Omelija fil-ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet Olandiżi

Print Friendly, PDF & Email

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

14 ta’ Jannar 1980

Venerabli u għeżież ħuti.

1. Il-ħsibijiet u l-qlub tagħna jduru lejn il-Mulej, li huwa r-Ragħaj tal- maqjel tan-nagħaġ tiegħu, ir-Ragħaj tal-poplu tiegħu, ir-Ragħaj tal-Knisja.

Huwa hu li ħabbar fis-salm tal-liturġija ta’ dan il-jum permezz ta’ kliem li jnissel f’ruħna t-tama, il-paċi u l-ferħ.

“Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi, jien ma jonqosni xejn; / f’mergħat kollhom ħdura jserraħni; / lejn ilmijiet kalmi jmexxini, iqawwi lil ruħi; / imexxini fit-triq tal-ġustizzja / minħabba l-imħabba ta’ ismu”.  (Sal 22 [23],1-3).

Huwa mela lejh, lejn Ġesù Kristu li jduru ħsibijietna u qlubna għaliex qabel kollox huwa ir-Ragħaj tagħna.

Huwa r-Ragħaj tal-Knisja kollha u tal-Knejjes kollha. Huwa r-Ragħaj tar-rgħajja. Ir-Ragħaj ta’ dawk li lilhom jafda l-interess pastorali għal dak li jikkonċerna l-Knisja. Jafda lilhom…, jafdalna dan il-ministeru pastorali li mhu xejn iktar għajr is-servizz.

Din il-kuxjenza tal-ministeru pastorali aħna writnieha mill-Appostli. Huwa għaliha li aħna nfittxu li norjentaw l-imgieba tagħna fil-konfront ta’ Alla u fil-konfront tal-bnedmin, waqt li jkollna fissi għajnejna fuq Kristu.

Teżisti xi ħaġa iktar meraviljuża minn din x-xbiha tar-Ragħaj, tar-Ragħaj it-tajjeb li wriena lilu nnifsu bħala mudell x’nimitaw? Din ix-xbiha hija diġa preżenti fil-profeta Iżaija meta huwa jitkellem dwar il-Qaddej tal-Mulej li fuqu Alla serraħ l-Ispirtu tiegħu (cf.  42,1).

“Ma jgħajjatx, ma jgħollix it-ton ta’ leħnu, / ma jsemmax kliemu fil-pjazza, / qasba maqsuma ma jiksirhiex, / musbieħ idaħħan ma jitfiehx” ( 42,2-3).

2. Bdanakollu, fi tmiem dawn ix-xbihat kollha magħrufa permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, wieħed isib din ir-realtà li hija Kristu nnifsu. Din huwa esprimiha fil-parabbola tar-ragħaj it-tajjeb u wettaqha fl-istess ħin bl-opri tiegħu lkollha. Wassalha għat-tmiem fl-aħħar opra tiegħu, li biha offra ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (cf. Ġw 10,11).

Biex iħejji lill-Appostli tiegħu għal din l-opra li hija l-quċċata paskwali tal-missjoni tiegħu, huwa tnikker fit-tul magħhom, u l-evanġelista San Ġwann irreferilna dan, b’mod speċjali, fl-aħħar diskors tiegħu. Il-kliem li erġajna qrajna llum fil-Vanġelu jifforma parti minn dan.

“Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kliemi, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Dak li ma jħobbnix ma josservax kliemi; il-kelma li intom qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma dik tal-Missier li bagħatni” (Ġw 14,23-24).

Kristu setà jagħmlilna obbligu iktar qawwi, minħabba li aħna rgħajja u għalliema tal-Knisja, minn dak li hemm miġbur f’dan il-kliem?

Tkun Ragħaj u Isqof tal-erwieħ, ifisser tgħasses il-kelma. Tgħasses il-verità. Fiha, hemm il-Missier u hu li jiġu kontinwament għandna: hu li hu l-Verb inkarnat; hu li hu l-Kristu redentur, hu li hu r-Ragħaj etern tal-erwieħ. U fuq kollox huwa r-Ragħaj tar-rgħajja.

3. Fl-istess diskors tat-tluq li minnu qrajna llum silta qasira, Kristu jwiegħed lill-Appostli l-Ispirtu Santu, li huwa l-Ispirtu tal-imħabba u tal-verità..

“Imma l-Konsolatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14,26).

U hekk hu li l-Knisja tgħix bl-Ispirtu Santu. Il-portavuċi ta’ din iċ-ċertezza huwa Pawlu ta’ Tarsu fl-ittra tiegħu lill-Korintin li fiha huwa juri kif, permezz tal-qawwa ta’ dan l-Ispirtu, tinbena din il-komunità li, fi Kristu, tgħaqqad bħal ġisem mistiku wieħed lil dawk kollha li kienu “misqija minn Spirtu wieħed” (1Kor 12,13).

Lill-epoka diffiċli tagħna, fis-seklu XX tagħna, din il-Knisja tat, fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, espressjoni partikolarment għanja tal-verità dwarha stess. Dan it-tagħlim għandu jkun il-kejl tal-ħsieb u tal-azzjoni għal dawk kollha li jikkostitwixxu l-Knisja ta’ Kristu.

Għandha tkun il-kejl tal-ħsieb propju tagħna u tal-azzjoni propja tagħna għalina li aħna l-għalliema u r-rgħajja tal-Knisja.

Għandha tkun il-kejl tal-ħsieb tagħna u tal-azzjoni tagħna għalina, li ninsabu miġbura hawn għal dan is-Sinodu partikolari. Ir-raġuni ta’ dan is-Sinodu mhu xejn iktar għajr inkarnazzjoni awtentika u sħiħa, fil-ħajja, ta’ din il-verità apostolika dwar il-Knisja, li ntweriet fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Mill-bidu sat-tmiem tiegħu, hija għandha tibqà il-kontenut tiegħu, l-ispirazzjoni tiegħu u l-għan tiegħu.

4. L-assemblea sinodali li tulu l-Isqfijiet tal-provinċja ekkleżjastika Olandiża qegħdin jiltaqgħu mal-Isqof ta’ Ruma hija ġrajja mingħajr preċedenti. Ilkoll krmm aħna konxji ta’ dan. Is-Sinodi tal-Isqfijiet għandhom diġa ir-ritmu tagħhom multiannwali; għall-kuntrarju Sinodu ta’ din ix-xorta, Sinodu partikolari, qed jiżvolġi ruħu għall-ewwel darba.

Il-prinċipju tal-penetrazzjoni reċiproka tal-Knisja universali u tal-Knisja lokali jesprimi ruħu b’mod speċjali f’dan is-Sinodu. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu, grazzi għall-Ispirtu li huwa r-ruħ tal-ġisem kollu u ta’ kull membru, iseħħ f’dawn iż-żewġ dimensjonijiet. Hija hi universali u fl-istess ħin magħmula minn diversi partijiet. Hija hi universali u lokali. L-għan tal-laqgħa tagħna huwa li nuru l-konsistenza ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet kollha kemm huma u nikkonsolidawhom.

Għalhekk ħsibijietna u qlubna jduru b’mod speċjali lejn Kristu: “Bl-istess mod, fil-fatt, li l-ġisem huwa wieħed minkejja li għandu bosta membri, u li l-membri kollha, minkejja n-numru tagħhom, ma jiffurmawx għajr ġisem wieħed, hekk huwa Kristu…” (1Kor 12,12). Ħsibijietna u qlubna jduru mela lejn Kristu. Lejn ir-Ragħaj u l-Isqof ta’ ruħna. Lejn ir-Ragħaj tar-rgħajja. Konxji mill-verità li għandna naqdu, konxji mir-responsabiltà li għandna nassumu, ninsabu flimkien qrib dan l-altar biex niċċelebraw l-ewkaristija, is-sagrament tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet, li għalih Kristu jagħtina kontinwament l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu tal-verità u tal-imħabba.

5. F’dan l-Ispirtu, ejjew mela nmorru lejn dan il-poplu, lejn din il-komunità, li jikkostitwixxu l-Knejjes kollha li jinsabu fl-art tal-Olanda.

Ejjew inmorru b’imħabba kbira.

L-imħabba hija konxja tad-diffikultajiet. Imma fuq kull ħaġa, hija konxja dwar il-ġid; hija konxja dwar id-doni: dwar id-doni tan-natura u dwar id-doni tal-grazzja, li r-ragħaj it-tajjeb ferrex f’din il-komunità. Li huwa qiegħed fil-qalb ta’ kull bniedem, waqt li rregalalu l-libertà ta’ wlied Alla.

Doni li jistenna.

U hawn hu għaliex aħna nixtiequ b’mod speċjali, f’dan is-sinjal tal-ħobż u tal-imbid, li naċċettaw id-don spiritwali ta’ din l-art li tagħha intom fl-istess ħin l-ulied u r-rgħajja.

Ejjew nitolbu lil Kristu sabiex jaċċetta dan id-don.

Ejjew nitolbu sabiex jippenetrah bid-dawl u bil-grazzja tal-Ispirtu tiegħu, ta’ dan l-Ispirtu li jopera hu stess kull ġid, waqt li jagħti “lil kull wieħed kif irid” (1Kor 12,11).

Dan l-Ispirtu li jedifika l-Knisja u jagħmilha “ġisem wieħed” (1Kor 12,12)

Miġjub mit-Taljan għall-Malti min Emanuel Zarb

%d bloggers like this: