Nagħmillek naqra fwieħa?

Print Friendly, PDF & Email

Niggustaha! B’dik il-kelma ħelwa u mimlija kura tagħha! L-aktar meta nkun għaddej irrankat. U biex, tgħidli, li jien irrankat x’kull waħda u tnejn? U mhux bix-xogħol bla heda fl-isptar? Mal-morda? Bejn sema u ilma? Bejn sema u art?

Imma hi dejjem hemm tkun! Bl-uniformi! Li, kif ninnota, ġieli tinbidel ukoll biż-żmien. Oh dik l-uniformi kemm meta naraha tagħmilli kuraġġ u kuraġġ bil-bosta! Dak il-kuraġġ li jżommni għaddej! Ħa nibqa’ għaddej! Kif iridni l-Mulej innifsu! Fil-Kelma setgħana tiegħu! Meta jgħidli: Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-riżq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni (Is 52:7). Għax xi ġmiel, bil-grazzja li jagħtini l-Mulej Ġesù nnifsu u waħdu, li nxandar il-bxara tas-sliem, il-barka u s-salvazzjoni lill-morda! Lil dawk li għalihom l-istess profeta jgħid: Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas (Is 55:1). Ejjew! Ixtru! Kulu b’xejn! Għax b’xejn qed jiġi għandkom Ġesù! Bla ħlas qed jagħtikom lilu nnifsu! U, bla ħlas qed jgħidilkom biex tiekluh u tixorbuh! Mhux biss fil-Ġisem u d-Demm l-aktar għażiż tiegħU imma wkoll fija, fil-patri, li bla jisħoqqli qed nirrappreżentaH.
Anki jekk, dan il-patri miskin, għarqan u jinten għax il-ħin kollu għaddej!

L-eżempju tagħha jfakkarni f’dik il-mara, oħt Lazzru, tal-vanġelu, li hi wkoll dilket lil Ġesù bil-fwieħa. Liema fwieħa San Ġwann, fir-rakkont sabiħ tiegħu, jagħtina d-dettall li tant kemm kienet tiswa li mhux biss kienet tiswa ħafna (Ġw 12:3) imma wkoll li l-effett tagħha kien tassew kbir! Fil-fatt, l-għaliex kienet fwieħa tan-nard pur (Ġw 12:3), u l-kwantità tagħha kienet mill-aktar kbira, tant li l-evanġelista stess jgħidilna li kienet ta’ libbra (Ġw 12:3), id-dar imtliet bir-riħa tfuħ (Ġw 12:3). Fi kliem ieħor, id-dar infeqgħet mill-fwieħa tal-fwieħa tan-nard pur!

Interessanti li Ġesù, li kien qiegħed mistieden għand Lazzru, żgur li kien għarqan! U jinten ukoll! U int min dejjem iżur lin-nies se ssibu dejjem ifuħ? Dak ifuħ min joqgħod ġewwa? Dejjem nadif xummiema u qattra xogħol li hi xogħol m’għandekx ħila li se toħodha minn taħt idejh! Dak iva! Lil dak se ssibu xummiema! Għax medhi fih innifsu u mhux f’dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħidlu biex iwettaq! Imma ara Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj, dak riħa ta’ għaraq issiblu! Għax jaħdem kien! Għax dejjem imur għand in-nies! Anki jekk kellu min jaqlagħlu u jgħid kontra tiegħu! Tant li uħud, minn dawk l-indaf xummiema u tal-kamra nadifa tazza u kollox f’postu, u li art kamrithom li fuqha jimxu hi donnha kristall, dawk kienu jgħidu għalih: ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!’ (Lq 7:34).

Ikkalunjawh! Għax l-għira li kellhom għalih ma kienux jafu x’se jaqbdu jagħmlu biha! Kien għalhekk li Ġesù, lil dawn l-ipokriti, li kienu jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom (Mt 23:4), qalilhom: Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu (Lq 7:35). Tiċċajta jekk ulied Alla tawhx raġun lill-għerf tiegħu! Dak l-għerf li hu Ġesù Kristu nnifsu! Huwa Ġesù, li ġieli kien jinten ukoll għax dejjem kien jimxi u joħroġlu l-għaraq, aqta’ kemm serraħ qlub ta’ nies! Aqta’ kemm fejjaq! Aqta’ kemm ħafer id-dnubiet! Aqta’ kemm laqa’ għandu nies imkeċċijjin mill-qassisin tat-tempju ta’ Ġerusalemm! Għax f’dan kollu Ġesù kien IFUĦ u mhux jinten!

Għax jintnu kienu dawk li mingħalihom laħqu s-sema b’idejhom! Jintnu kienu dawk tal-klikka li jħokku dahar xulxin! Ħa jsibu lil xulxin meta għandhom bżonn u mhux lill-proxxmu tagħhom! Jintnu kienu dawk li jiġġudikaw lil min hu bla ħtija! Jintnu kienu dawk li jirsnu u jiġġudikaw lill-proxxmu dgħajjef tagħhom! Għax l-hena tagħhom kienet li jagħmluh on show! Li jperrċuh! Jintnu kienu dawk ir-‘rgħajja’, jekk tista’ issejħilhom tabilħaqq ‘rgħajja’, li kienu jirgħu lilhom infushom! Għal dawn l-imnittnin pesta l-profeta Eżekjel jgħid: Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ħażin għalikom ir-rgħajja ta’ Iżrael li jirgħu lilhom infushom! Jaqaw m’hux lin-nagħaġ jirgħu r-rgħajja?’ “Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna, u l-merħla ma tirgħuhiex.” Id-dgħajfa ma saħħaħtuhiex, u l-marida ma fejjaqtuhiex, u l-midruba ma dewwejtuhiex, ‘l dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, lanqas ma fittixtu l-mitlufa. Imma mexxejtuhom b’saħħa u qalb iebsa (Eżek 34:2-4). Tmiem dawn ir-‘rgħajja’ hu tal-waħ waħ waħx! Jissokta Eżekjel: Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Arawni ġej għar-rgħajja, neħdilhom minn taħt idejhom in-nagħaġ tiegħi, u ma nħallihomx jirgħu iżjed il-merħla (Eżek 34:10).

Imma, għal dawk ir-rgħajja li jimxu bħal Ġesù, se jkollhom huma wkoll l-istess esperjenza tiegħu. Kif jgħidilna San Ġwann stess f’dan ir-rakkont: Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ (Ġw 12:3). U meta Ġuda, l-ipokrita, għax ma kienx jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kull ma kienu jaqilgħu (Ġw 12:6), qabad iparla fil-vojt għax qal: Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?” (Ġw 12:5), Ġesù mill-ewwel ġabu f’postu għax fakkru fl-ipokresija tiegħu billi urieh l-effett tat-tradiment tiegħu: Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni (Ġw 12:7-8). Kos hux! Qisu qallu: “Tilgħablix tal-qaddis! Jien lil qalbek nafha! Imma agħraf ħobb! Bħali!”

Ja patri dejjem għandek ċans li tinħasel u titfewwaħ! Imma qatt le titlef opportunità tad-deheb li tingħata għall-proxxmu tiegħek kif preżenti fil-marid fl-Isptar! Anki jekk tintenn! Għax, meta tintenn, int se ssib lil Marija li tagħmillek il-fwieħa hi! U dejjem se jibqa’ jibgħatilek lil Marija! Ħalli, bħal Ġesù, tibqa’ taqdi bħalU! U tfewwaħ lil ta’ madwarek bir-riħa ġeneruża ta’ mħabbtu lejn il-marid! Kif qed tagħmel fis-skiet, lejl u nhar!

Grazzi għażiża Marija! Ibqa’ iva agħmilli naqra fwieħa kull meta tarani! Mhux għax ħa ssodd il-ħalq vojt ta’ min hu vojt imma l-għaliex ħa tfakkarni fi fwieħtu, li tissarraf f’dik l-imħabbtU li tħobb lill-morda fl-Isptar, lil dawn l-għeżież ħutna, lil tiegħu, u li fija, midneb, Ġesù għadu u jibqa’ jħobbhom għall-aħħar (Ġw 13:1).

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply