Omelija waqt Vista Pastorali

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Waqt Vista Pastorali fil-parroċċa tal-Immakulata u San Ġwann Berchmans.

20 ta’ Jannar 1980

Għeżież fidili!

1. F’dan il-Ħadd, li fih il-liturġija tfakkarna l-episodju ta’ Kana tal-Galilea, jiena ferħan li qed inżur din il-parroċċa ddedikata lill-Immakulata Konċezzjoni u lil San Ġwann Berchmans. Din hija għanja b’tifkiriet sinifikattivi: mixtieqa infatti minn San Piju X, li minn hawn kien għadda biex iżur u jqim il-qabar ta’ Piju IX, fil-Bażilika ta’ San Lawrenz fil-Vesano, il-knisja tagħkom inbniet bl-offerti tal-kattoliċi Belġjani u ikkonsagrata sebgħin sena ilu mill-Kardinal Desiderato Mercier, Arċisqof ta’ Malines u Primat tal-Belġju. Sa mill-bidu kienet fdata fl-idejn li jixirqilhom tar-reliġjużi Ġużeppini; hija, imbagħad, tiġbor fiha s-sorijiet ta’ erbà kongregazzjonijiet: is-sorijiet ta’ Marija Santissma Konsolatrtiċi, li jieħdu ħsieb b’mod speċjali taż-żgħażagħ femminili; is-sorijiet Għalliema ta’ Santa Dorotea, li jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal, waqt li jikkollaboraw ukoll għall-katekeżi u l-opri karitattivi; is-sorijiet ta’ Maria Santissma dell-Orto, kollaboratriċi esperti fl-iskola u fl-istruzzjoni; u fl-aħħarnett, is-sorijiet Ausiliatrici  del Purgatorio, involuti b’mod speċjali fl-assistenza tal-anzjani u tal-morda.

Ilqgħu, għeżież fidili, it-tislima tiegħi, ta’ mħabba u kordjali, li nixtieq li tilħaq lit-tlett elef u ħames mitt familja tal-parroċċa, lil kull wieħed u waħda mill-madwar sittax-il elf abitant. Tislima lil dawk, li b’xi mod, huma mpenjati fl-istrutturi ekkleżjali u ċivili; tislima lid-diversi  strati ta’ persuni: il-ħaddiema u l-impjegati, l-istudenti u l-universitarji, li f’numru kbir jinsabu f’dan il-kwartier; b’mod speċjali it-tislima tiegħi paterna u nkuraġġanti tilħaq lill-anzjani, lill-morda, lill-emigrati, lil dawk kollha li b’xi mod ibatu minħabba l-kriżi tal-akkomodazzjoni, minħabba l-inċertezza tal-pensjonijiet, minħabba d-diżokkupazzjoni, minħabba diffikultajiet ta’ kull ġens.

Irrid li lkoll tħossu tassew l-imħabba tal-Vigarju ta’ Kristu, li jġorr f’qalbu lil kulħadd, u li jirrakkomanda lil kulħadd b’imħabba qawwija lill-Verġni Immakulata u lil San Ġwann Berchmans, il-protettur ċelesti tagħkom.

2. Fil-Vanġelu tallum naqraw li l-Mulej Ġesù kien mistieden biex jieħu sehem f’tieġ li kien qiegħed isir f’Kana tal-Galilea. Dan seħh fil-bidu stess tal- attività maġisterjali tiegħu, u l-episodju inkiteb fil-memorja ta’ dawk preżenti, għaliex propju hemm Ġesù, għall-ewwel darba jirrivela l-qawwa straordinarja tiegħu li, minn dak il-waqt, dejjem kellha takkumpanja t-tagħlim tiegħu. Naqraw: “B’dan il-mod Ġesù ta’ bidu għall-mirakli tiegħu f’Kana tal-Galilea, wera l-glorja tiegħu, u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2,11).

Għalkemm il-ġrajja tiżvolġi fil-bidu tal-attività ta’ Ġesù ta’ Nażzaret, hemm diġa madwaru d-dixxipli (l-appostli futuri), talinqas dawk li kienu msejħa l-ewwel.

Ma’ Ġesù, hemm ukoll, f’Kana tal-Galilea, Ommu. Donnu saħansitra li propju hi b’mod speċjali kienet mistiedna. Infatti naqraw: “Kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilea u kien hemm Omm Ġesù. Kien mistieden ukoll għat-tieġ Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 2,1-2). Wieħed mela jistà jassumi li Ġesù kien mistieden flimkien mal-Omm, u forsi minħabba fiha; mill-banda l-oħra d-dixxipli kienu mistiedna minħabba fih.

 

3. Hemm bżonn li nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna b’mod speċjali fuq din l-istedina. Għall-ewwel darba Ġesù huwa mistieden fost il-bnedmin, u jaċċetta din l-istedina, joqgħod magħhom, ikellimhom, jieħu sehem fil-ferħ tagħhom (it-tieġ huwa waqt ta’ ferħ), imma wkoll għall-preokkupazzjonijiet tagħhom; u, biex jirrimedja l-inkonvenjenti, meta naqas l-imbid għall-mistednin iwettaq is-“sinjal”: l-ewwel miraklu f’Kana tal-Galilea. Bosta drabi mill-ġdid Ġesù jiġi mistieden mill-bnedmin, tul il-kors tal-attività maġisterjali tiegħu, jaċċetta l-istedini tagħhom, ikun f’relazzjoni magħhom, joqgħod mal-mejda, jitkellem magħhom.

Jixraq li ninsistu fuq din il-linja tal-ġrajjiet: Ġesù Kristu kontinwament jiġi mistieden mill-bnedmin individwali u mid-diversi komunitajiet. Jistà jkun li fid-dinja ma teżistix persuna li qatt kellha din il-kwantità ta’ stedini. Anzi, hemm bżonn nistqarru li Ġesù Kristu jaċċetta dawn l-istedini, imur mal-bnedmin individwali, u joqgħod f’nofs il-komunitajiet umani. Tul il-korsa ta’ ħajtu u tal-attività terrena tiegħu, huwa kellu neċessarjament jissottometti ruħu għall-kondizzjonijiet taż-żmien u tal-post. Għall-kuntrarju, Wara l-Qawmien mill-Imwiet u t-Tlugħ fis-Sema, u wara t-twaqqif tal-Ewkaristija u tal-Knisja Ġesù Kristu b’mod ġdid, u jiġifieri sagramentali u mistiku, jistà jkun fl-istess ħin il-Mistieden tal-persuni kollha u tal-komunitajiet kollha li jistednuh. Infatti huwa qal: “Jekk wieħed iħobbni josserva kelmti u Missieri jħobbu u aħna niġu ngħammru għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu” (Ġw.v 14,23).

U hekk hu, għeżież ħuti rġiel u nisa, hekk inmissu l-iktar verità profonda għal kull wieħed u waħda minnkom, u fl-istess ħin għall-parroċċa tagħkom. Il-parroċċa tagħkom ukoll hija Kana tal-Galilea, li fiha huwa mistieden Ġesù. Huwa aċċetta l-istedina tagħkom, u jgħammar fostkom. Jgħammar instankabilment, bla ma jaqtà. Jgħammar fil-komunità biex jaċċetta, f’nofsha, l-istedina ta’ kull wieħed u waħda. U l-mistieden jiġi u jibqà.

Immeditaw b’mod profomd dwar din il-preżemza ta’ Ġesù Kristu fil-parroċċa tagħkom u f’kull wieħed u waħda minnkom. Intom tassew ospitali miegħu?

4. Ġesù kien mistieden f’Kana tal-Galilea biex jieħu sehem fit-tieġ u fir-riċeviment nuzjali. Ukoll jekk, bil-bidu tal-attività pubblika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret huma marbutin diversi ġrajjiet, nistgħu b’mod ġust niddeduċu mit-test tal-evanġelista li propju dan l-episodju, b’mod partikolari, jiddetermina l-bidu tal-ħajja tiegħu apostolika. Huwa mportanti li ninnutaw li propju fiċ- ċirkustanza tat-tieġ Ġesù jibda l-attività tiegħu. Il-kliem tal-ewwel qari mill-ktieb tal-profeta Iżaija jipprova dan bit-tradizzjoni profetika partikolari tat-Testment il-Qadim.

Imma wkoll indipendentemant minn din it-tradizzjoni, il-fatt stess joffrilna bosta x’nimmeditaw. Ġesù Kristu, fil-bidu stess tal-missjoni messjanika tiegħu, imiss, f’ċertu sens, il-ħajja umana fil-punt fundamentali tagħha. Fil-punt tat-tluq. Iż-żwieġ, ukoll jekk inhu antik daqs l-umanità, ifisser dejjem, kull darba, bidu ġdid. Dan huwa qabel kollox il-bidu ta’ komunità ġdida li ġġib l-isem ta’ “familja”. Il-familja hija l-komunità tal-imħabba u tal-ħajja. U għalhekk lilha ġie afdat mill-Ħallieq il-misteru tal-ħajja umana. Iż-żwieġ huwa l-bidu tal-komunità l-ġdida tal-imħabba u tal-ħajja, li minnha jiddependi l-futur tal-bniedem fuq l-art.

Il-Mulej Ġesù jorbot il-bidu tal-attività tiegħu f’Kana tal-Galilea, biex juri din il-verità. Il-preżenza tiegħu għar-riċeviment nuzzjali tenfasizza s-sinifikat fundamentali taż-żwieġ u tal-familja għall-Knisja u għas-soċjetà  .

Il-missjoni tsl-psrroċċa wkoll hija marbuta maż-żwieġ u mal-familja u lejha hija b’mod fundamentali ndirizzata l-parroċċa. Iż-żjara tiegħi tallum issir ukoll okkażjoni biex nirrendu lilna nfusna konxji ta’ kif tifforma ruħha din ir-rabta bejn il-parroċċa u l-familja fis-soċjetà. F’liema miżura il-miżżewġin jassumu dawn id-dmirijiet flimkien mas-sagrament, li Alla u l-Knisja jippreżentawlhom quddiemhom? Kif tippreżenta ruħha l-problema tar-responsabiltà għall-ħajja? Għall-edukazzjoni?

Dawn midstoqsijiet serji u impenjattivi, b’mod partikolari llum, f’dan iż-żmien li fih il-familja misranija ssib bla dubju bosta diffikultajiet biex tgħix b’konsistenza l-prinċipji tal-fidi tagħha. Waqt li nieħu gost bl-attività pastorali mwettqa b’tant żelu mill-patrijiet Ġużeppini, inħeġġeg lil kulħadd biex japprofitta ruħu kemm jistà jkun mill-“katekeżi”: l-istruzzjoni reliġjuża hija llum assolutament fundamentali għan-nisrani, għaliex il-fidi trid issir konvinzjoni imdawla u personali. Huwa biss jekk inkunu tassew konvinti li l-volontà ta’ Alla u r-rivelazzjoni ta’ Kristu dak li l-Knisja tgħallem, għandu l-qawwa u l-ferħ tal-għixien b’mod awtentiku tal-fidi propja, minkejja d-diffikultajiet tal-ambjent. Agħtu għalhekk importanza kbira lill-Quddiesa festiva u għall-omelija tas-saċerdot,  lill-katekiżmi għat-tfal, lil-lezzjoni tar-reliġjon fid-diversi skejjel, lil-laqgħat ta’ kategorija fil-parroċċa u fil-kwasrtieri, lill-katekeżi għaż-żgħażagħ, lill-qari tal-istampa formattiva. U ċċentraw l-attivitajiet parrokkjali tagħkom fuq l-Ewkaristija, fuq il-laqgħa personali ma’ Kristu, mistieden tagħna perpetwu, waqt li niftakru dak li kien jgħid il-patrun tagħkom, iż-żagħżugħ San Ġwann Berchmans: “Mulej, hemm forsi għalija fuq l-art ħlewwa oħra u ferħ ieħor mit-tqardina mqaddsa?”

F’dan il-Ħadd nixtieq għalhekk nistieden, b’mod speċjali lil Ġesù fil-familji kollha ta’ din il-parroċċa. Nixtieq li Huwa jiġi – bħal f’Kana tal-Galilea – flimkien ma’ Ommu. Kemm hija elokwenti l-preżenza tagħha, is-sehem tagħha f’din il-ġrajja li seħħet fil-bidu tal-attività pubblika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret!

5. F’Kana irrivelat ruħha wkoll Marija fis-sempliċità u l-verità sħiħa tal-maternità tagħha. Il-maternità hija dejjem miftuħa lejn il-bniedem. Hija tieħu sehem fil-preokkupazzjonijiet tiegħu wkoll dawk l-iktar moħbija. Tassumi dawn il-preokkupazzjonijiet u tfittex li twassal rimedju. Dan li ġara waqt ir-riċeviment nuzzjali ta’Kana.

Metsa “naqas l-imbid” (Ġw 2,3) il-mexxej tal-festa u l-għarajjes sabu ruħhom bla dubju ta’ xejn f’fixla kbira. U allura Omm Ġesù qaltlu: “M’għandhomx imbid” (Ġw 2,3).

Il-kumplament tal-iżvilupp tal-ġrajja huwa magħruf sewwa.

Fl-istess ħin Marija tirrivela ruħha f’Kana tal-Galilea bħala omm konxja tal-missjoni ta’ Binha, konxja tal-Qawwa tiegħu.

Propju dan l-għarfien jimbuttaha biex tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu dak li jgħidilkom” (Ġw 2,5). U l-qaddejja segwew l-indikazzjoni ta’ Omm Kristu.

X’nistà nawguralkom iktar, fl-okkażjoni tal-laqgħa tagħna tallum, lilkom, għarajjes u familji; lilkom, żgħażagħ u tfal; lilkom, morda u batuti, għajjiena mill-età; lilkom fl-aħħarnett, għeżież rgħajja tal-erwieħ, reliġjużi rġiel u reliġjużi nisa, lilkom ilkoll?

X’nista nawguralkom jekk mhux li tisimgħu dejjem dan il-kliem ta’ Marija, Omm Kristu: “Agħmlu dak li jgħidilkom”?

U li taċċettawh bil-qalb għaliex mill-qalb huwa mlissen. Mill-qalb tal-Omm.
U li twettquh: “Alla għażilkom… waqt li sejħilkom għal dan / bil-Vanġelu tagħna, biex ikollkom sehem fil-glorja tal-Mulej / tagħna Ġesù Kristu” (2Ts 2,14).

Aċċettaw mela din is-sejħa b’ħajjitkom kollha.

Wettqu l-kliem ta’ Ġesù Kristu.

Obdu l-Vanġelu!

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb