Qari tal-Quddies tal-Ħamis wara l-Erbgħa tal-Irmied

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħamis wara l-Erbgħa tal-Irmied

QARI I
Jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta.
Dewt 30, 15-20

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. Issa jekk tisma’ mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu, int tgħix u titkattar, u l-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-art li int sejjer fiha biex teħodha f’idejk.

Imma jekk qalbek iddur u ma tismax, tintgħewa u tqim allat oħra u taqdihom, jien ngħidilkom illum li tinqerdu żgur; ma ddumux żmien twil fuq l-art, li int se taqsam il-Ġordan biex tidħol fiha u teħodha f’idejk.

Insejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tisma’ l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul ta’ jiemek li tgħammar fl-art li Alla ħalef li jagħtiha lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (Salm 39 (40), 5a): Hieni l-bniedem
li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4, 17

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej,
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.
Lq 9, 22-25

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.

Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading