Qari tal-Quddies tal-Erbgħa ta’ wara l-Epifanija


Stampa t-test tal-qari …

Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej
L-Erbgħa

QARI I
Jekk inħobbu ’l xulxin Alla jgħammar fina.
1 Ġw 4, 11-18

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu. Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.

U l-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal Jum il-ħaqq, għax saħansitra f’din id-dinja aħna sirna bħalu. Fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għx il-biża’ għndu x’jaqsam mal-kastig. Min jibża’ għdu ma sabx il-milja tal-imħbba.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 71 (72), 2.10-11.12-13

R/. (ara 11): Lilek iqimu l-ġnus kollha, Mulej

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 1 Tim 3, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Glorja lilek, o Kristu, imxandar fost il-pagani,
Glorja lilek, o Kristu, emmnut fid-dinja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar.
Mk 6, 45-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li l-ħamest elef raġel kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala’ fuq l-għoljiet biex jitlob.

Xħin sar filgħaxija d-dgħajsa kienet għadha f’nofs il-baħar, u hu waħdu l-art. Kif rahom jitħabtu jaqdfu, għax kellhom ir-riħ għal wiċċhom, għal xi r-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar, u ried jgħaddihom.

Huma rawh miexi fuq il-baħar u stħajluh xi fantażma, u qabdu jgħajtu, għax ilkoll tbeżżgħu kif rawh. Iżda hu minnufih kellimhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”. Imbagħad tala’ ħdejhom fid-dgħajsa, u r-riħ waqaf.

U komplew tnixxfu fihom infushom bil-għaġeb, għax il-miraklu tal-ħobż ma kinux fehmuh, imma moħħhom kien magħluq.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu