Omelija fil-ftuħ tal-Kulleġġ Pontifiċju Irlandiż

Print Friendly, PDF & Email

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Ruma, 13 ta’ Jannar 1980

Moladh go deo le Dia.
Ikun imfaħħar Ġesù Kristuo.
Maħbubin fi Kristuo.

1. Illum mill-ġdid, b’mod speċjali, il-Papa jappartieni lill-Irlanda!

Wara ż-żjara tiegħi f’artkom, huwa veru pjaċir għalija li miġi fl-kulleġġ pontifiċju Irlandiż u niltaqà ma dawk kollha li jgħixu hawn: is-saċerdoti u s-seminaristi, u s-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Alla. Iż-żjara tiegħi tgħodd ukoll għall-komunità tal-kulleġġ Franġiskan ta’ Sant’Isodoru u għall-kulleġġ Awgustinjan ta’ San Patrizju. Mal-Kardinal Primat tal-Irlanda kollha u mal-aħwa fl-episkopat, inklużi l-ex- retturi tal-kulleġġ Irlandiż, niċċelebraw flimkien l-għaqda tagħna f’Ġesù Kristu u fil-Knisja tiegħu.

Il-post taċ-ċelebrazzjoni tagħna huwa mportanti għall-kontribut tiegħu lill-Knisja, minħabba l-impatt li kellu fil-ħajja tal-Irlandiżi, u minħabba r-responsabiltà tiegħu fil-konfront tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Huwa similment importanti minħabba x-xhieda nisranija ta’ mħabba li ngħatat hawn ġew; eżempju għalija magħruf huwa l-ospitalità pprovduta mill-kulleġġ lir-rifuġjati Pollakki wara t-tieni gwerra dinjija. F’dan ir-rigward, il-preżenza fil-quddiesa ta’ Monsinjur Denis MacDaid hija rabta ħajja mar-riżultati splendidi tal-imgħoddi.

2. U hekk, flimkien mal-istorja tagħna u t-tamiet tagħna, aħna lkoll ninsabu hawn flimkien biex infittxu dawl u qawwa waqt li nikkommemoraw il-Magħmudija ta’ Ġesù. Kif inhu muri fil-Vanġeli, il-Magħmudija ta’ Ġesù timmarka l-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Ġwanni l-Battista xandar il-bżonn tal-konverżjoni, u l-misteru kbir tal-komunjoni divina kien irrivelat: l-Ispirtu Santu niżel fuq Kristu, u Alla Missier wera lid-dinja lil Ibnu tant maħbub. Minn dan il-waqt ‘il quddiem, Ġesù beda jsegwi b’mod riżolut il-missjoni tiegħu tas-salvazzjoni. Iċ-ċelebrazzjoni tagħna llum tistedinna biex nirriflettu b’mod personali dwar dawn it-tliet elementi: konverżjoni, komunjoni u missjoni.

3. L-irwol ta’ Ġwanni kien dak li jħejji t-triq għal Kristu, Kien fil-kuntest tal-konverżjoni li l-komunjoni eżistenti fil-ħajja tat-Trinità Santissma kellha tiġi rivelata. L-aħbar tal-Battista kienet tikkonsisti fl-istedina biex induru lejn Alla, biex inkunu konxji tad-dnub, biex nindmu, biex nimxu fil-libertà waqt li nqiegħdu lilna nfusna f’relazzjoni ma’ Alla. Bl-istess mod, l-istess Ġesù kien issottometta ruħu għar-rit penitenzjali u kien qiegħed jitlob meta l-leħen tal-Missier ipproklamah bħala Ibnu: dak li huwa totus ad Patrem, dak li huwa totalment iddedikat lill-Missier u li jgħix għalih, dak li huwa totalment imkebbeb f’imħabbtu. Aħna wkoll imsejħin biex nassumu l-atteġġjament ta’ Ġesù fil-konfront ta’ Missieru. Il-kondizzjoni, madankollu, għal dan il-għan hija l-konverżjoni: kuntatt ta’ kuljum, kostanti u impenjat, ma’ Alla. Il-konverżjoni hija l-kondizzjoni meħtieġa sabiex tiġi espressa l-verità tal-addozzjoni tagħna u tal-fatt li sirna wliedu fil-Magħmudija. Għaliex fil-Magħmudija aħna konna msejħin biex ningħaqdu ma’ Kristu f’mewtu u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, u għalhekk konna msejħin biex immutu għad-dnub u biex ngħixu għal Alla. Fil-Magħmudija l-azzjoni li tgħajjex tal-Ispirtu Santu sseħħ fina, u l-Missier issa jara fina biss lil Ibnu, Ġesù Kristu: “Inti Ibni, il-Għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Lq 3,22).

4. Il-komunjoni tat-Trinità Santissma tidħol f’ħajjitna. Permezz ta’ Ġesù Kristu, il-misteru tal-adozzjoni divina jseħħ (cf. Ef 1,5; Gal 4,5), bħal ma hu li huwa   Unigenitus Dei Filius diventa Primogenitus in multis fratribus (Rm 8,29). Ex-student tal-kulleġġ Irlandiż, il-qaddej ta’ Alla Dom Columba Marmion, ħalla lilkom u lill-Knisja kollha kwantità kbira ta’ kitbiet ta’ profondità u ta’ valur kbir rigward dan il-misteru tal-filjolanza divina u taċ-ċentralità ta’ Ġesù kristu fil-pjan feddej ta’ Alla.

5. Fil-ħajjiet tagħna ta’ kuljum l-appell għall-konverżjoni u għall-komunjoni divina jimplika diversi kundizzjonijiet prattiċi, jekk irridu nimxu lejn il-verità tal-vokazzjoni tagħna, fis-sinċerità tar-rapport tagħna mal-Missier, permezz ta’ Kristu u l-Ispirtu Santu. Fil-prattika, għandu jkun hemm ftuħ lill-Missier u lill-oħrajn. Ftakru li Ġesù huwa totus ad Patrem, u li huwa jrid li d-dinja tisimgħu jgħid: “Jien inħobb lill-Missier” (Ġw 14,31). Propju l-ġimgħa l-oħra fl-udjenza tiegħi tal-Erbgħa għidt li l-bniedem iwettaq din in-natura tiegħu biss “billi jeżisti” flimkien ma’ xi ħadd”; u wkoll b’mod iktar [profond u komplet: billi jeżisti “għal xi ħadd”” (Ġwanni Pawlu II, Diskors tasd-9 ta’ Jannar 1980). Dan il-kliem jirrifletti t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar in-natura soċjali tal-bniedem (cf. Gaudium et Spes, 12. 25). “

Aħna li minħabba l-ministeru tagħna aħna msejħin biex nagħtu forma lill-komunitajiet billi nwaqqfuhom fuq il-bażi soprannaturali tal- komunjoni divina għandna nkunu l-ewwel nies li ngħmlu esperjenza tal-komunità fil-fidi u fl-imħabba. Din l-esperjenza ta’ komunità ssib l-għeruq propji fit-tradizzjonijiet antiki tal-Knisja: aħna wkoll għandna nkunu qalb waħda u ruħ waħda, magħqudin fit-tagħlim tal-Appostli, fil-fraternità, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb (cf. At 4,32; 2,42).

Nimxu fil-verità tal-vokazzjonoi tagħna jfisser li nagħmlu sforz biex nogħġbu lil Alla pjuttost milli l-bnedmin, inqiegħdu lilna nfusna diġa quddiem il-Mulej. Ifisser stil ta’ ħajja li jikkorrispondi għar-realtà tar-rwol tagħna fil-Knisja llum, stil ta’ ħajja li jagħti widen għall-bżonnijiet tal-konfratelli tagħna u tal-ministeru li aħna nkunu msejħa biex neżerċitaw għada. Tgħix il-verità fl-imħabba hija sfida fis-sempliċità tal-ħajjiet tagħna, u fid-dixxiplina għolja li turi ruħha fix-xogħol diliġenti u fl-istudju, fit-tħejjija responsabbli u attentat għall-missjoni tagħna ta’ servizz lill-Poplu ta’ Alla.

B’mod iktar sempliċi, ngħixu l-verità tal-ħajjiet tagħna hawn u issa – f’Ruma tal-1980 – ifisser l-fedeltà għat-talb, għall-kuntatt ma’ Ġesù, għall-komunjoni mat-Trinità Qaddisa. L-evanġelisti jenfasizzaw li kien meta Ġesù jkun qiegħed jitlob li l-misteru tal-imħabba tal-Missier kienet turi ruħha u li l-komunjoni tat-Tliet Persuni Divini kienet tirrivela ruħha. Huwa fit-talb li aħna nitgħallmu l-misteru ta’ Kristu u l-għerf tas-salib. Huwa fit-talb li aħna nifhmu, fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, il-bżonnijiet effettivi ta’ ħutna rġiel u ta’ ħutna nisa kullimkien fid-dinja; huwa fit-talb li aħna nqawwu lilna nfusna fid-dehra tal-għażliet li jkollna quddiemna; huwa fit-talb li niġu mssaħħa għall-missjoni li Kristu jaqsam magħna: inwasslu “ġustizzja vera lin-nazzjonijiet… naqdu l-kawża tad-dritt” ( 42,1.6).

Għalhekk din id-dar u d-djar kollha tar-reliġjużi u s-seminarji ta’ Ruma huma ntenzjonati bħala djar tat-talb, li fihom Kristu jirriforma ruħu f’kull ġenerazzjoni.  Mill-waqt li intom tgħixu f’Ruma, f’dijoċesi li tagħha jiena personalment irrid nagħti kont speċjali lill-Mulej, intom tistgħu tifhmu kif jiena nixtieq b’mod żelanti li Kristu jkun iffurmat fikom  (cf. Gal 4,19).

Waqt li intom sejrin lejn din id-destinazzjoni intom ma timxux weħedkom. F’komunità ta’ konfratelli li jżommu ħajjin u puri l-istess ideali għoljin tas-saċerdozju ta’ Kristu intom issibu qawwa u sosten.

Fil-komunjoni tal-Knisja intom issibu ferħ. Grazzi għall-gwida ta’ direttur spiritwali kompetenti intom issibu nkuraġġiment u tevitaw l-iżbalji li fihom jaqà min jopera waħdu mingħajr ma jirreferi lil ħadd; waqt li dduru lejhom intom, qabel kollox, turu rikonoxximent lill-umanità tal-Kelma nkarnata ta’ Alla, li jkompli jsostni u jiggwida l-Knisja waqt li jagħżel li jassumi xi bnedmin bħala strument.

6. U fl-impenn tagħkom lejn l-aċċettazzjoni sħiħa tas-sejħa għall-konverżjoni u għall-komunjoni – is-sejħa għall-ħajja sħiħa fi Kristu – is-sinifikat tal-missjoni tagħna jrid jikber u jsir ċar u dejjem iktar ħerqan. Fit-trankwillità u fil-verità intom għandkom tibdew u tisperentaw dejjem iktar sensazzjoni ta’ urġenza: l-utġenza li tikkomunikaw ma’ Kristu u l-Vanġelu tiegħu tas-salvazzjoni.

Għall-grazzja ta’ Alla qiegħed bħalissa fl-Irlanda jsir perijodu ta’ twelid ġdid spiritwali ntens. U intom ilkoll għandkom timpenjaw ruħkom fih b’mod sħiħ. Hemm bżonn tħejju ruħkom għal din il-missjoni bix-xogħol u bl-istudju u, b’mod speċjali, bit-talb. Għal dan ir-rigward nitlobkom tisimgħu mill-ġdid għal dab’oħra l-kliem li jien ħejjejt għall-istudenti ta’ Maynooth: “Naf li qed nitlobkom biex tagħtu kont tajjeb ta’ dan: li Alla jorbot fuqkom: li l-fatt li l-pjanijiet tiegħu jitwettqu, sa ċertu punt, jiddependi mill-kollaborazzjoni libera tagħkom, mid-donazzjoni ta’ ħajjitkom u mill-ġenerożità li biha ssegwu l-ispirazzjonijiet li l-Ispirtu Santu jqiegħed fil-profond ta’ qlubkom. Il-fidi kattolika tal-Irlanda tallum hija marbuta, fil-pjan ta’ Alla, mal-fedeltà ta’ San Patrizju. U għada, iva, għada xi partijiet tal-pjan ta’ Alla se jkunu marbuta mal-ferdeltà tagħkom, mal-fedeltà li biha intom tgħidu iva għall-kelma ta’ Alla f’ħajjitkom”.

7. Iż-żgħażagħ Irlandiżi ftehmu u wieġbu sewwa ħafna għall-appell, l-appell biex imorru lejn Kristu dak li huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja”. Imma huma jinħtieġu l-kariżma speċjali tagħkom, l-għajnuna tagħkom, il-ministeru tagħkom, is-saċerdozju tagħkom, hekk li jkunu jistgħu b’riżultat tajjeb jgħixu l-verità tal-vokazzjoni nisranija tagħhom. La tabbandunawhomx. Morru fosthom u tkunu magħrufa, bħall-Appostli, bħala bnedmin li kienu ma’ Ġesù (cf. At 4,13), bnedmin li kienu mgħaddsa f’kelmtu, u li huma mħeġġin biż-żelu tiegħu: “Irrdi inħabbar l-bxara t-tajba tas-saltna ta’ Alla… għaliex kont mibgħut għal dan il-għan” (Lq 4,43). Imma s-suċċess ta’ din il-missjoni tagħkom jiddependi mill-awtentiċità tal-konverżjoni tagħkom, u mill-grad li fih ġejtu mwettqa għal Ġesù Kristu, il-maħbub Iben tal-Missier Etern, l-Iben ta’ Marija. Duru lejha, u itolbu l-għajnuna tagħha.

Fl-ewkaristija li qiegħed niċċelebra flimkien magħkom u għalikom illum. Għandi preżenti f’qalbi l-familji tagħkom u lil ħbiebkom, u in-nazzjon Irlandiż kollu kemm hu. B’mod speċjali nitlob għaż-żgħażagħ tal-Irlanda. U illum, għalikom u permezz tagħkom, irrid mill-ġdid ngħid lilhom kollha: “Żgħażagħ tal-Irlanda, inħobbkom! Żgħażagħ tal-Irlanda inberikkom! Inbierek lilkom fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu”. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti min Emanuel Zarb

%d bloggers like this: