Il-Karmelitan Patri Avertan Fenech (1871-1943)

Il-patri li għex u miet b’fama ta’ qdusija.

Lwiġi Fenech, twieled il-Mosta nhar l-10 ta’ Lulju 1871 minn Duminku u ommu Marija mwielda Attard. L-għada tat-twelid, ġie mgħammed fil-knisja parrokjali tal-Mosta u ngħata l-isem ta’ Lwiġi, għal San Lwiġi Conzaga. Il-ġenituri tiegħu dejjem fittxew li jħarsuħ mill-ħażen u jmexxuh fit-triq it-tajba. L-ewwel kliem li tgħallem mid-dar kienu Ġesu u Marija. Il-ġenituri tiegħu kienu meqjusa fi kliemhom, u kienu jgħixu fis-sempliċità u fil-għaqal.

Ta’ seba’ snin beda jmur l-iskola tal-gvern u kien ta’ ezempju tajjeb għall-sħabu tal-klassi. Sħabu jistqarru kemm kien tifel tajjeb għax-kien joqgħod attent għall-lezzjonijiet u ma’ kien jtellef lill-ħadd. Fid-29 ta’ Mejju 1881 għamel l-ewwel tqarbina,u ftit wara rċieva s-sagrament tal-griżma min għand l-isqof Karmelu Scicluna. Iktar ma’ kiber beda jħoss is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u hu kien jgħid dejjem “Jien rrid nsir Patri Karmelitan”. Meta kiber iktar il-ġeneturi bgħatuh għand Saċerdot li kien jgħix in-Naxxar biex jgħallmu l-Latin u t-Taljan. Dan is-saċerdot kompla jsaħħaħ il-vokazzjoni ta’ Lwiġi.

Wara sentejn jew tlieta mar jkellem lill-patri Lwiġi Malfatti Pirjol Provinċjali tal-Karmelitani biex idaħħlu fl-Ordni Karmelitan. Huwa daħal fl-Ordni tagħna nhar is-6 ta’ Frar 1888 fil-kunvent tal-belt fejn hemmhekk beda in-novizzjat. Huwa ingħata l-isem ta’ Avertan kif kienet l-użanza ta’ dak iż-żmien.Nhar is-27 ta’ Frar 1889 fl-Oratorju tal-Madonna tal-Karmnu l-Belt għamel il-professjoni sempliċi f’idejn il-Pirjol Provinċjali. Wara beda l-istudji tiegħu tal-filosofija u t-teoloġija. Għamel il-professjoni solenni f’għeluq it-tlett snin ta’ l-ewwel waħda nhar is-27 ta’Frar 1892 f’idejn il-Vigarju Provinċjali fil-kappella tan-novizzjat li tinsab fil-kunvent tal-Karmnu l-Belt.

Meta nfetaħ il-kunvent tal-Balluta huwa flimkien ma’ sħabu marru hemmhekk taħt id-direzzjoni ta’ Patri Franġisk Raiti li aktar tard sar l-isqof ta’ Trapani. Nhar il-5 ta’ Lulju 1896 l-isqof ta’ Għawdex Ġiovanni Camilleri OSA ordnaħ saċerdot fil-kappella tal-Palazz tal-Isqof t’Għawdex. Ftit jiem wara għamel l-ewwel quddiesa solenni fis-Santwarju Bazilka tal-Karmnu il-Belt.

L-ewwel snin tas-saċerdozju għaddihom fil-kunvent tal-Balluta fejn kien iqarar ħafna u kienu bosta li kienu jfittxuħ kemm għal dan is-sagrament kif ukoll għall-pariri u direzzjoni spiritwali. Kien meqjus bħala bniedem ta’talb u dejjem kien iżomm il-Mulej quddiem għajnejh. Min kien jarah miexi fit-triq, dejjem kien jintlaqat mis-serjetà u l-ġabra ta’ dan il-patri eżemplari u ta’ virtù.

Fl-1896 kien magħżul biex ikun prefett tal-istudenti fil-kunvent tal-Balluta u aktar tard ġie magħżul bħala viċi Surmast. Ħutu l-istudenti kienu dejjem jaraw fih xempju ta’ Spiritwalità Karmelitana. Aktar tard huwa ġie mibgħut fil-kunvent tal-Mdina fejn sar ukoll surmast tan-Novizzi. Barra minn Surmast tan-Novizzi patri Avertan kien kusillier Provinċjali u viċi Pirjol tal-kunvent tal-Mdina kif ukoll segretarju tal-Provinċjal.

Il-kamra li fiha għex u miet Patri Avertan fl-Imdina

F’Mejju ta’ 1919 ġie magħżul biex flimkien mal-Pirjol Provinċjali jmur Ruma għall-Kapitlu Ġenerali. Hemmhekk huwa ħalla mpressjoni fuq il-Kapitulari, għall-qdusija li kienet tidher fi mġiebtu, fi kliemu u f’persuntu. L-istess Pirjol Ġenerali tal-Ordni Patri Elija Magennis baqa mistgħaġeb bl-umiltà ta’dan il-Patri u l-Provinċjal tal-Karmelitani fl-Istati Uniti, talbu jibgħatlu bil-miktub x’inhu l-ispirtu awtentiku tal-Karmelu u kif jista’ jagħmel biex dan l-ispirtu jiġi preservat mir-reliġjużi. Barra l-uffiċċji provinċjali li qeda b’metikolożità u sens ta’ dover, huwa kien imfittex għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Ħalla bil-miktub kitbiet ta’ spiritwalità sempliċi u profondi. F’Mejju tal-1923 sar il-Kapitlu Provinċjali fejn ġie magħżul bħala Provinċjal Patri Ġwann Azzopardi. Ftit wara dan il-kapitlu, Patri Avertan intlaqat minn attakk ta’ puplesija li ħallih invalidu għal 11 il-sena u nofs. Hu kien jaċċetta kollox minn idejn Alla. Il-konfessur tiegħu id-Dumnikan P. Parnis stqarr li f’ħajtu dan qatt ma dineb serjament jew gravement!

Huwa miet fil-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Ottubru 1943 u l-1 ta’ Novembru, waqt li kien maqgħud dejjem mar-rieda t’Alla.Il-funeral tiegħu sar fil-kunvent tal-Mdina li għalih kien hemm folol kbar ta’ nies u wara ġie midfun fil-kripta ta’ l-istess kunvent. L-Arċisqof Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu fl-1968. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-patri li dejjem kien xempju ta’ ħajja kontemplattiva “moħbi flimkien ma’ Kristu f’Alla”. Iċ-ċella tiegħu għadha miżmuma b’għożża fil-Karmnu tal-Mdina u bosta jżuruha biex jitolbu fiha. Il-fdalijiet tiegħu midfuna fil-Knisja tal-Karmnu tal-Mdina huma wkoll post li bosta jżuruh b’qima u rispett lejn dan ir-reliġjuż li sa llum dawk li kellhom ix-xorti jkunu jafuh, jgħidulek “dak kien patri qaddis”

J’Alla jkollna reliġjużi bħal P. Avertan li f’din id-dinja mqallba jgħallmuna u jfakkruna fil-prijorità ta’ Alla f’ħajjitna kif ukoll dik ir-rassenjazzjoni waqt it-tiġrib u l-mard tagħna.

Nħeġġiġkom biex tingħaqdu magħna f’dan l-anniversarju tiegħu, fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta. Iċ-ċelebrazzjoni tibda fis-6.00 p.m. bir-rużarju u bi ħsibijiet ta’ P. Avertan u tkompli bil-Quddiesa konċelebrata fis-6.30 p.m. u wara ċelebrazzjoni quddiem il-mafkar tiegħu wara l-Knisja. Iċ-ċella ta’ P. Avertan fil-kunvent kif ukoll il-Knisja li fiha P. Avertan hu midfun huma miftuħa għal kull min jixtieq iżurhom.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading