Rev Dr John Berry, Il-Knisja u l-Ewkaristija: Apprezzament Teoloġiku, Kurja tal-Arċisqof, Floriana

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (14)

 Dan huwa t-test tad-diskors li għamel Rev. Dr John A. Berry, nhar il-5 ta’ Ġunju 2013, waqt it-tieni serata ta’ konferenzi li saru fil-Kurja tal-Arċisqof biex jitfakkar l-ewwel ċentinarju tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien sar ġewwa Malta fl-1913.

Il-Knisja u l-Ewkaristija: Apprezzament Teoloġiku

 

  1. Fl-Ewkaristija Alla jħabbibna fih

L-Ewkaristija tfisser li permezz ta’ Ġesù – rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt fil-Misteru tal-Għid tiegħu – Alla l-Missier iħabbibna miegħu u jagħtina sehem min-natura tiegħu ta’ Alla. Fl-Ewkaristija naraw l-imħabba divina, imħabba bla mittiefsa, safja u qaddisa.

Hu l-Ispirtu ta’ Alla li jonfoħ, iqaddes u jaħdem fina sabiex b’responsabilità naħdmu u nikkollaboraw fil-Knisja li hi tiegħu. Għax fejn hemm l-Ewkaristija, hemm ukoll il-Knisja. Il-Knisja tagħmel l-Ewkaristija u l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja. Aħna għandna sehem mill-mejda tal-Ewkaristija, u hi l-Ewkaristija li tagħtina sehem mix-xirka ta’ Alla-Imħabba.

Il-ħsieb tagħna hu li nirriflettu fuq ir-rabta divina bejn l-Ewkaristija u l-Knisja.

Il-punt tat-tluq tagħna hu li niftakru f’dak li Alla fassal fl-istorja u fid-dinja għalina l-bnedmin. Il-ħsieb tagħna llejla mhux sempliċement xi apprezzament sentimentali lejn l-Ewkaristija, iżda l-enfasi fuq il-memorja kollettiva u r-risposta fil-fidi għall-pjan salvifiku ta’ Alla li narawh b’mod misterjuż fis-sagrament tal-Ewkaristija.

  1. L-Ewkaristija hi intimità u responsabilità

F’kelmtejn, l-Ewkaristija hi intimità u responsabilità. Intimità li Alla fassal sabiex ngħixu fiH; responsabiltà li Alla fdalna biex flimkien nersqu lejH. Fl-Ewkaristija, Alla l-Missier fi Kristu iħabbibna fih. Fl-Ewkaristija, l-Ispirtu ta’ Kristu jiddisponi u jhejji r-ruħ tagħna għaliH.

Dan “is-sagrament il-kbir”, kif isejjaħlu San Tumas t’Akwinu, idaħħalna f’dimensjoni fejn nagħrfu lilna nfusna maħbubin; maħbubin u maħturin biex nikbru u naħdmu għall-għaqda ma’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin permezz tal-Knisja tiegħu.

“Aħna l-maħbubin ta’ Alla”, igħidilna San Pawl, u jkompli: “intom ukoll, msejjħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu” (Rum 1,8). Dik hi l-Ewkaristija: l-imħabba li missu b’idejna. Dik hi l-Knisja: l-imħabba ta’ bejnietna kif ħabbna Kristu stess.

 

  1. L-Ewkaristija hi s-sinjal tax-Xirka

Hawnhekk nitkellmu minn rabta ontoloġika (jiġifieri rabta tal-esseri, being) bejn id-divin u l-uman, bejn in-natura soprannaturali u n-natura umana. Qed nitkellmu dwar ix-Xirka u t-tisħib fin-natura divina ta’ dawk li huma lesti għalih; filwaqt li jgħidulu: “Ejja Mulej Ġesù”.

L-Ewkaristija hi għalhekk s-sinjal tax-Xirka u l-ħerqan li nkunu flimkien: “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed”. L-Ewkaristija tfisser intimità … ma’ Alla, iżda bejnietna ukoll.

L-enfasi tagħna ma tistrieħx fuq il-partijiet u d-distinzjoni bejn iż-żewġ naturi; iżda l-ħarsa u l-attenzjoni tagħna tistrieħ fuq l-għaqda u r-rabta ta’ bejniethom: il-grazzja li tibni fuq in-natura; Kristu li jdawwal lill-ġnus; u l-Ewkaristija li tqawwi u tiddisponi lill-bniedem. L-Ewkaristija li twaħħadna ma’ Kristu. Meta nitqarrbnu qed nagħmlu għażla li nkunu ma’ Ġesù u f’Ġesù.

Mhux iżjed il-mistoqsija “Fejn int?” tal-Antik Testment li staqsa Alla lil Adam, mistoqsija li tindika distakk u separazzjoni, iżda kliem Kristu nnifsu, fil-Ġdid Testment, meta jgħid: “Ibqgħu fija u jien fikom”. Nirreferu għal kliem  ix-xirka: “Ħudu u kulu dan huwa ġismi, ħudu u ixorbu dan huwa demmi”.

Mhux Alla ‘il bogħod, iżda propju hawn f’Ġesù Kristu. Lilu qed nirċievu. L-Ewkaristija hi s-sinjal tax-Xirka ta’ Kristu r-Ras mal-Knisja l-Ġisem tiegħu.

  1. L-Ewkaristija hi Don mis-sema

Missirijietna kielu l-manna fid-deżert. Aħna nieklu l-ħobż ħaj; u kull min jiekol dan il-ħobż, jgħix għal dejjem. Ħa nerġgħu nenfasizzaw: l-Ewkaristija hi don minn Alla għall-bniedem. Hi don li jġib flimkien u jgħaqqad l-bnedmin ma’ Alla; il-ħlejjeq mal-ħallieq.

L-Ewkaristija tfisser li Ġesù nnifsu, veru Alla u veru bniedem qiegħed hawn: medjatur bejn Alla u l-bniedem. Kristu hu d-don innifsu fl-Ewkaristija. Hu l-‘ġebla tax-Xewka’. Hu l-‘bennej tax-Xirka’.

L-Ewkaristija hi don immarkat mill-intimità, mix-xirka, mil-għaqda, mill-komunjoni li tiġbor fiha l-partijiet, il-membri, dawk ta’ rieda tajba, dawk li jridu jissieħbu mal-mejda waħdanija tal-Mulej.

“Ejjew intom ilkoll li intom bil-guħ, ejjew u kulu magħna” (L-Ikla tal-Għid, Is-Seder). Għalhekk l-Ewkaristija hi s-sinjal tal-għaqda; u ma hemmx ħajja, dawl jew sens jekk mhux fih u miegħu. L-Ewkaristija hi don għax twassal għax-xirka fin-natura divina.

  1. L-Ewkaristija tgħallimna l-ġenerożità

“Fil-bidu kien il-Verb”: permezz tiegħu Alla joħloq u jidħol f’patt, f’xirka sħiħa ma’ dak kollu li ġej minnu. L-Ewkaristija hi sinjal ċar li jqanqal lill-bniedem biex jaċċetta d-don u jwieġeb b’ġenerożità u b’ubbidjenza fil-fidi.

Fl-Ewkaristija naraw il-ġenerożità ta’ Kristu nnifsu fuq is-salib fejn ħabb sal-aħħar u ngħata sa ma ċarċar demmu kollu. Aħna l-Maltin inkantaw bil-qalb: “L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna”. Ħa jaħsilna d-demm ta’ Kristu! Ħa jippurifikana d-demm ta’ Kristu sabiex inkunu anqas indenji sabiex nirċevuh u nadurawh!

L-Ewkaristija tipprepara l-qlub sabiex b’dispożizzjoni u b’rieda ħielsa jersqu lejn Ġesù nnifsu.  Hi din il-ġenerożità li twassalna biex nintebħu bl-intimità ta’ Alla għalina u r-responsabiltà li jagħtina.

L-Ewkaristija hi don mogħti minn Alla b’ġenerożità, iżda hi ukoll don milqugħ mill-bniedem. Dik hi l-intimità, l-offerta. In-nisrani bħall-ħobż ewkaristiku li jingħata u jintlaqa’.

  1. L-Ewkaristija tfakkarna fil-prezz li Alla ħallas għas-salvazzjoni ta’ kulhadd

Dan hu dak li Ġesù ġie jwettaq fil-missjoni salvifika tiegħu fostna fid-dinja. Dan nikkontemplaw kull darba li ninżlu għarkopptejna quddiem Ġesù preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija. Xi prezz għoli ħallas Kristu għall-bnedmin kollha!

Hu l-qassis il-Kbir li joffri lilu nnifsu b’vittma u li jkun is-sagrifiċċju ta’ tpattija sabiex Alla jħabbeb lill-bniedem fih, li jqaddsu, li jgħollih, li jagħtih dinjità, li jreġġa’ l-bniedem għall-umanità li fih ħalqu sa mill-bidu.

O admirabile commercium! Espressjoni antika u mimlija fidi! Fi kliem aktar sempliċi, l-Insara ta’ kull żmien stqarrew kif il-ħwejjeġ tas-sema jingħaqdu ma’ dawk tal-art, jiġifieri kif Alla sar bniedem biex lilna jagħmilna allat! Kif nistgħu qatt naqbdu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Ewkaristija! Hi din il-missjoni tal-Knisja li twassal l-aħbar it-tajba dwar x’kien lest jagħmel Alla fi Kristu biex iħabbeb kollox fih, fejn Alla ikun imsebbaħ, Alla li jkun kollox f’kollox.

  1. L-Ewkaristija ssejjħilna għas-sempliċità

Mhux bl-għajnejn ta’ bniedem jew tar-raguni biss li rridu nħarsu lejn dan is-sagrament, iżda fuq kollox bl-għajnejn tal-fidi. Il-għażla tal-ħobż u l-inbid minn Kristu hi kollha pedagoġika: il-kobor ta’ Alla jinsab ukoll f’daqsxejn ħobż u nbid.

Il-memorja kollettiva u r-risposta fil-fidi tidħol hawn ukoll sabiex nagħrfu x’qed nirċievu f’idejna u ġo sidirna. In-natura tal-Ewkaristija u l-istess natura tal-Knisja twassalna għall-intimità u r-responsabiltà. Biżżejjed niftakru fil-ġenerazzjoni ta’ qabilna li għożżew il-mument tat-tqarbin u l-adorazzjoni, u hekk aħna mistiedna nagħmlu llum.

Bħala nsara irridu nagħrfu li għandna quddiemna misteru li ebda moħħ ta’ bniedem ma jista’ qatt jgħarbel, iżda li ċ-ċkejkin u ta’ min hu bħalhom jilmħu tarf dak li “la widna qatt ma semgħet, la għajn ma rat, la qalb qatt ma ħasset x’lesta Alla għal dawk li jħobbuh!” (1 Kor 2,9). Dan hu l-misteru tal-fidi. Din hi l-Knisja li taħt forma viżibbli hi ukoll realtà spiritwalità. Din hi l-Ewkaristija: l-preżenza sagramentali ta’ Alla fostna.

 

 

  1. L-Ewkaristija tfisser rabta sħiħa ma’ Ġesù

Ħa jkun imxennaq in-nisrani sabiex jiltaqa’ u jintrabat ma’ Kristu s-Saċerdot, l-offerta u l-vittma! Ippermettuli nagħmel riferenza għal talba, li kull saċerdot, ilissen minn taħt l-ilsien qabel ir-rit tat-tqarbin.

“Mulej Ġesù … Int tajt il-ħajja lid-dinja;

B [’dan] il-Ġisem u d-Demm qaddis tiegħek,

Eħlisni minn ħtijieti kollha u minn kull ħażen

Żommni dejjem fidil lejn il-kmandamenti tiegħek,

U tħallini qatt ninfired minnek” (Missal Ruman, Talba ta’ qabel it-tqarbin).

Ħa tkun l-Ewkaristija, l-Ġisem u d-Demm qaddis ta’ Ġesù, li lil dawk li jemmnu fih, jeħlishom mid-dnub, iżommhom fil-fedeltà u jħaddanhom f’għaqda sħiħa ma’ Alla l-Missier u ma’ ħuthom l-bnedmin.

Ħa tkun il-fidi ewkaristika li tħeġġeġ kull nisrani jagħmel tiegħu din it-talba: “tħallini qatt ninfired minnek”!

Ħa jkun il-mument tal-lum grazzja sabiex nagħrfu din ir-rabta fil-moviment li ‘Alla fih innifsu’ isir ‘Alla għalina’. ‘Deus in se’ li sar ‘Deus pro nobis’. ‘Alla li hu kollu mħabba’ sar issa għalina ‘Alla li jiżboq bl-imħabba’.

Alla li ma jinbidilx fih innifsu, jagħżel li jagħti minn dak li hu tiegħu: l-imħabba; l-intimità. Din hi l-Ewkaristija. Din hi l-Knisja, ħarriesa ta’ din ir-rabta sħiħa ma’ Ġesù.

  1. L-Ewkaristija titlob minna li nkunu Xhieda ta’ Ġesù fid-dinja

Dik l-istess tjubija li Alla jdewwaqna fl-Ewkaristija, ħa tkun ta’ qawwa sabiex inwassluha lil kulhadd. Hekk għamlu San Ġorġ Preca fit-tagħlim, il-Beata Adeodata Pisani fit-talb u l-Beatu Nazju Falzon fix-xandir tal-Kelma u l-eżempju.

Ħa nkunu aħna stess, il-Knisja li tilbes il-fardal, qaddejja bħalma Kristu stess kien qaddej! Ħa nkunu aħna stess persuni ewkaristiċi, il-Knisja tat-tama, il-fuklar li jdawwal l-imkien tad-dlam!

Ħa tkun l-Ewkaristija l-mezz li niġu flimkien sabiex kulħadd jemmen fil-qawwa u l-imħabba altruista ta’ Alla!

‘Xhieda’ tfisser li aħna stess nsiru għotja bħal Ġesù. Li nkunu Xhieda ta’ Ġesù fid-dinja tfisser li nkunu Christo-foroi (plural ta’ Christo-phoros) inġorru ‘l Kristu kull fejn imorru. ‘Xhieda’ tfisser responsabiltà lejn il-morda, l-batuti u l-emarġinati.

Aħna u nirriflettu dwar l-Ewkaristija u l-Knisja, nilmħu f’Ġesù għażla fundamentali, li tinkludi u mhux li teskludi. Ħa jkun il-mument tal-lum grazzja sabiex nikbru fis-sensittività lejn kulhadd!

Dik hi l-missjoni tal-Knisja, li twassal lil Kristu u xxerred id-dawl tiegħu ma’ kullimkien.

  1. L-Ewkaristija timbuttana għall-azzjoni

Minn ġewwa rridu noħorġu għal barra. Bħalma Kristu sejjaħ lejh it-Tnax, hekk ukoll bagħathom b’missjoni. Din hi l-istedina ta’ Ġesù Ewkaristija għalina.

L-Ewkaristija titlob li nimpenjaw ruħna sabiex inwasslu b’ħeġġa din l-intimità li semmejna fil-bidu. L-Ewkaristija tagħtina responsabiltà u għalhekk timbuttana għall-azzjoni.

U tassew li “b’qalbna kollha kull tifħir, […] imħabbitna ’l fuq ittir”, lejn Alla nnifsu: kollu tjieba, gustizzja u mogħdrija, iżda ukoll lejn ħutna l-bnedmin.

‘Timbuttana għall-azzjoni’ tfisser li nkunu ko-responsabbli fil-Knisja u fid-dinja. Hu f’dan l-dawl li nitkellmu dwar qadi fi sfond ta’ komunjoni.

L-Ewkaristija tfakkarna li għandna nikkollaboraw u naqdu lil xulxin fil-Knisja u ‘l barra minnha ukoll: fix-xogħol, fil-kultura, fil-politika, fis-saħħa u f’tant oqsma oħra. Nissuġġerixxi li lkoll fil-Knisja nirritornaw għad-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan li jitkellmu dwar dan: Viżjoni ta’ Knisja-Komunjoni u Kultura-Soċjeta’-Knisja. Fadlilna ħafna x’nifhmu, x’nagħmlu tagħna u x’ngħixu fl-ispirtu tas-Sinodu.

L-Ewkaristija ssuqna sabiex naqdu skont is-sejħa evanġelika u li nagħtu xhieda biex biha tissaħħaħ il-Knisja u l-umanità kollha.

Ippermettuli nagħlaq dawn il-ħsibijiet billi nissellef kliem l-Isqof Taljan magħruf bħala don Tonino Bello meta jgħid:

“L-Ewkaristija ma taħmilx lil min joqgħod b’idejh fuq zaqqu. Ma tittollerax is-siesta. Ma tippermettix in-ngħas li ġġib magħha d-diġestjoni. Jasal il-waqt meta tobbligana nitilqu mill-mejda tal-ikel. Tqanqalna għall-azzjoni. Timbuttana biex inħallu r-ritmi tagħna wisq residenzjali ħalli ġġiegħlna ninvestu n-nar li rċevejna f’opri dinamiċi u missjunarji. Jekk wieħed ma jqumx mill-mejda, l-Ewkaristija tibqa’ sagrament mhux komplut” (Dall’Archivio di Don Tonino Bello [Il-Knisja tal-Fardal, 2000, 20-21]).

Propju dan hu dmirna llejla, li nagħrfu mill-ġdid l-ħbiberija ta’ Alla magħna f’Ġesù Kristu u li quddiem l-ewkaristija, bħala Knisja, nwieġbu bil-fidi u bl-għemil. Bejn l-Ewkaristija u l-Knisja (Kristu u aħna) hemm rabta li titfisser fuq kollox b’żewġ kelmiet: intimità u responsabiltà.

Rev. Dr John A. Berry

5 ta’ Ġunju 2013

___________________________________

%d bloggers like this: