127. L-Ispiritwalità Kristjana taż-Żwieġ bl-Għixien Skont l-Ispirtu

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  14/11/1984.

1. Fid-dawl tal-enċiklika Humanae Vitae l-element fondamentali tal-ispiritwalità konjugali huwa l-imħabba  msawba fil-qlub tal-miżżewġin bħala don tal-Ispirtu Santu (cf. Rm 5, 5). Il-miżżewġin jirċievu fis-sagrament dan id-don flimkien ma “konsagrazzjoni” partikolari. L-imħabba hija magħquda mal-kastità konjugali li, waqt li timmanifesta ruħha bħala rażan twettaq l-ordni ntern tal-konvivenza konjugali.

Il-kastità hija li tgħix fl-ordni tal-qalb. Dan l-ordni jippermetti l-iżvilupp tal-“manifestazzjonijiet affettivi” fil-proporzjon u fis-sinifikat propju tagħhom. B’tali mod tiġi kkonfermata wkoll il-kastità konjugali bħala “ħajja tal-Ispirtu” (cf. Gal 5, 25), skont l-espressjoni ta’ San Pawl. L-appostlu kellu f’moħħu, mhux biss l-enerġiji inerenti tal-ispirtu uman, imma b’mod speċjali l-influss santifikanti tal-Ispirtu Santu u d-doni partikolari tiegħu

2. Fiċ-ċentru tal-ispiritwalità konjugali mela tinsab il-kastità, mhux biss bħala virtù morali (iffurmata mill-imħabba, imma ugwalment bħala virtù marbuta mad-doni tal-Ispirtu Santu – qabel kollox mad-don tar-rispett ta’ dak li jiġi minn Alla (“donum pietatis”). Dan id-don jinsab fil-moħh tal-awtur tal-Ittra lill-Efesin, meta jeżorta lill-miżżewġin biex ikunu “sottomessi lejn xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21). Hekk mela l-ordni ntern tal-konvivenza konjugali, li jippermetti l-“manifestazzjonijiet affettivi” li jiżviluppaw skont il-proporzjon u s-sinifikat ġust tagħhom, huwa frott mhux biss tal-virtù  li fiha l-miżżewġin jeżerċitaw lilhom infushom, imma wkoll tad-doni tal-Ispirtu Santu li miegħu jikkollaboraw.

L-enċiklika Humanae Vitae f’xi passi tat-test (partikolarment 21; 26), waqt li titkellem dwar l-axxesi konjugali speċifika, jew aħjar l-impenn biex ikunu akkwistati l-virtujiet tal-imħabba, tal-kastità u tar-rażan, titkellem b’mod indirett dwar id-doni tal-Ispirtu Santu, għal liema l-miżżewġin isiru sensibbli fil-qies tal-maturità fil-virtujiet.

3. Dan jikkorrispondi mal-vokazzjoni tal-bniedem għaż-żwieġ. Dawk it-“tnejn”, li – skont l-espressjoni l-iktar qadima tal-Bibbja – “se jkunu ġisem wieħed” (Ġen 2, 24), ma jistgħux jattwaw tali għaqda fil-livell tal-persuni (“communio personarum”), jekk mhux permezz tal-qawwiet ġejjin mill-ispirtu, u preċiżament, mill-Ispirtu Santu li jippurifika, jerġà jagħti l-ħajja, jikkorrobora u jipperfezzjona l-qawwiet tal-ispirtu uman. “Huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma’ jservi għal xejn” (Ġw 6, 63).

Jirriżulta li l-linji essenzjali tal-ispiritwalità konjugali huma “sa mill-bidu” miktuba fil-verità Bibblika dwar iż-żwieġ. Tali spiritwalità hija wkoll “sa mill-bidu” miftuħa għad-doni tal-Ispirtu Santu. Jekk l-enċiklika Humanae Vitae  tħeġġeġ lill-miżżewġin għal “talb perseveranti” u għall-ħajja sagramentali (meta tgħid: “użaw b’mod speċjali fl-Ewkaristija s-sors tal-grazzja u tal-karità”, “irrikorru b’perseveranza umli għall-ħniena ta’ Alla, li tiġi mogħtija b’mod ġeneruż fis-sagrament tal-Penitenza”, Pawlu VI, Humanae Vitae, 25), dan hija tagħmlu in kwantu li hi grata lejn l-Ispirtu li “jagħti l-ħajja” (2 Kor 3, 6).

4. Id-doni tal-Ispirtu Santu, u b’mod partikolari d-don tar-rispett ta’ dak li huwa sagru, donnhom li hawn għandhom sinifikat fundamentali. Tali don infatti jsostni u jiżviluppa fil-miżżewġin sensibiltà għal kollox singulari ta’ dak li fil-vokazzjoni u l-konvivenza tagħhom iġorr is-sinjal tal-misteru tal-ħolqien u tar-redenzjoni: ma’ dan kollu li huwa rifless maħluq mill-għerf u l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk dak id-don donnu jibda r-raġel u l-mara b’mod partikolarment profond rigward iż-żewġ sinifikati nseparabbli tal-att konjugali, li dwarhom titkellem l-enċiklika (Humanae Vitae, 12) fir-rigward tas-sagrament taż-żwieġ. Ir-rispett taż-żewġ sinifikati tal-att konjugali jistgħu jiżviluppaw għal kollox biss a bażi ta’ referenza profonda għad-dinjità personali  ta’ dak li fil-persuna umana huwa inerenti għall- maskulinità u l-femminilità, ub’mod inseparabbli b’referenza għad-dinjità personali tal-ħajja l-ġdida, li tistà toħroġ mill-għaqda  konjugali tar-raġel u tal-mara. Id-don tar-rispett ta’ dak li hu maħluq minn Alla jesprimi ruħu appuntu f’tali referenza.

5. Ir-rispett tas-sinifikat doppju tal-att konjugali taż-żwieġ, li jitnissel mid-don tar-rispett lejn il-ħolqien ta’ Alla, jimmanifesta ruħu wkoll bħala biżà feddejja: biżà li tfarrak jew tiddegrada dak li jġib fih innifsu is-sinjal tal-misteru tal-ħolqien u r-redenzjoni. Dwar tali biżà appunto jitkellem l-awtur tal-Ittra lill-Efesin: “Kunu sottomessi lejn xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

Jekk tali biżà feddeja tassoċja ruħha minnufih mal-funzjoni “negattiva” tar-rażan (jiġifieri mar-reżistenza fir-rigward tal-konkupixxenza tal-ġisem), hija wkoll timmanifesta ruħha – u b’qies kull ma jmur jikber, iktar ma tali virtù timmatura – bħala sensibiltà sħiħa ta’ qima lejn il-valuri essenzjali tal-għaqda konjugali: lejn iż-“żewġ sinifikati tal-att konjugali ( jew aħjar, waqt li nitkellmu bil-lingwaġġ tal-analiżi preċedenti, lejn il-verità nterna tal-“lingwaġġ tal-ġisem” reċiproku).

A bażi ta’ referenza profonda għal dawn iż-żewġ valuri essenzjali, dak li jfisser għaqda tal-miżżewġin jiġi armonizzat fis-soġġett b’dak li jfisser paternità u maternità responsabbli. Id-don tar-rispett ta’ dak li hu maħluq minn Alla jagħmel iva li l-“kontraddizzjoni” apparenti f’din l-isfera tgħib u d-diffikultà derivanti mill-konkupixxenza tiġi gradatament superata, grazzi għall-maturità tal-virtù u għall-qawwa tad-don tal-Ispirtu Santu.

6. Jekk dan huwa dwar il-problemtaika tal-hekk imsejjaħ rażan perjodiku (jiġifieri li wieħed jirrikorri għall-“metodi naturali”), id-don tar-rispett lejn l-opra ta’ Alla jgħin, f’linja massima, biex jirrikonċilja d-dinjità umana mar-“ritmi naturali ta’ fertilità”, jiġifieri mad-dimensjoni bijoloġika tal-femminilità u l-maskulinità tal-miżżewġin, dimensjoni li għandha wkoll sinifikat propju għall-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem” reċiproku fil-konvivenza konjugali.

B’tali mod, dak ukoll li – mhux tant fis-sens bibbliku, daqs kemm saħansitra f’dak “bijoloġiku” – jirreferi għall-“għaqda konjugali tal-ġisem”, isib il-forma umanament matura tiegħu grazzi għall-ħajja “skont l-ispirtu”

Il-prattika tar-regolazzjoni onesta tal-fertilità kollha, hekk strettament magħquda mal-paternità u l-maternità responsabbli, tagħmel parti mill-ispiritwalità konjugali u familari kristjana; u huwa biss bl-għixien “skont l-Ispirtu” li ssir tassew awtentika.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb