L-iskejjel tagħna huma “Knisja”


It-Tlieta, 7 ta’ Lulju 2020: Omelija f’Quddiesa mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, għall-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja fi tmiem is-Sena Skolastika 2019-2020, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

L-ISKEJJEL TAGĦNA HUMA “KNISJA”

Lill-folla għajjiena u mdejqa, Ġesù tħassarha – “sentì compassione”. Din il-kompassjoni tinbidel f’azzjoni: issir Knisja. Quddiem din il-ħtieġa, Ġesù jistieden lill-Appostli biex jitolbu lil Sid il-ħsad jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Aħna bħala Knisja aħna t-tweġiba ta’ Alla għall-bniedem mifni ta’ żminijietna. Il-Knisja hija l-wiċċ kollu kompassjoni ta’ Alla għall-bniedem; il-Knisja hija t-tweġiba ta’ Alla għall-mistoqsijiet profondi li qed itaqqlu l-qalb tal-bniedem. Jekk il-Knisja ma tkunx din it-tweġiba kollha kompassjoni, tkun qed tagħmel disservizz mhux biss lill-bniedem imma anki lil Alla. Knisja mingħajr dan il-wiċċ kompassjonevoli tkun taħbi l-wiċċ veru ta’ Alla.

Il-Knisja għandha diversi għamliet ta’ preżenza fid-dinja. Fost dawn hemm l-iskejjel Kattoliċi. L-iskejjel tagħna huma “Knisja” – huma arterji vitali tal-Knisja ta’ Kristu u dawk kollha li jirfsu fuq l-għatba tal-iskejjel tagħna jafu li qed imiddu riġlejhom fil-Knisja. Kull skola Kattolika hija ‘skola knisja’. Għalhekk dak li għadni kif għidt dwar il-Knisja jgħodd ukoll għall-iskejjel tagħna, fis-sens li l-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu t-tweġiba kompassjonevoli għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li jiġu magħna.

Sentejn ilu l-Papa Franġisku sejjaħ lill-Knisja universali biex tieqaf tisma’ u tirrifletti dwar din il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fil-fatt, frott tas-Sinodu tal-Isqfijiet li sar fl-2018, illum l-operaturi pastorali fost iż-żgħar (u l-edukaturi fl-iskejjel huma fost dawn l-operaturi pastorali) għandna żewġ dokumenti sbieħ ħafna dwar kif għandna nakkumpanjaw lil din il-ġenerazzjoni. Qed nirreferi għad-Dokument Finali tas-Sinodu tal-Isqfijiet kif ukoll l-Eżortazzjoni Appostolika li l-Papa Franġisku tana wara dan is-Sinodu: Christus vivit.

B’xorti ħażina, ħafna drabi l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jagħmlu parti minn dik il-folla għajjiena u mdejqa li jsemmi l-Vanġelu – mhux biss għaliex qed nitkellmu dwar fażi delikata fil-proċess tal-għaġna tal-bniedem li faċli tiġi mmanipulata (ara CV, 137), imma mir-ritratt li jagħti l-istess Sinodu l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tant huma dgħajfin li ma humiex daqshekk iżolati dawk il-każi ta’ individwi li għaddejjin minn konfużjoni mentali u affettiva u għalhekk huma eżistenzjalment imdejqin. Il-ħtieġa dejjem tikber ta’ councellors, psikologi u religious councellors fl-iskejjel tagħna huma konferma ta’ dan. Ħafna drabi wliedna għandhom ħarsa mitlufa għax quddiemhom jaraw biss il-baħħ, xi drabi anki konsegwenza tal-fatt li la fil-Knisja u lanqas fis-soċjetà (inkluża l-familja) ma qegħdin isibu min jilqagħhom u jismagħhom.

Kif insibu fid-dokumenti tas-Sinodu, id-dgħufija, l-iżbalji u l-fallimenti komuni fil-ħajja ta’ dawk li telgħin huma esperjenzi tal-ħajja li hemm bżonn jiġu indirizzati b’ħafna kompassjoni, imħabba, ħlewwa u mogħdrija. Jekk bl-akkumpanjament tagħna nwassluhom biex jiftħulna qalbhom u jdaħħluna fiha, niskopru li fil-qiegħ nett tal-ġewwieni tagħhom hemm xewqat nobbli, fuq kollox hemm xewqa li jsiru jafu l-verità. Din il-verità ma taslilhomx biss bl-għarfien li hemm fil-memorja u l-intellett tal-edukatur, imma minn dak li jfawwar lill-qalb tal-edukatur. U lkoll nafu dak li jgħid Santu Wistin: il-qalb tistrieħ biss jekk tkun sabet lil Alla! Għalhekk nemmen li kwalità importani fl-edukatur tajjeb fl-iskola Kattolika mhix biss il-kwalifika akkademika, imma li hu jkun ħabib ta’ Alla. B’dan ma rridx infisser li l-edukatur irid ikun xi bniedem perfett, mingħajr tebgħa jew tikmixa, imma li jkun miftuħ għall-Assolut.

Is-Sinodu jgħidilna li ħafna drabi din “l’inquietudine insoddisfatta” fiż-żgħażagħ hija sinjal li huma miftuħin għal Alla (CV, 138). Għalhekk l-istess skola hija opportunità pastorali kbira biex ngħinu lill-istudenti “jiftħu t-triq għall-kuraġġ li jwassalhom biex jieħdu ħajjithom f’idejhom u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ missjoni” (ibid). Fil-Vanġelu Ġesù dejjem kien qrib ta’ dawk li kienu mtaqqlin u insodisfatti – ta’ dawk li kienu fit-tfittxija. Imma Ġesù kellu l-ħila li jsib il-mument f’waqtu biex jagħmel mistoqsija f’waqtha, li b’ħafna sabar jakkumpanja lill-bniedem kif inhu (u mhux kif jixtiequ jkun) mingħajr ma jiġġudikah. Ġesù verament kien jitkellem bis-setgħa. Etimoliġikament il-kelma auctoritas tfisser dik il-kapaċità li tgħin lil ħaddieħor jikber. Wieħed ikun awtorevoli mhux meta jeżerċita directive power imma meta jikkonvinċi lil dak li jkun u hekk tkun “a real generative force” (Dokument Finali tas-Sinodu, 71). Din hija l-awtorità li nixtieq nara fl-edukaturi tagħna!

Kelma-muftieħ fid-dokument kollu tas-Sinodu hija dixxerniment, li huwa l-aħjar atteġġjament li wieħed jista’ jieħu fi żmien ta’ taħwid u nuqqas ta’ ċarezza. Id-dixxerniment jgħinna biex nagħżlu bejn il-qamħ u l-karfa. “Mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn it-tendenzi taż-żmien” (CV, 279). Min jidħol f’dan il-proċess ta’ dixxerniment mhux ser isib it-tweġiba mill-ewwel, imma jrid jieħu ż-żmien biex jasal ħalli jkun ftit ċert minn dak li Alla jrid minnu u hekk jiltaqa’ mal-verità. Is-Sinodu jindika tliet tappi ta’ dan il-proċess: li wieħed jikseb għarfien tas-sitwazzjoni li tkun, jiżen it-tagħrif li jkun ġabar, u jagħmel l-għażla tiegħu. Il-Papa Franġisku jisħaq li biex jagħmel dixxerniment ta’ xi jrid Alla minnu l-bniedem għandu bżonn li jkun konvint minn tliet veritajiet: (1) li Alla jħobbu; (2) li misjuq mill-imħabba, Ġesù ta ħajtu għalina; u (3) li Ġesù huwa ħaj.

Għeżież kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, nirrakkomandalkom li tieħdu f’idejkom dawn iż-żewġ dokumenti tal-Knisja li filwaqt li jindirizzaw il-ġenerazzjoni fdata f’idejkom, joffrulkom road map ta’ kif għandha tkun l-azzjoni pastorali tagħna fl-iskejjel. Jekk tfallu intom bħala skola-knisja, tfalli l-Knisja f’pajjiżna; imma jekk min-naħa l-oħra, misjuqa mill-kompassjoni lejn il-ġenerazzjoni li tielgħa, intom tagħrfu tkomplu toffru formazzjoni mnebbħa mill-ewwel edukatur tagħna, Ġesù Kristu, intom tkunu qed tqiegħdu l-pedament tal-Knisja u tas-soċjetà f’pajjiżna, għax dawn ma humiex biss il-ġejjieni imma “huma l-preżent, diġà qed jagħnuh bil-kontribut tagħhom” (CV, 64).