Ennio Morricone! My choice!

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn 6 ta’ Lulju 2020 għalaq is-separju ta’ din l-art għal wieħed mill-aqwa kompożituri, surmastri u mużiċisti li qatt rat id-dinja, it-Taljan Ennio Morricone.

Ruman sa minn ġuf ommu Ennio għex ħajja twila mqatta’ fl-imħabba u fil-passjoni li kellu għall-mużika. Ta’ 88 sena stqarr: Ma nistax ma niktibx. Hu ritwal li nħoss li lejh ta’ kull jum għandi nirritorna b’dedikazzjoni u passjoni. U, sewwasew kienet din id-dedikazzjoni u passjoni li mhux biss żammewh jgħix għal 91 sena sħaħ imma wkoll li baqgħu jiftħulu ixqfa fuq ixqfa fil-ħajja mużikali tiegħu.

Personalment nara l-mużika li l-Ispirtu s-Santu nebbaħ biha lil Ennio bħala waħda ta’ kuraġġ kbir! Meta inħossni ċaqlembuta, l-aktar wara li noħroġ ftit mit-tejatru tal-qsim il-qalb tat-tbatija tal-mard terminali, x’taħsbu li nagħmel? Żgur li mhux ħa mmur għall-fridge u niekol kemm Alla ħalaq ċikkulata. Biex, bħal speċi, jagħtuni ftit togħma tajba! Le sieħbi! Sibt metodu ferm isbaħ ta’ kif nirrilassa u nidħol fid-dinja tat-tnebbieħ! Immur fuq YOU TUBE u nittajpja: Gabriel’s Oboe – Ennio Morricone. U hemm, f’dak il-clip mill-isbaħ, li kien tella’ ċertu michael1608 nhar l-10 ta’ Marzu 2012, noqgħod nieħu pjaċir nisma’ l-Oboe ta’ Patri Gabriel, il-Ġiżwita, li tinżilli fil-mudullun! Ħa tikkalmani, tiftaħni għad-dixxerniment, tiftaħli beraħ il-par ta’ widnejja daqs dinja ħa nisma’ lill-Mulej ikellimni b’dak kollu li ngħaddi minnu f’qalbi u madwari. U anki biex ilibbisni l-googles tiegħu.

Barra minhekk, dan il-clip tas-sur Mike1608 jurini xenarji mill-isbaħ ta’ kaskati ta’ ilma frisk u ħaj! Dak l-ilma li jberred sakemm jifti l-ħġejjeġ tar-rabja li jkolli jivvampjaw fija u jimlieni bil-freskezza tal-Mulej li, quddiem il-ħażen u l-ġenn tal-bnedmin, jgħidli: Itlob għalihom u berikom Mar! Għax veru moħħhom bye bye! Jagħtu l-impressjoni li jafu ħafna u jixirqu għall-mewt f’boqqa ilma! Ibqa’ ħallini mmexxiek JIEN bl-ISPIRTU TIEGĦI!

U mbagħad, jekk irrid li nħalli lill-Mulej jagħmel festa bija għax inħallieh jaħdem Hu fija bl-Ispirtu s-Santu, u mhux noqgħod nibża’ minn delli għal xi kritika ta’ min għadu fil-għama ta’ ruħu, jew ta’ min jara kemm jara ma jarax u jisma’ kemm jisma’ ma jifhimx, għax qalbu iebsa ġebel, nisma’ il-clip l-ieħor ta’ Ennio Morricone: The Good, the Bad and the Ugly – The Danish National Symphony Orchestra (Live), li ttella’ nhar is-26 ta’ Jannar 2018 b’49,825,348 views. Minn DR Koncerthuset.

Meta tħossok irrabjat, indannata, jew mxebba’ bil-paroli żejjed ta’ madwarek, ħalli lil Ennio jiftaħlek it-triq għall-ħajja ta’ l-Ispirtu s-Santu! Għalhekk, Ennio Morricone! My choice!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: