Frott ħelu

Print Friendly, PDF & Email

Inti tifel jew tifla?… Din l-istorja hi għalik

Sirt naf bi storja ta’ raħal fejn in-nies kienu tassew kuntenti. Ilkoll kienu ħbieb, jixtiequ t-tajjeb lil xulxin, jgħinu lill-oħrajn u jilagħbu bla ma jiġġieldu. Kienu dejjem qalbhom tajba u edukati ma’ xulxin,… fit-triq, meta jistenew fil-kju’, fil-bitħa tal-iskola,… kullimkien. Imma zgur li kien hemm xi sigriet għal dan!

Is-sigriet kien dan. Meta jitwieldu, lit-tfal kienu jagħtuhom xkora mimlija bi frott li kien jikber biss f’dan ir-raħal. Ħadd ma kien jaf kemm hemm frott fl-ixkora, għax kienet tkun mimlija sa’ fuq. Ħaġa oħra: il-frott donnu ma kien jispiċċa qatt mill-ixkora. Kull darba li xi ħadd kien idaħħal idu fl-ixkora, frott dejjem kien isib.

U kemm kien tajjeb dan il-frott! Kull min kien jirċievi frotta mingħand xiħadd kien iħossu mimli mħabba u ħlewwa lejn l-oħrajn. In-nies li jiġu fir-raħal u ma jieħdux mill-frott kienu jħossuhom imdejqa u ftit wara jimirdu. Kien ħafif li tieħu mill-frott għax meta jkollok aptit, tmur għand xi ħadd mir-raħal  u titlobhom frotta. Kienu jdaħhlu jdejhom fl-ixkora u joħorġu frotta minnha. Il-frotta kienet iebsa u morra, imma kif toħroġ mill-ixkora kienet titbissem, issir bajda, ratba, ħelwa u sħuna. Lil min jagħtuh frotta kien jagħfasha ma’ qalbu, imissha bil-mod ma’ wiċċu,… izommha f’idejh. U dak il-ħin jimtela’ kollu kemm hu bil-ferħ. In-nies kienu jagħtu dan il-frott mingħajr ħlas lil xulxin,… b’xejn,… anzi jieħdu gost iqassmuh. B’hekk li fir-raħal kulħadd kien ferħan.

BELZEFA’

aImma kulħadd? Le! Kien hemm waħda li ma kinitx kuntenta tara n-nies iqassmu dan l-frott. Kien jisimha Belzefa’, saħħara kattiva, għajjura u xhiħa.   In-nies tar-raħal kienu hekk ferħanin li ma kellhomx għalfejn imorru għand Belzefa’ biex jixtru l-imbarazz li kienet tħawwad. Lanqas biss kienu jagħtu kazha! Hadd ma baqa’ imur fiI-ħanut tagħha. U Belzefa’ bdiet taħseb fi pjan kattiv.

X’għamlet? Marret ġo dar u resqet lejn il-papa’, li dak il-ħin kien fuq is-sufan jaqra l-gazzetta. Qaltlu bil-mod: “Ħares lejn il-mara tiegħek,… dik in-naħa, mat-tifel. Se tagħtih frotta mill-ixkora… Jekk se tibqa’ sejra hekk, mhux se jifdal frott għalikom!”

Ir-raġel beda jaħseb. “Trid tgħid,” qal lis-saħħara, “li jekk nagħtu l-frott lill- oħrajn dan jista’ jispiċċa mill-ixkora tagħna.” “Ħekk hu!,… xi darba tridu tieqfu!” wieġbet Belzefa’. Is-saħħara  telqet ‘l hemm. Ir-raġel emminha lil Belzefa’. Minn dak il-ħin, ma ħax pjaċir jara lill-mara tiegħu tagħti l-frott lit-tifel. Beda jinkwieta… Tkellem mal-mara: “U jekk is-saħħara qed tgħid sew?” Il-mara ukoll bdiet tibza’. Qablet miegħu li: “Hemm bzonn li ma naħlux!.

It-tfal ma damux ma ndunaw kif qed jaħsbuha l-ġenituri dwar il-frott. F’qasir zmien ir-raħal inbidel. Il-pjan kattiv ta’ Belefa irnexxa. In-nies ma baqgħux idaħħlu jdejhom bil-ferħa fl-ixkora tal-frott. U aktar ma kbar u zgħar saru tosti u xħaħ u l-frott zammewh għalihom, dan beda jonqos mill-ixkora. Mhux bħal qabel, meta kien donnu ma jispiċċa qatt. Issa, irġiel, nisa u tfal waqfu milli jitbissmu, milli jkunu ħewin mal-oħrajn, milli jgħinu lil xulxin. Kien hemm min marad bid-dwejjaq tal-qalb u kien se jmut.

Ħafna qabdu t-triq li teħodhom lejn il-ħanut ta Belzefa’ biex jixtru l-imbarazz tagħha, mingħalihom li se jsiru ferħanin bħal qabel. Imma kollox mar mill-ħazin għall-agħar. Il-kattiva Belzefa’ ma riditx li n-nies imutu, għax inkella ma jkollhiex lil min tbiegħ l-imbarazz tagħha. Allura ħasbet fi pjan ieħor.

Xkora TIXBAH LILL-OĦRAJN

Belzefa’ qassmet lil kulħadd xkora li tixbah lil dik tal-frott il-ħelu. Imma dak lii qiegħdet fl-ixkora kien frott morr, ikraħ u kiesaħ. Mhux bħall-frott ta’ qabel, li kien sabiħ, ħelu u sħun. Il-frott ta’ Belzefa’ kien imkemmex ukoll. U ma kienux jagħtuh b’xejn! Minħabba f’hekk in-nies baqgħu mdejqa, ma jafdawx lil xulxin, u kattivi. Issa, jekk xi ħadd kien jgħid: “Tista’ ttini frotta ħelwa?”, kienu jweġbuh: “Ma nistax! Jekk trid, ixtri frotta minn dawn.”

Kien hemm min kien jgħatti l-kruha tal-frotta bi ftit ħelu u kuluri. Min kien jeħodha kien jaħseb li hi l-frotta ħelwa, imma kif imissha ma qalbu jew ma wiċċu kien iħossha kiesħa. U jibqa’ mdejjaq. Dan ir-raħal sar tassew ikrah biex tgħix fih.

Tfajla Ħelwa

aaDarba ġara xi ħaga sabiħa. Tfajla b’għajnejha mimlija dawl u bi tbissima ħelwa waslet fir-raħal. It-tfajla ma kinitx taf bis-saħħara l-kattiva. Bdiet tqassam il-frott ħelu lit-tfal. Ma bezgħetx li l-frott se jispiċċa. Kien hemm min ħares bl-ikrah lejha għax qalu li t-tfal se jibdew jaħlu u jagħtu l-frott b’xejn. Imma it-tfal tant ħabbewha, għax ħassewhom tajjeb magħha. U bdew iqassmu b’xejn il-frott ħelu lil kull min talabhom. Il-kbar ma rieduhomx jagħmlu dan u rrabjaw magħhom. Imma t-tfal xorta baqgħu iqassmu l-frott ħelu. U għax it-tfal kienu iktar, tagħhom għaddiet!

  • Tfal, biex tkunu tafu jekk humiex jirbħu tassew it-tfal, ħarsu madwarkom u taraw min qed jirbah! Jekk madwarna għandna min ma jħobbx, min dejjem bil-geddum, min hu xħiħ biex jitbissem, allura tkun rebħet is-saħħara Belzefa’.
  • Rajtu mill-istorja x’jiġrilu min jaħseb biss fih innifsu, min ikun tost u xħiħ?
  • Il-frotta ħelwa hi kull ħaġa tajba li aħna nagħmlu mal-oħrajn, meta nkunu edukati, ngħidu grazzi, ma ngergrux, meta nkunu qalbna tajba,…
  • It-tfajla b’qalbha tajba hi dawk kollha li qed jaħdmu biex ikun hawn l-imħabba, il-paċi, il-ftehim u l-ħbiberija, mingħajr ma jistennew il-grazzi. Inti u jiena irridu nippruvaw li nkunu f’din il-lista!

Miġjuba għall-Malti minn Joe Galea

Leave a Reply