Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista

Print Friendly, PDF & Email

Fl-24 ta’ Ġunju l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista.

Is-soltu l-Knisja tagħmel il-festa tal-Qaddis fil-jum tal-mewt tiegħu. Illum, qed tagħmel eċċezzjoni għax qed tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann il-Battista fil-jum tat-twelid tiegħu, “għax hu jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.” (Luqa 1:15)

Missieru kien Żakkarija, qassis mit-tribù ta’ Aronne u mill-ordni ta’ Abija, u ommu kien jisimha Eliżabetta, ukoll mit-tribù ta’ Aronne.

Ġara li Żakkarija kien fit-tempju meta deherlu l-Arkanġlu Gabrijel u qallu li martu, li kienet imdaħħla fiż-żmien, kien se jkollha tarbija. Żakkarija ddubita, u tbikkem u baqa’ mbikkem sat-twelid ta’ ibnu.

Ftit taż-żmien wara, l-istess Arkanġlu deher lill-Madonna u ħabbrilha li hi kellha ssir omm il-Messija, u nfurmaha wkoll li Eliżabetta kien ser ikollha tarbija sitt xhur qabilha.

Min jaf kemm ferħet il-Madonna b’din l-aħbar! Fil-fatt ħalliet kollox u marret tħaffef biex tgħin u ddur bil-kuġina tagħha sakemm welldet, u forsi wkoll sa wara ċ-ċirkonċiżjoni tat-tarbija.

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tifel qabeż fil-ġuf tagħha u ġie mnaddaf mid-dnub. Imbagħad, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, kienet l-ewwel waħda li sellmet lil Marija bħala Omm il-Mulej. Bi tweġiba l-Madonna nfexxet tfaħħar ’l Alla bil-“Magnificat”. (Luqa 1:46)

Meta t-tarbija twieldet inħall ilsien Żakkarija li tenna kliem ta’ tifħir ’l Alla, il-“Benedictus.” (Luqa 1:57)

Sakemm kellu tletin sena San Ġwann għex ħajtu fid-deżert. Imbagħad beda l-missjoni li għaliha kien mibgħut fid-dinja billi kien jinsisti man-nies biex jindmu għall-maħfra tad-dnubiet. “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu triq il-Mulej’.”(Ġwanni 1:23)

Ġwanni kien ikun ħdejn ix-xmara Ġordan jgħammed, u meta darba waħda ra ’l Ġesù riesaq lejh, urieh lin-nies u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” (Ġwanni 1:29)

Ġesù faħħru fuq li faħħru. Darba minnhom qal għalih: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.” (Luqa 7:28)

Ġesù beda l-missjoni tiegħu billi ġie jitgħammed mingħand Ġwanni li meta għaraf lil Ġesù qal li “lanqas il-qorq Tiegħu ma kien jistħoqqlu jħoll” (Ġwanni 1:26) bil-kemm ried jgħammdu. Iktar tard, Ġwanni bl-umiltà tiegħu qal: “Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien.” (Ġwanni 3:30) Xi kummentaturi jinnutaw li wara l-24 ta’ Ġunju, id-dawl tax-xemx ta’ matul il-ġurnata jkun qed jonqos, waqt li wara l-25 ta’ Diċembru, ikun qed jiżdied.

San Ġwann temm ħajtu b’rasu maqtugħa mis-Sultan Erodi, għax kien ċanfru fuq ir-relazzjoni adultera li kien qed ikollu ma’ Erodja, il-mara ta’ ħuh.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: