Dak li jieħu ħsieb il-ġnien

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 19 ta’ Lulju 2020: Omelija tal-Isqof-maħtur Mons. Anton Teuma fil-Festa titulari ta’ San Ġorġ Martri, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/865396990″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Omelija tal-Isqof-maħtur Mons. Anton Teuma

Il-Festa t-tajba lil kulħadd!

Nixtieq dalgħodu nistedinkom biex induru lejn San Ġorġ u nagħmlulu mistoqsija, l-istess waħda li kienet għamlet Marija ta’ Magdala meta kienet tfittex lil Ġesù mingħaliha li kien mejjet: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu u jiena nġibu lura?” (Ġw 20:15). Din il-mistoqsija Marija ta’ Magdala għamlitha lil dak li kien jieħu ħsieb il-ġnien. Hekk fil-Grieg ma għandniex l-isem georgos imma għandna terminu simili, “dak li jieħu ħsieb il-ġnien”. U l-mistoqsija dalgħodu trid tkun: Fejn hu l-Mulej għalik, San Ġorġ? Min hu l-Mulej għalik, żagħżugħ qalbieni? Min hu l-Mulej għalik, int lil tajt ħajtek? Min hu l-Mulej għalik, int li ħabbejt ħafna, int li kont qawwi fil-qadi, qawwi fl-imħabba? Min hu l-Mulej għalik?

Jekk jirnexxilna b’xi mod inwieġbu għal din il-mistoqsija, il-festa tagħna tista’ tidħol dejjem fil-fond tal-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. U aktar ma l-Mulej jidħol fil-qalb tagħna kif kien fil-fond tal-qalb u f’kull kantuniera tal-ġisem ta’ Ġorġi, iktar inkunu nistgħu ngħidu li qed nagħmlu festa. Hekk żgur li San Ġorġ ma kellu l-ebda diffikultà li jgħid: “Il-ħajja għalija hi Kristu. Mhux jien ngħix imma Kristu jgħix fija” (ara Fil 1:21; Gal 2:20). Żgur li ma kellux diffikultà San Ġorġ li jgħid: “Il-mewt għalija hi rebħ”. Għalina dan ġenn! Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw il-mewt.

Intom tafu x’aħna niċċelebraw dalgħodu? Qegħdin niċċelebraw bniedem żagħżugħ mimli ħajja li jagħti ħajtu, li jmut martri. Il-maqlub ta’ kif timxi s-soċjetà llum. Illum, jekk tinnutaw, bix-xjenza kollha… ħudu l-mediċina biss, din x’tipprova tagħmel? Tbiegħed kemm jista’ jkun il-mewt. Imbagħad jiġik dan iż-żagħżugħ li qed nagħmlu festa tiegħu u jgħidilna li l-mewt hi rebħ. Xi tfisser din? “Jekk il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art ma tmutx, tibqa’ waħedha. Imma jekk tmut, din tagħmel ħafna frott” (ara Ġw 12:24).

Dalgħodu qed niċċelebraw imħabba kbira. Qed niċċelebraw l-imħabba ta’ dak li qed jieħu ħsieb il-ġnien. Hu interessanti ħafna, għaliex sa mill-bidu tal-ħolqien fl-Iskrittura aħna nsibu li l-Missier, il-Ħallieq, jippreżenta ruħu bħala dak li jieħu ħsieb il-ġnien: georgos. U joħloq is-sema u l-art. Jgħidilna l-ktieb tal-Ġenesi li Alla l-ewwel ħalaq id-dlam u d-dawl. Mhux għax veru ġara hekk xjentifikament, imma għax dik id-deskrizzjoni tal-awtur tal-Ġenesi għandha ħafna x’tgħallimna – mhux xjenza, mhux kif saret id-dinja, imma x’inhu s-sinifikat ta’ kulma huwa maħluq, tal-bniedem, xi jfisser il-bniedem għall-Ħallieq. U allura l-ewwel ħalaq id-dawl u d-dlam, imbagħad ħalaq il-medda ta’ fuq u l-medda ta’ taħt… U jibqa’ nieżel l-awtur tal-Ġenesi, minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq, sa xħin jasal fin-nofs. Alla joħloq it-tjur tal-ajru, il-ħut tal-baħar u l-annimali li jitkaxkru fuq l-art. Alla joħloq il-ħaxix żgħir u baxx, imma wkoll is-siġar l-għoljin. Alla joħloq iż-żrigħ. Imma fin-nofs tal-ħolqien, fiċ-ċentru tal-ħolqien, Alla joħloq lill-bniedem. Fiċ-ċentru ta’ dan il-ġnien hemm il-bniedem – dak li jieħu ħsieb il-ġnien – li huwa l-bniedem stess, georgos. U lil dan il-bniedem Alla jagħmlu “fuq ix-xbieha tiegħu”, jgħidilna l-awtur tal-Ġenesi.

Kemm hi sabiħa din ir-realtà, din il-verità! Alla joħloq lill-bniedem, “bin Adam”, li la hu raġel u lanqas mara – anzi, hu raġel u mara – ir-relazzjoni, biex ikun ritratt u xbieha tal-Ħallieq. Ir-relazzjoni tagħkom, għeżież miżżewġin, hija ritratt tal-Ħallieq, ta’ Alla, bl-imperfezzjonijiet, bid-dgħufijiet, bid-diffikultajiet kollha li tgħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Dik hija ritratt – xbieha ta’ Alla, georgos, dak li jieħu ħsieb il-ġnien. U Alla poġġa lill-bniedem biex jieħu ħsieb il-ġnien.

Għadna nieħdu ħsiebu l-ġnien? Għadu fin-nofs il-bniedem? Għadu fiċ-ċentru tal-ħolqien il-bniedem? Ejjew nirriflettu ftit b’sempliċità dalgħodu. Kemm nieħdu gost meta titwieled tarbija! Kemm nieħdu pjaċir, kemm nistennew, kemm inbatu – forsi llum aktar minn qabel bil-problema tal-fertilità! U tiġi t-tarbija u nżommuha fiċ-ċentru – bħall-bniedem fiċ-ċentru tal-ħolqien. Tant li l-psikologi jgħidulna illi mal-età bejn wieħed u ieħor ta’ sentejn, tlieta, it-tifel jew it-tifla jħossuhom fuq il-quċċata tad-dinja. Kemm idumu hekk? Ejjew nagħtuhom l-importanza. Ejjew lill-bniedem sa mill-bidu nett nippruvaw nagħtuh l-importanza tiegħu. Qegħdin nirrispettaw lill-bniedem sa minn qabel ma jitwieled? Nafu bil-liġijiet illi saru m’ilux madwarna, bħall-Amerika f’ċerti stati u fl-Awstralja dan l-aħħar, dwar l-abort.

Imma ħalli niġu għalina. Kif tafu, għal żmien twil jien ħdimt mal-familji, u kemm kienet tolqotni koppja illi tkun tixtieq tarbija! U tiġi din it-tarbija u tibda tikber. U tibda tara l-imħabba tal-omm u l-missier lejn din it-tarbija, lejn dan it-tifel jew it-tifla. Tibda tara l-ħerqa, ix-xewqa li dan it-tifel jew tifla jikbru fl-għożża kollha tal-familja. Imbagħad tinqala’ xi ħaġa u b’xorti ħażina dik it-tarbija tintesa, u l-bniedem ma jibqax fiċ-ċentru tal-ħolqien. Fiċ-ċentru jibda jkun hemm l-interessi tiegħi, l-interessi tiegħu, il-flus tiegħu, il-flus tiegħi. Jibdew isiru ħafna affarijiet oħra, u tispiċċa sitwazzjoni mhux biss ta’ tbatija kbira għal min ikun qiegħed jinfired, imma sitwazzjoni kbira għal dawk it-tfal.

Tifhmunix ħażin, mhux qed ngħid illi kultant ma jkunx hemm bżonn li koppja tasal biex tgħid ‘daqshekk’. Imma ejjew min jasal biex jgħid ‘issa daqshekk’, ejjew nieħdu ħsieb lil dawk it-tfal, lill-bniedem li hu fiċ-ċentru tal-ħolqien, li sa mill-bidu nett hu georgos, il-ħajja, u li jiena ċert li San Ġorġ jirrappreżenta biż-żgħożija, bil-qawwa, bil-milja tal-umanità tiegħu.

U nibqgħu mexjin, bl-adolexxenza. X’jiġri? Imħabbtin bix-xogħol kollha kemm aħna. Għandna raġun. U allaħares mhux hekk! U r-raġel u l-mara għandhom dritt għall-karriera – allaħares mhux hekk! Dritt għall-professjoni – allaħares mhux hekk! Dritt għar-realizzazzjoni – allaħares mhux hekk! Imma x’inhu jiġri? Kollox nagħmlu għat-tfal, imma ma nagħmluhx mat-tfal. It-tfal ma jridux presents, imma jridu presence – preżenza. It-tfal ma għandhomx bżonn rigali, imma għandhom bżonn tal-ġenituri – tal-missier u tal-omm. Tgħiduli: kif se nagħmlu? Irridu nsibu mod f’din is-soċjetà biex liż-żgħażagħ tagħna nibqgħu nħalluhom fin-nofs tad-dar tal-familja tagħna, tas-soċjetà tagħna. Irridu nsibu mod fis-sitwazzjoni – fil-labirint – tal-ħajja li qegħdin ngħixu, fl-esiġenzi kollha tal-ħajja tagħna, mingħajr ma nħallu, inwarrbu xejn. Imma rridu nsibu mod biex inħallu lill-bniedem fiċ-ċentru.

U nistgħu nibqgħu sejrin… Ħafna drabi l-flus! Aħna tajjeb jew ħażin għadna ħerġin mill-epoka ta’ żmien il-gwerra. Tgħidu: m’ilhiex li għaddiet il-gwerra! Imma tafu x’jiġri? Il-mentalità tat-trekkin, li jkolli ħafna, laqtitna ftit jew wisq kollha kemm aħna, anki jekk ma għixniex dak iż-żmien tal-għaks. U għadna ngħixuha llum. Kultant b’periklu għar-rispett tal-bniedem. Kultant irrid inwarrab b’minkbejja lil dak u lill-ieħor biex nitla’, ħalli lil dik u lill-oħra niġi qabilhom u ma nirrispettahomx. Żgur li San Ġorġ dan kollu ma jridux. Żgur li Georgos – min jieħu ħsieb il-ġnien – dan kollu ma jixtiqux. Żgur li Alla ħalaqna biex inkunu mod ieħor, inkunu aktar kuntenti, aktar sew. Alla ma jrid xejn mingħand il-bniedem, ħlief ħaġa waħda biss: li jkun sew, li jkun kuntent. Alla ma ġiex biex isalvana wara li mmutu, imma biex isalvana llum, fil-ħajja tagħna issa. Alla għamel ġnien għalina u rridu nirrispettawh dan il-ġnien.

Il-Georgos per eċċellenza huwa Ġesù Kristu, dak li jieħu ħsieb il-ġnien. Mhux għalxejn Marija ta’ Magdala tistaqsi lill-ġardinar – lil dak li jieħu ħsieb il-ġnien – u tgħidlu: “Imma fejn qegħedtu?”. Ma għarfitux li kien Ġesù, mibdul f’dak li jieħu ħsieb il-ġnien.

Aħna nafu li l-ġnien fil-Vanġelu għandu sinifikat profond. Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ jerġa’ jipprova jirranġa dak li l-bniedem, dak li l-ewwel wieħed li kien jieħu ħsieb il-ġnien, kisser u qered, mingħajr forsi ma nduna, mingħajr ma ried; dak li Adam qered, farrak, kisser. Adam u Eva dan għamluh bin-nuqqas ta’ ubbidjenza tagħhom. U Ġesù jidħol fi ġnien ieħor. Ara taħsbu li b’kumbinazzjoni l-evanġelisti jpoġġu lil Ġesù fi ġnien: fil-Ġnien taż-Żebbuġ! Dan biex jerġa’ jirrestawra s-sitwazzjoni tiegħu mal-Missier. U dak li Adam qered u kisser, Ġesù jerġa’ jirranġah. Mhux għalih biss, imma għal kull wieħed u waħda minna.

“Mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14:36). Ibqgħu ċerti li ma hemm ħadd li jixtieq jieħu ħsieb il-ġnien, ikabbru aħjar, aqwa minn dak li għamlu: l-ewwel wieħed li ħa ħsieb il-ġnien, il-Ħallieq, il-Missier. U allura bir-raġun Ġesù, jekk irid jirranġa s-sitwazzjoni, idur lejn il-Missier u jgħidlu: Imma xi trid? Imma kif tarahom int l-affarijiet? Imma x’tixtieq minni? U jekk aħna rridu nirranġaw is-sitwazzjoni, jekk aħna rridu nieħdu ħsieb il-ġnien bis-sens u bis-serjetà, aħna wkoll irridu nduru fuq il-Missier u ngħidulu: Imma xi trid minna? X’inhi r-rieda tiegħek għalija bħalissa fil-ħajja tiegħi? Għax ilkoll kemm aħna fi ġnien kbir jew fi ġnien żgħir, ilkoll kemm aħna ninsabu bil-mistoqsijiet tagħna, bil-problemi tagħna, bid-diffikultajiet tagħna. U lkoll kemm aħna rridu nistaqsuh lill-Missier u ngħidulu: Imma xi trid minni?

U kultant ir-risposta tiegħu tkun iebsa, bħalma kienet għal Ġesù. U Ġesù qallu: “Mhux li rrid jien, imma li trid int. Biegħdu minni dan il-kalċi. Mhux kif irrid jien, imma kif trid int” (Mt 26:39). Ġesù obda lill-Missier. Għaliex? Ma neħduhiex b’sens ta’ sottomissjoni, jew f’sens ta’ ubbidjenza għamja. Le. Neħduha f’sens ta’ fiduċja sħiħa. L-Iben – Ġesù – kellu fiduċja sħiħa f’Missieru li dak li jrid il-Missier hu l-aħjar ħaġa għalih u għall-oħrajn. U hawnhekk għandna bżonn noħorġu minn qoxritna, għax ħafna drabi l-Kelma ta’ Alla meta tmissna, meta tixxukkjana, nieħdu wisq għalina. Ningħalqu wisq fina nfusna u naħsbu li Alla għandu għalina, jew Ġesù rrabjat għalina. Imma fil-fatt ikun bil-maqlub. Dan huwa l-mod tiegħu ta’ kif lili jagħmilni aħjar. Huwa l-mod tiegħu ta’ kif lili jerfagħni ’l fuq. Tinsewx illi Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja biex lilna jerfagħna ’l fuq u jtellagħna għand Alla. U Alla jsir bniedem biex jagħmel lili u lilek bħalu. Din bis-serjetà, mhix miktuba biex tibqa’ biss fuq il-karti. Din fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Alla jixtieq li kull wieħed u waħda minna ngħixu fil-qofol u fil-milja tagħha l-umanità, fid-dinjità tagħna l-bnedmin. Nibqgħu fiċ-ċentru ta’ dan il-ħolqien. Allura hemm bżonn li nfittxu r-rieda ta’ Alla.

Kemm hi ħaġa sabiħa li tara l-knisja mimlija bin-nies, xi ħaġa li kienet rari f’dawn l-aħħar xhur! Forsi kienet aktar komda naraw il-quddiesa – mhux nieħdu sehem fiha – naraw il-quddiesa fuq l-iskrin, fuq it-televiżjoni. X’differenza kbira tieħu sehem, tipparteċipa! Inti titlob, inti qiegħed quddiem Alla mhux biss b’għajnejk, jew b’widnejk, u forsi kultant b’moħħok u b’idejk tagħmel xi ħaġa oħra, jew maqlub u mixħut fuq xi sufan. Le, mhux hekk! Inti fil-knisja tiltaqa’ ma’ Alla, b’ruħek, b’ġismek, b’moħħok. Titlob il-persuna sħiħa tiegħek, bl-esperjenza umana totali tiegħek, u din tagħmlilna differenza kbira. Għax int mhux biċċa biss minn ġismek trid tikkomunika miegħu, imma kollok kemm inti. Hu mhux biss lil għajnejk jew lil widnejk irid ikellem, imma lill-persuna sħiħa tiegħek. Int ma tistax tmur ħdejn Alla waħdek, imma trid tmur fi spirtu tal-komunità, ma’ ħutek li huma wkoll jgħixu din l-esperjenza bl-umanità sħiħa tagħhom. Imma mhux biss… Kif aħna se nkunu nafu r-rieda tal-Missier għalina?

Ibqgħu ċertu li jekk San Ġorġ huwa martri kbir fl-istorja kbira tal-Knisja – dan jixhduh kemm l-istorja tiegħu, imma fuq kollox il-qima kbira li tkaxkret u li baqgħet għaddejja għal sekli sħaħ mingħajr ma taqta’ – ibqgħu ċerti li San Ġorġ kellu f’qalbu u f’moħħu, matul ħajtu għalkemm żagħżugħa, l-ewwel u qabel kollox lil Alla u dak li jixtieq Alla minnu; l-ewwel u qabel kollox il-Kelma ta’ Alla, il-Vanġelu; l-ewwel u qabel kollox il-valuri Kristjani. Ara taħsbu li l-mewt tal-martirju tiġi kemm tfaqqa’ subgħajk. Il-mewt tal-martirju mhix għajr il-quċċata ta’ ħajja megħjuxa kollha kemm hi fl-ubbidenzja, f’relazzjoni intima mal-persuna ta’ Ġesù. U hekk ikun kuntent San Ġorġ, u hekk nirrisponduha l-mistoqsija li bdejna biha llum: Kif ikun kuntent San Ġorġ? Meta aħna jkollna lil Kristu magħna, fil-moħħ tagħna, fil-persuna sħiħa tagħna. Kif, b’liema mod? Billi naqraw fuqu, billi nisimgħu fuqu, billi nagħmlu esperjenza ta’ komunità, billi naqraw il-Vanġelu, billi nattendu għal-laqgħat, billi niċċelebraw il-liturġija, l-Ewkaristija, billi nagħmlu l-karità, billi ngħixuha l-ħajja Kristjana. Ma nħalluhiex xi ħaġa biss ta’ mument, ta’ siegħa l-Ħadd, imbagħad daqshekk, u ngħidu: “Issa dmiri għamiltu”. Le. Jekk wasal għall-martirju, żgur li għal San Ġorġ ma kinitx quddiesa siegħa l-Ħadd, l-Ewkaristija ma kinitx xi ħaġa fil-ġimgħa, imma kienet il-ħajja kollha tiegħu. U aħna biex tassew inħobbuh, u biex inħossuna li llum għandna d-dritt u mhux biss id-dmir li niċċelebraw il-Festa, kull wieħed u kull waħda minna rridu nimitaw lilu fir-relazzjoni intima li kellu mal-persuna ta’ Ġesù.

U l-aħħar ġnien: il-ġnien ta’ Marija ta’ Magdala, il-ġnien fejn indifen Ġesù, il-ġnien fejn kien hemm il-qabar ġdid, il-ġnien fejn qam Ġesù. Kemm hi sabiħa l-ikona tal-ġnien! Għaliex? Għax fil-ġnien ma jistax ikun hemm mewt. Fil-ġnien il-mewt ma teżistix. Fil-ġnien teżisti biss il-ħajja. U fil-ġnien iż-żerriegħa mejta, li taqa’ u tmut fil-ħamrija, Ġesù li jmut fil-ħamrija, jikber, iqum mill-mewt u jagħti l-ħajja mhux biss lil dawk li jħobbuh, mhux biss lil dawk li jimxu warajh, imma lill-bnedmin tad-dinja kollha, anki lil dawk li ma jafuhx.

Imma fejn hu s-sigriet tal-aħħar ġnien? Jinsab f’dak li għamel San Ġorġ, fl-għotja sħiħa tal-persuna tiegħu. Fil-kapaċità tal-bniedem, tiegħek u tiegħi, li naqdu u nħobbu mingħajr ma nistennew xejn lura. Fl-attitudni tagħna li nkunu mhux biss ħbieb ta’ xulxin, mhux biss qaddejja ta’ xulxin, imma li kapaċi nħobbu lil xulxin bl-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba agape – “ma hemmx imħabba akbar minn din” (Ġw 15:13). Li wieħed jagħti biċċa minnu, lilu nnifsu għall-ieħor hija l-imħabba tal-omm. Jien naraha li tista’ tifhem ħafna affarijiet fl-ikona tal-omm, l-omm li tagħti ħajjitha. Tgħiduli, il-missier le? Anki l-missier. Imma l-omm li tagħti ħajjitha, b’mod speċjali fil-mument tal-ħlas. It-Taljani jgħidu: “Ogni parto è un partire” – kull ħlas huwa mewt. Kważi kważi jekk ma hemmx mewt, jekk ma hemmx dik it-tbatija estrema tal-omm, ma tistax toħroġ il-ħajja, ma tistax tiġġenera l-ħajja. U din hija l-loġika tal-Vanġelu. Din hija l-loġika tal-martirju. Ibqgħu ċerti li din kienet l-enerġija kollha li fuqha kienet iddur il-ħajja ta’ San Ġorġ. Hawn irridu nilagħbu l-ħajja kollha kemm hi.

B’xorti ħażina, qegħdin ngħixu f’soċjetà illi l-mudell uniku tagħha huwa li nkun sew jien. L-awtosuffiċjenza, li l-bniedem ikun sew, u li niġi naqa’ u nqum minn dawk ta’ madwari, minn dawk ta’ maġenbi. Dan huwa l-mudell ta’ bħalissa. Jiġifieri l-mudell familjari ta’ darba qiegħed bil-mod il-mod jiżżarma. Intom irriflettu ftit fuq dak li qed jiġri bħalissa – kulħadd ħsiebu fih innifsu, l-importanti li nkun sew jien. Jien naraha din meta tiġri xi ħaġa bejn il-koppji, għax jien dik l-esperjenza l-aktar li kelli: “Għax issa ma għadni nħoss xejn lejh… għax inħossni aħjar mal-ieħor”. Il-punt ta’ riferiment huwa xi nħoss jien. Qed ngħixu f’soċjetà li għandha dan il-mudell, kważi kważi l-bniedem mingħalih jiddealizza lilu nnifsu, mingħalih… f’din il-ġirja bla tmiem, li għandu jsib il-kuntentizza tiegħu.

Imma dan il-mudell ma jaqbilx mal-mudell tal-Ħallieq. Tiftakru kif bdejna: Alla jpoġġi bħala ritratt tiegħu fid-dinja lir-relazzjoni. U sakemm il-bniedem ma jinfetaħx għall-ieħor jew għall-oħra, sakemm il-bniedem ma jigganċjax, ma jingħaqadx mal-oħrajn, sakemm il-bniedem jibqa’ waħdu, hu jibqa’ mdejjaq. Hija fittizzja, hija utopija l-idea illi jekk jien inkun sew, se nkun kuntent. Le, jien ma nistax inkun sew waħdi. Ħadd minna ma jista’ jkun sew waħdu, lanqas ħadd minna. Kulħadd irid ikun sew hu u kulħadd jixtieq lil ta’ madwaru jagħmlu kulma jistgħu biex jien inkun sew. Biex tiġri din, jien ukoll irrid nagħmel xi ħaġa għall-oħrajn. Jien ukoll irrid inkun ġeneruż, jien ukoll irrid inħobb.

Allura hawnhekk San Ġorġ, il-georgos – dak li jieħu ħsieb il-ġnien – lil kull wieħed u waħda minna, hu li hu xbieha ta’ Kristu, hu li Kristu jgħix fih, hu li għalih il-mewt hi rebħ, qiegħed jistedinna biex nikbru ftit fil-ġenerożità, biex inċarrtu naqra qalbna. Eżempju sempliċi: “Għandi l-mara taf kemm tgerger, minn filgħodu sa filgħaxija, ma jogħġobha xejn, dejjem teqred”. Dik tista’ sservik biex titbiegħed minnha jew tista’ sservik biex iċċarrat naqra oħra qalbek ħalli tagħmel wisa’ għal dawn id-dgħufijiet ta’ martek. U bil-maqlub, mhux biss ir-raġel lejn il-mara, imma l-mara lejn ir-raġel. U meta jiġri hekk inti tirringrazzja lill-mara tiegħek li teqred u tgerger – tgħiduli: “Iva, għax m’intix miżżewweġ qed tgħid hekk!” – għax tkun qed tagħmillek jew jagħmillek servizz. Ikun qed ikabbrek fl-imħabba, ikun qed ikabbrek fil-martirju.

Inkella faċli ħafna nċapċpulu lil San Ġorġ, faċli ħafna ngħidulu kemm inħobbuh. Imma aħna nridu nħobbuh mhux biss bi lsienna, mhux biss ftit żmien fis-sena, imma bil-persuna sħiħa tagħna, bil-ħajja sħiħa tagħna. U hekk verament ikun jistħoqqilkom tagħmlu festa kbir lil dan il-qaddis kbir.

Viva San Ġorġ!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading