Qari tal-Quddies ta’ San Publju, Prinċep ta’ Malta


Stampa t-test tal-qari …

22 ta’ Jannar
San Publju Prinċep ta’ Malta
Tifkira Obligatorja

QARI I
Atti 28,1-10

Qari mill-Atti tal-Appostli

Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: «Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!» Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u bid-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 15, 1-2.5. 7-8. 11

R/. Int, Mulej, is-sehem tal-wirt tiegħi.

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej:
«Int Sidi, m’għandix ġid ieħor ħliefek.»
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.

R/. Int, Mulej, is-sehem tal-wirt tiegħi.

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.

R/. Int, Mulej, is-sehem tal-wirt tiegħi.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

R/. Int, Mulej, is-sehem tal-wirt tiegħi.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 13, 30

R/. Hallelujah
«Nagħtikon kmandament ġdid,
li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien»,
jgħid il-Mulej
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 25, 31-40

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal qal lid-dixxipli tiegħu:

«Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred lin-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’»

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.