Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-I ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja.
Lhud 4, 12-16

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont. Mela meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 18 (19), 8.9.10.15

R/. (ara Ġw 6, 63ċ): Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.

Ħa jkunu milqugħa quddiemek
kliem fommi u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 4, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.
Mk 2, 13-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi u qallu: “Ejja warajja”. Dak qam u mar warajh. U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?”. Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu