u l-mara f’Ġenesi 2:23-25 joħorġu, preċiżament fil-“bidu” stess, b’dan l-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem tagħhom.  Dan jimmerita analiżi bir-reqqa.

Bi xbieha divina

2. Jekk ir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem fiż-żewġ verżjonijiet, dik Eloħista tal-ewwel kapitlu u dik Jaħwista tat-tieni kapitlu, jippermettulna li nistabbilixxu s-sinifikat oriġinali tas-solitudni, tal-unità u tal-għera, bl-istess mod jippermettulna wkoll li nsibu ruħna fuq l-art ta’ antropoloġija adegwata li tipprova tifhem u tinterpreta l-bniedem f’dak li huwa essenzjalment uman[1].

It-testi bibliċi fihom l-elementi essenzjali ta’ din l-antropoloġija, u dawn jimmanifestaw irwieħhom fil-kuntest teoloġiku tax-“xbieha t’Alla”. Dan il-kunċett jaħbi fih l-għerq tal-verità tal-bniedem, irrivelata permezz ta’ dak il-“bidu”, li Kristu rrefera għalih fit-taħdita tiegħu mal-Fariżej (ara: Mt 19: 3-9), meta tkellem dwar il-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara.  Irridu niftakru li l-analiżi kollha li qegħdin nagħmlu hawn huma marbuta, almenu b’mod indirett, proprju ma’ dan il-kliem tiegħu. Il-bniedem, li Alla ħalaq “raġel u mara”, iġorr ix-xbieha divina ittimbrata f’ġismu “sa mill-bidu”.  Ir-raġel u l-mara jikkostitwixxu kważi żewġ modi differenti ta’ kif il-bniedem “ikun ġisem” f’għaqda ta’ dik ix-xbieha.

Issa, jaqbel li nergġħu nduru mill-ġdid għal dawk il-kelmiet fundamentali li uża Kristu, jiġifieri il-kelma “ħalaq” u s-suġġett “Ħallieq”.  Fil-konsiderazzjonijiet li għamilna s’issa, dawn jintroduċu dimensjoni ġdida, kriterju ġdid ta’ għarfien u ta’ interpretazzjoni, li aħna se nsejħulom “l-ermenewtiċi tar-rigal”.  Id-dimensjoni tar- rigal tiddeċiedi l-verità essenzjali u l-profondità tat-tifsira tas-solitudni, l-għaqda u l-għera oriġinali. Din tinsab ukoll fil-qalba stess tal-misteru tal-ħolqien, li tippermettilna nibnu t-teoloġija tal-ġisem “mill-bidu”, imma tesiġi, fl-istess ħin, li aħna nibnuha proprju b’dan il-mod.

Issejjaħ għall-eżistenza

3. Il-kelma “ħalaq”, fuq fomm Kristu, għandha l-istess verità li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi.  L-ewwel rakkont tal-ħolqien itenni din il-kelma ħafna drabi, minn Ġenesi 1:1 (“Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art”) sa Ġenesi 1:27 (“U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu”)[2]. Alla jirrivela lilu nnifsu fuq kollox bħala Ħallieq. Kristu jirrefera għal dik ir-rivelazzjoni fundamentali miġbura fil-Ktieb tal-Ġenesi.  Fiha, il-kunċett ta’ ħolqien għandu l-profondità tiegħu kollha – mhux biss metafiżika, imma wkoll kompletament teoloġika.

Il-Ħallieq huwa dak li “jsejjaħ għall-eżistenza mix-xejn”, u li jistabilixxi lid-dinja fl-eżistenza u lill-bniedem fid-dinja, għaliex Huwa “hu mħabba” (1Ġw 4:8). Fil-fatt, din il-kelma, “imħabba” (Alla huwa mħabba), ma nsibuhiex fir-rakkont tal-ħolqien. Madankollu, dan ir-rakkont jirrepeti spiss: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna”.  Permezz ta’ dan il-kliem aħna naslu biex nilmħu fl-imħabba l-motiv divin tal-ħolqien, l-għajn li minnha joriġina.  L-imħabba biss, infatti, tagħti bidu għat-tajjeb u tieħu pjaċir bit-tajjeb (ara: 1Kor 13). Bħala azzjoni ta’ Alla, il-ħolqien ifisser mhux biss is-sejħa mix-xejn għall-eżistenza u l-ħolqien tal-eżistenza tad-dinja u tal-bniedem fid-dinja, imma skont l-ewwel rakkont tfisser ukoll għotja – “beresit bara”.  Din higħotja fundamentali u “radikali”, jiġifieri għotja li fiha r-rigal joħroġ proprju mix-xejn.

Toħroġ ir-relazzjoni

4. Il-qari tal-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi jintroduċina għall-misteru tal-ħolqien, jiġifieri għall-bidu tad-dinja skont ir-rieda ta’ Alla, li huwa omnipotenza u mħabba. Konsegwentement, kull ħlejqa għandha fiha l-għelm għar-rigal oriġinali u fundamentali.

Fl-istess ħin, madankollu, il-kunċett ta’ “għotja” ma jistax jirreferi għax-xejn.  Dan il-kunċett jindika lil dak li jirregala u lil dak li jirċievi r-rigal, kif wkoll ir-relazzjoni li tistabilixxi ruħha bejniethom.  Issa din ir-relazzjoni, fir-rakkont tal-ħolqien, titfaċċa f’dak il-waqt tal-ħolqien tal-bniedem.  Din ir-relazzjoni timmanifesta ruħha fuq kollox permezz tal-espressjoni: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu; xbihat Alla ħalqu” (Ġen 1: 27).

Fir-rakkont tal-ħolqien tad-dinja viżibbli, l-għotja għandha tifsira biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem.  Fl-opra kollha tal-ħolqien, għalih biss nistgħu ngħidu li ġie ggratifikat b’rigal; id-dinja viżibbli nħolqot “għalih”.  Ir-rakkont bibliku tal-ħolqien joffrilna raġunijiet biżżejjed biex nifhmu u ninterpretaw b’dan il-mod. Il-ħolqien huwa rigal, għaliex il-bniedem jidher fih.  Bħala “xbieha t’Alla”, il-bniedem għandu l-ħila jifhem it-tifsira stess tar-rigal fis-sejħa mix-xejn tal-eżistenza.  Hu għandu l-ħila jwieġeb lill-Ħallieq bil-lingwaġġ ta’ dan il-fehim.  Fl-interpretazzjoni tar-rakkont tal-ħolqien b’dan il-lingwaġġ, wieħed jistà jiddeduċi minnu li l-ħolqien jikkostitwixxi rigal fundamentali u oriġinali.  Il-bniedem jidher fil-ħolqien bħala dak li jirċievi id-dinja bħala rigal, u fl-istess ħin jistà jingħad ukoll li d-dinja rċeviet lill-bniedem bħala rigal.

Hawnhekk hemm bżonn li nwaqqfu l-analiżi tagħna. Dak li għedna s’issa għandu x’jaqsam mill-qrib ħafna mal-problemi antropoloġiċi kollha tal-“bidu”.  Il-bniedem jidher bħala “maħluq”, jiġifieri bħala dak li, f’nofs id-“dinja”, irċieva bħala rigal il-bniedem l-ieħor.  Aktar ’il quddiem irridu nagħmlu proprju din id-dimensjoni tar-rigal is-suġġett ta’ analiżi profonda sabiex nifhmu wkoll it-tifsira tal-ġisem uman fil-kejl ġust tiegħu.   Dan se jkun l-oġġett tal-meditazzjonijiet tagħna li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] Il-kunċett ta’ “antropoloġija adegwata” kien spjegat fit-test innifsu bħala “għarfien u interpretazzjoni tal-bniedem f’dak li huwa essenzjalment uman”.  Dan il-kunċett jiddetermina l-prinċipju stess ta’ riduzzjoni, karatteristika tal-filosofija tal-bniedem, jindika l-limitu ta’ dan il-prinċipju u, b’mod indirett, jeskludi il-possibbiltà li jinqabeż dan il-limitu. L-antropoloġija “adegwata” tistrieħ essenzjalment fuq l-esperjenza “umana”, u għalhekk tmur kontra r-riduzzjoniżmu  tat-tip “naturalistiku” li spiss jimxi id f’id mat-teorija evoluzzjonista dwar l-oriġni tal-bniedem.)

[2] It-terminu Ebrajk “bara” (ħalaq), użat b’mod esklussiv biex jiddetermina l-azzjoni ta’ Alla, jidher fir-rakkont tal-ħolqien biss f’v. 1 (il-ħolqien tas-sema u tal-art), f’v. 21 (il-ħolqien tal-annimali) u f’v. 27 (il-ħolqien tal-bniedem).  Madankollu, hawnhekk jidher irripetut saħansitra tliet darbiet.  Dan ifisser il-milja u l-perfezzjoni ta’ dak l-att li huwa l-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara. Din ir-ripetizzjoni turi li l-opra tal-ħolqien hawnhekk laħqet il-quċċata tagħha).

%d bloggers like this: