Ms Pauline Dimech, Apprezzament tal-Ġisem ta’ Kristu; Ewkaristija u Knisja

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (15)

17 ta’ Ġunju 2013

Wara li fil-11 ta’ Ġunju, bgħattnielkom it-test tat-taħdita ta’ Rev. Dr John Berry dwar l-Ewkaristija, illum qed ngħaddulkom it-test ta’ taħdita oħra li saret fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Din saret minn Miss Pauline Dimech SDC, Membru tal-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana u Lettriċi fil-Junior College tal-Universita’ ta’ Malta. Din it-taħdita wkoll saret fil-Kurja tal-Arċisqof, Floriana.

APPREZZAMENT TAL-ĠISEM TA’ KRISTU: EWKARISTIJA U KNISJA

 

Introduzzjoni

Fl-2003, fid-dokument Ecclesia de Eucharistia,[1] il-Papa Ġwanni Pawlu II stieden ‘lill-Knisja biex taħseb fiċ-ċentralità ta’ l-Ewkaristija’. Għaldaqstant l-istess Papa jistaqsi: ‘kif nista’ ma nħossx il-bżonn li nħeġġiġkom ilkoll biex tirriflettu dejjem iżjed fuq din il-verità?’[2]

Matul din is-serata qed niċċelebraw l-apprezzament tagħna tal-Ġisem ta’ Kristu: qed nippruvaw nagħtu prezz, nivvalorizzaw il-Ġisem ta’ Kristu. Diskors konsumerista li jirrifletti d-dinja tal-bejgħ u tax-xiri: fejn kollox jiswa l-flus, u fejn anki dak li jingħata b’xejn, nixtiequ nagħtuh prezz. Imma tista’ tpoġġi prezz fuq l-Ewkaristija? Li kieku Ġesu’ taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid kellu jkun għall-bejgħ, xi prezz taqbad twaħħal miegħu? U xi prezz taqbad twaħħal fuq il-Knisja, li hi wkoll ‘ġisem ta’ Kristu’?

Minflok ‘apprezzament’, forsi jkun aħjar li nitkellmu minn “għoġba” ewkaristika, kif jagħmel il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Ecclesia de Eucharistia,[3] jew inkella minn ‘konoxxenza’, kif jagħmel l-istess Papa f’Mane Nobiscum Domine.[4] F’din tal-aħħar, il-Papa jitkellem minn ‘konoxxenza ħajja tal-preżenza reali ta’ Kristu’,[5] frażi li tfakkarna ħafna fid-diskursata bejn Ġesu’ u l-ewwel dixxipli fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Meta dawn staqsewh fejn jgħammar, weġibhom ‘Ejjew u taraw’(Ġw 1:39). Din kienet ix-xewqa ta’ Ġesu’, l-istennija tiegħu…konoxxenza tiegħu, li jkun miegħu, iktar milli li jadurawh u li jkunu ‘devoti’ tiegħu.

L-Ewkaristija

Fl-aħħar Ċena, hu evidenti li dak li xtaq jagħti Ġesu’ lill-Appostli kien lilu nnifsu, ġismu, demmu, ruħu, l-istess umanita’ u divinita’ tiegħu,[6] u jidher li dak li xtaq mill-appostli ‘awl il-lejl qabel ma’ miet’ kienet il-preżenza tagħhom: ġisimhom, moħħhom, qalbhom, ruħhom. Anki fil-ħasil tar-riġlejn, kien qiegħed jgħid lill-appostli dak li rari nisimgħu fid-dinja tal-lum. ‘I am here for you! All that I am, and all that I have, is here for you!’ Din ir-realta’ hi qawwija ħafna fil-Evanġelju ta’ San Luqa. Kif jibda r-rakkont tal-Aħħar Ċena Luqa? ‘Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati” (Lq 21:15). ‘Paradossalment, fl-istess Evanġelju, din ix-xewqa ta’ Ġesu’ li jkun mal-bniedem hi riflessa fil-kliem (fiċ-ċanfira) tal-Missier lill-Iben il-kbir tal-Parabbola tal-Iben il-Ħali. ‘Ibni, inti dejjem miegħi u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek’ (Lq 15:31). Fi Ġwanni: “Ibqgħu fija, u jien nibqa’ fikom”…U jkompli, jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom  (Ġw 15:4).

Alla jrid ikun mal-bniedem. Alla li sar xejn irid ikun mal-bniedem. U l-bniedem ukoll, mhu xejn mingħajr Alla. Il-bniedem li hu xejn jixtieq lil Alla. L-innu magħruf “Abide with Me”, mibni fuq il-kliem ta’ San Ġwann, għalkemm kitba ta’ Anglikan,[7] tirrifletti ħafna l-qawwa ta’ dan is-sagrament, u x-xewqa profonda tan-nisrani quddiem dan is-sagrament, li jkun akkumpanjat fil-ħajja (Ġw 15:4). Hi attitudni ta’ fidi u ta’ umilta’, ta’ qtigħ il-qalb, u fl-istess ħin ta’ tama. Fi kliem San Ġorġ Preca. ‘Jien għandi bżonnok f’kollox u għal kollox’.

         Dak li saħaq fuqu Ġesu’ fil-mument tat-twaqqif ta’ dan is-sagrament kien iktar il-preżenza tiegħu mal-Appostli. Kemm l-Ewkaristija u kemm il-Knisja huma sagrament, li mhux biss iwiegħdu l-kumpanija ta’ Alla imma jiċċelebraw li Alla hu tassew mal-bniedem. Alla li jrid jibqa’ mal-bniedem, li ma jixba’ minnu qatt. U l-bniedem li jeħtieġ lil Alla. U li jsib l-ikbar serħan tiegħu fil-preżenza ta’ Alla. Kif jgħid Stu Wistin, il-qalb tagħna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistriehx fih (L-Istqarrijiet, Ktieb 1).

         Din hi eku ta’ tant siltiet mill-Iskrittura li jiċċelebraw Alla mal-bniedem. Il-kliem tal-Anġlu lil Marija ‘Il-Mulej miegħek’ (Lq 1:28), kif ukoll ‘Għimmanu-El’ (‘Alla magħna’ (Mt 1:23), huma fost l-iktar frażijiet li mhux biss huma konsolanti għan-nisrani, imma jirriflettu xi tfisser l-istess ‘Rivelazzjoni’. Imbagħad hemm il-wegħda ta’ Kristu, “Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Dawn il-frażijiet, li huma pjuttost abbundanti fl-Iskrittura: Dominus Tecum, Għimmanu-El huma d-definizzjoni per eċċellenza tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija tfisser ‘Alla miegħek’.

Meta niġu għall-attitudni mistennija min-nisrani quddiem dan il-misteru, imdorrijin nitkellmu l-iktar minn ‘devozzjoni’ u minn ‘adorazzjoni’. L-innu Adoro te devote (Jien nadurak bil-qima) ta’ San Tumas ta’ Aquino  mhu se jmut qatt.[8] Imma l-adorazzjoni mhix l-uniku mod kif inkunu preżenti quddiem Kristu Ewkaristija, minkejja l-impressjoni li kultant jagħtuna wkoll xi dokumenti tal-Knisja. L-adorazzjoni hi biss mod wieħed ta’ kif il-bniedem ikun preżenti quddiem Alla. Fl-Ewkaristija Kristu jitlobna nibqgħu miegħu, filwaqt li aħna, fi kliem id-dixxipli ta’ Għemmaws nitolbuh ‘jibqa’ magħna’. Iktar minn adorazzjoni, hija karba tal-bniedem li tesprimi l-iżolament u n-nuqqas ta’ sens li kultant iħoss fl-esperjenza tal-ħajja. Ix-xewqa evidenti ta’ Kristu li jrid jibqa’ maghna sal-aħħar tegħleb il-pjaga tas-solitudni li tgħabba biha Kristu u li nġorru aħna matul ħajjitna u tagħti tama lill-bniedem fit-taħbit tal-ħajja. L-Ewkaristija hi Kristu aċċessibbli għall-morda li jirċievu lil Kristu fi djarhom jew fl-isptarijiet. Hi l-preżenza ta’ Kristu, anki f’dawk il-parroċċi f’pajjiżi fejn m’hemmx saċerdot ordnat. Bla ma jaf, anki l-bniedem li ma jafx bi Kristu qiegħed kontinwament isejjaħ lil Kristu bl-istess kliem li nsibu fit-tmiem tat-Testment il-Ġdid ‘Ejja Mulej Ġesu’ (Apok 22:20). U Kristu qiegħed iwieġeb lil kull bniedem, mhux biss lin-nisrani, bil-preżenza kontinwa tiegħu fid-dinja: preżenza dinamika. Alla dejjem ġej.

         Jidhirli li l-ħsieb ta’ Kristu Ewkaristija bħala preżenza tappella għall-bniedem tal-lum ħafna iktar minn kunċetti oħra li tradizzjonalment jintużaw għall-Ewkaristija. Dan il-kunċett mhux biss jgħinna nifhmu aħjar l-Ewkaristija, iżda jista’ jgħinna nifhmu x’qed jistenna minna Alla kemm bħala individwi fil-ħajja nisranija u kemm bħala Knisja, fil-ħajja ekkleżjali.

         Xi jrid mingħandna Kristu llum? Bħala individwi, u bħala Knisja, kif se nesprimu l-‘konnoxxenza ħajja’ tagħna tal-Ewkaristija? Il-‘konoxxenza’ tal-Ewkaristija jseħħ biss billi kultant nesponu s-Sagrament? Billi norganizzaw adorazzjonijiet quddiem is-sagrament, jew purċissjonijiet bis-Sagrament? Billi nsebbħu l-arkitettura, inżidu l-linef tal-kristall, l-iskultura, u l-pittura tal-Knejjes tagħna? Ir-rakkont tal-Evanġelju ma jikkonvinċiniex li (mill-bniedem) Kristu jrid adorazzjoni pompuża, dehbijiet u ġawhar prezzjuż. Anzi, l-ittra lil Lhud iċċanfarna: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk” (Lh 10:8). Il-lussu żejjed tal-knejjes tagħna isiru skandlu għal ħafna jekk dan ma narawhx fid-dawl tal-ħsieb ta’ preżenza. Kien forsi dan il-ħsieb li ġiegħel lil missirijietna jħallsu bi flushom għal tant oġġetti sagri li nsibu fil-knejjes Maltin: għal lampieri tqal, li ma jixbgħux inemnu lejl u nhar, għal ventartali imbuzzati bid-deheb, għal tabernakli miksija b’ħaġar prezzjuż? Riedu forsi missirijietna jagħtu biċċa minnhom infushom, biex, b’mod indirett, dejjem ikunu fil-preżenza ta’ Kristu? ‘Għamiltha jien, ħallast għaliha jien, u qegħda hemm, bil-lejl u bin-nhar preżenti miegħu, anki meta jien xogħol, u anki meta ħajti tispiċċa, dan il-wirt jibqa’ hemm’.

Il-preżenza tiegħi quddiem l-Ewkaristija mhix biss preżenza li sserraħni. Mhix biss post fejn nista’ ninsa d-dinja, naħrab mid-dinja eżiġenti ta’ madwari. Mhix biss preżenza li tferraħni, li toffri tama lil dinja li hi qalbha maqtuha, għalkemm hi hekk ukoll.[9] Imma mhux biss. Hi wkoll tingiża imbuttatura, fjamma li tqabbadni biex niffaċċja r-realta’ u biex ngħix s-sejħa tiegħi fid-dinja. Hi preżenza li tbiddilni, bħalma tiskurani x-xemx Maltija. Hi preżenza ta’ tiġdid. Għalhekk ukoll ried il-Mulej jibqa’ magħna fl-Ewkaristija, biex, bil-preżenza tiegħu jinħoloq ‘Jien’ ieħor, tinħoloq umanità ġdida.[10] Li nikkontemplaw lil Kristu fl-Ewkaristija jfisser li aħna lesti li  nagħrfuh kull fejn juri ruħu, fid-diversita’ kbira tal-preżenza tiegħu fil-Knisja[11] u fid-dinja. Hans Urs von Balthasar jgħid li ‘Jekk Kristu jibqa’ preżenti fostna sagramentalment, dan jagħmlu sabiex il-fidili jistgħu jagħrfu l-preżenza tiegħu anki barra mis-sagramenti’.[12] U mhux biss jagħrfu l-preżenza tiegħu, iżda jagħtuh ħajjithom biex imexxiha hu. Għaldaqstant, it-tixbiha li jġib il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Ecclesia de Eucharistia, ‘bejn il-Fiat li Marija qalet lill-anġlu u bejn l-Amen li jgħid kull fidil meta jitqarben’ hi tassew relevanti. Dik l-Amen li ngħidu kull meta nidhru quddiem l-ispeċi kkonsagrati, irridu ngħiduha wkoll  quddiem il-misteru tal-ħajja li dwarhom nitkellmu ma’ Kristu Ewkaristija fis-skiet.[13]

Kif jgħid ukoll l-istess Papa, l-Ewkaristija ma tibqax biss il-‘misteru tal-fidi’, imma ssir “misteru ta’ dawl”.   Quddiem l-Ewkaristija, għajnejna jinfetħulna u nagħrfuh” kif ġara maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24:31).[14] Nagħrfu l-ikbar misteru. U l-ikbar misteru tal-Ewkaristija mhux it-transustanzazzjoni! L-ikbar misteru tal-Ewkaristija hu l-imħabba ta’ Alla għalina. L-ikbar misteru hu l-fatt li “Il-Mulej Ġesù, waqqaf is-Sagrifiċċju ewkaristiku ta’ Ġismu u Demmu fil-lejl li fih kien ittradut”(1 Kor 11:23) Għaldaqstant, dak li l-iktar jinteressana mhux il-kif iseħħ il-misteru, imma l-għaliex iseħħ. Hu l-fatt li, kif jgħid il-Malti, ħabbna għall-mewt, u li jixtieq li din l-imħabba ma tintesiex.

Il-Knisja

Ecclesia de Eucharistia tiddeskrivi l-Ewkaristija bħala ‘l-ħajja tal-Knisja, il-“ħobż ħaj” li jgħajjixha’.[15] Tiddeskrivi l-Ewkaristija bħala ‘Ġesù salvatur preżenti fil- komunità tal-fidili għall-għajxien spiritwali tagħhom’.[16] Għaldaqstant, il-preżenza ta’ Kristu fl-Ewkaristija mhix biss is-sigriet biex nifhmu l-ħajja spiritwali tagħna, imma hi wkoll is-sigriet biex nifhmu n-natura u l-ħajja tal-Knisja li aħna membri tagħha.[17] L-Ewkaristija tagħti lin-nisrani raġuni għalfejn iħobb il-Knisja, minkejja d-dnub tagħha, u tgħinu jiġġudika d-direzzjoni pastorali li tkun qed tieħu l-Knisja.

Il-Knisja hi realta’ li, bħall-Ewkaristija, tesprimi x-xewqa ta’ Alla li jkun viċin il-bniedem u li tifraħ meta tara li Kristu għadu magħna.[18] Dak li jeħtieġ il-bniedem tal-lum, iktar minn qatt qabel, hu li xi ħadd ikun preżenti miegħu. Alla jrid ikun mal-bniedem, u l-Knisja trid tkun mal-bniedem: ma’ kull bniedem, imma l-iktar mal-marid, mal-moribond, mal-anzjan, mal-fqir, ma’ min iħossu waħdu, (u xi ħaġa relevanti ħafna għal pajjiżna) ma’ min qiegħed ibati għax falla ż-żwieġ tiegħu, u mal-immigrant. Fuq xbiha tal-Ewkaristija, il-messaġġ ta’ kull nisrani għall-oħrajn, u tal-Knisja għad-dinja, irid ikun: ‘I am here for you.’

Kulħadd għandu aċċess għal din il-preżenza ta’ Kristu: kemm għal dik ewkaristika u kemm għal dik ekkleżjali. Jekk ma nistgħux induqu, jew nirċievu l-Ġisem ta’ Kristu, nistgħu narawh, nisimgħuh, immissuh. Anki dawk il-persuni li huma mċaħħda milli jirċevuh minħabba l-mard, jew minħabba l-istil tal-ħajja tagħhom jistgħu jarawh, jisimgħuh, imissuh. Anzi lil dawn il-Knisja trid tħeġġiġhom aktar biex ma jitbiegħdux mill-preżenza ewkaristika ta’ Kristu, li hi reali barra mill-Quddiesa, daqskemm waqt il-Quddiesa! Li tibqa’ reali, anki jekk aħna ma nersqux lejn il-Knisja. Kif jgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Ewkaristija nsibu ‘t-teżor tal-Knisja, il-qalb tad-dinja, ir-rahan ta’ dak l-skop li għalih jixxennqu l-bnedmin kollha anki jekk ma jintebħux.’[19]

 

Konklużjoni

Kulħadd hu familjari mal-ġrajja rrakkuntata fil-ħajja tal-Kurat ta’ Ars ta’ dak l-anzjan li kien ikun fil-knisja jħares lejn Ġesu’ Ewkaristija, u jħalli lil Kristu jħares lejh. Din l-istorja aktarx smajnieha meta konna għadna żgħar fil-klassijiet tad-duttrina, imma r-relevanza u l-faxxinu tagħha għadu jidwi f’qalbna. Anki llum, ikun biżżejjed għan-nisrani individwali, u jkun biżżejjed għall-Knisja, li tħares lejn Kristu, u li tħalli lil Kristu jħares lejha.

Ms Pauline Dimech SDC

Membru tal-Kummissjoni Teoloġika

[1] Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ecclesia de Eucharistia, 17 ta’ April 2003. Fost id-dokumenti li jittrattaw l-Ewkaristija, ta’ min isemmi: l-enċiklika Mirae caritatis ta’Ljun XIII (28 ta’Mejju 1902), l-enċiklika Mediator Dei ta’ Piju XIII (20 ta’ Novembru 1947), u l-enċkilika Mysterium Fidei ta’ Pawlu VI (3 ta’ Settembru 1965).

[2] Ecclesia, 7.

[3] Ecclesia 6.

[4] Ġwanni Pawlu II, Mane Nobiscum Domine, 7 ta’ Ottubru 2004.

[5] Mane Nobiscum,18.

[6] Ara Ecclesia, 11.

[7] Henry Francis Lyte, 1847.

[8] Miktub ad unur tas-Sagrament fuq talba tal-Papa Urbanu IV (1261-1264) meta l-Papa stabilixxa l-Festa ta’ Corpus Christi fl-1264.

[9] ‘Il-preżenza ta’ Ġesù fit-tabernaklu trid tkun qisha kalamita li tiġbed numru akbar ta’ erwieħ, lesti li jistennew b’sabar biex jisimgħu l-vuċi tiegħu, u jħossu t-taħbita ta’ qalbu.  Biex iduqu u jaraw kemm hu tajjeb il-Mulej!” (Salm 34:8). Mane Nobiscum Domine, 18.

[10] Ara Ecclesia, 20.

[11] Sacrosanctum Concilium (par 7) titkellem dwar il-modi differenti tal-preżenza ta’ Kristu fil-Liturġija.

[12] von Balthasar, Hans Urs, The Christian State of Life, 338.

[13] Ara Ecclesia, 55.

[14] Ecclesia, 6.

[15] Ecclesia, 7.

[16] Ecclesia, 9.

[17] Minħabba li l-Ewkaristija tibni l-Knisja, iktar ma noqorbu lejn Kristu fl-Ewkaristija,  iktar inkunu ħaġa waħda mal-Knisja.’ (Ecclesia,  23)

[18]  Pawlu VI, Enċiklika Mysterium Fidei (3 ta’ Settembru 1965): AAS 57 (1965), 764.

[19] Ecclesia, 59.

%d bloggers like this: