Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-V ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
It-tnejn isiru ġisem wieħed.
Ġen 2, 18-25

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam.

U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem. Imbagħad il-bniedem qal: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi”.

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed. U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġak 1, 21bċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom,
li tista’ ssalvalkom ruħkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal.
Mk 7, 24-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù mar fl-inħawi tal-belt ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba, għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh. Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha. U hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. Iżda hi weġbitu u qaltlu: “Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal”. Imbagħad qalilha: “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek”. U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu