L-Għaqal

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 25 ta’Ottubru 1978. L-Ewwel Udjenza tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Meta nhar l-Erbgħa 27 ta’ Settembru l-Qdusija tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu I kellem lill-parteċipanti fl-udjenza ġenerali, ħadd ma setà jimmaġina li dan kien għall-aħħar darba. Il-mewt tiegħu – wara 33 jum ta’ pontifikat – ħasdet u mliet id-dinja kollha b’luttu profond. Hu li qanqal fil-Knisja ferħ hekk kbir u spira fil-qlub tal-bnedmin tant tama, fi żmien hekk qasir, ikkonsma u wassal fi tmiemha l-missjoni tiegħu.  F’mewtu seħħet il-kelma tant imtennija fil-Vanġelu: “…kunu lesti, għaliex fis-siegħa li ma tistennewhiex, jiġi Bin il-bniedem” (Mt 24,44). Ġwanni Pawlu I kien dejjem jgħasses. Is-sejħa tal-Mulej ma ħasditux. Huwa segwiha bl-istess ferħ anzjuż, li bih fis-26 ta’ Awissu kien aċċetta l-elezzjoni tiegħu għas-sedja ta’ San Pietru.

Illum qiegħed jippreżenta ruħu quddiemkom, għall-ewwel darba, Ġwanni Pawlu II. Erbgħa ġimgħat wara dik l-udjenza ġenerali, jixtieq isellmilkom u jitkellem magħkom. Jixtieq isegwi t-temi diġa mibdija minn Ġwanni Pawlu I. Niftakru li kien tkellem dwar it-tliet virtujiet tejologali: Fidi, Tama u Karità. Spiċċa bil-Karità. Din – li ffurmat l-aħħar tagħlim tiegħu – hija f’din id-dinja l-virtù l-iktar kbira bħal ma jgħallimna San Pawl (1Kor 13,13); hija dik li taqsam l-għatba tal-ħajja u tal-mewt. Għaliex meta jintemm iż-żmien tal-fidi u tat-tama, tkompli l-Imħabba. Ġwanni Pawlu I diġa għadda miż-żmien tal-fidi, tat-tama u tal-karità li esprima ruħu b’mod hekk manifiku fuq din l-art u li l-milja tiegħu tirrivela ruħha biss fl-eternità.

Illum jeħtieġ nitkellmu dwar virtù oħra, għaliex min-noti tal-Papa l-mejjet fhimt li kienet l-intenzjoni tiegħu mhux biss li jitkellem dwar it-tliet virtujiet tejologali biss: fidi, tama u karità, imma wkoll dwar l-erbà virtujiet hekk imsejħa kardinali. Ġwanni Pawlu I ried jitkellem dwar is-“sebà msiebaħ” tal-ħajja nisranija, hekk kien isejħilhom il-Papa Ġwanni XXIII.

Tajjeb, illum jien irrid inkompli dan il-pjan, li l-Papa li ħalliena kien ħejja, u nitkellem fil-qosor dwar il-virtù tal-Prudenza. Dwar din il-virtù ma tkellmux ftit diġa l-antiki. Għal dan għandu jkollna aħna rikonoxxenza u gratitudni profonda. F’ċerta dimensjoni għallmuna li l-valur tal-bniedem għandu jkun imkejjel   bil-mertu tal-ġid morali, li huwa jwettaq f’ħajtu. Propju dan tassikura fl-ewwel post il-virtù tal-prudenza. Il-bniedem prudenti, li jaħdem għal dak kollu li huwa tassew tajjeb, jagħmel minn kollox biex iqis kull ħaġa, kull sitwazzjoni u dak kollu li jagħmel bil-metru tal-ġid morali. Prudenti  mela mhuwiex dak li – bħal ma spiss naħsbu – li jaf jirranġa ruħu fil-ħajja u li jaf jikseb l-aħjar profitt; imma dak li jaf jibni ħajtu kollha skont il-leħen tal-kuxjenza retta u skont l-esiġenzi tal-morali ġusta.

Hekk il-prudenza tikkostitwixxi l-muftieħ għat-twettiq tal-kompitu fundamentali li kull wieħed u waħda minna irċivejna mingħand Alla. Dan il-kompitu huwa l-perfezzjoni tal-bniedem innifsu. Alla ta lil kull wieħed u waħda minna l-umanità tagħna. Huwa meħtieġ li aħna nwieġbu għal dan il-kompitu billi nipprogrammawh b’mod konsistenti.

Imma n-nisrani għandu d-dritt u d-dmir li jħares lejn il-virtù tal-prudenza wkoll f’linja ta’ viżjoni oħra. Din hija bħala xbiha u xebħ tal-Providenza t’Alla nnifsu fid-dimensjoni tal-bniedem konkret. Għaliex il-bniedem – dan nafuh mill-ktieb tal-Ġenesi – inħoloq xbiha u xebħ ta’ Alla. U Alla jwettaq il-pjan tiegħu fl-istorja tal-ħolqien u b’mod speċjali fl-istorja tal-umanità. L-iskop ta’ dan il-pjan huwa – bħal ma jgħallem San Tumas – il-ġid aħħari tal-univers. L-istess pjan fl-istorja tal-umanità isir sempliċement il-pjan tal-fidwa, il-pjan li jħaddanna lkoll kemm aħna. Fil-punt ċentrali tat-twettiq tiegħu jinsab Ġesù Kristu, li fih kienet espressa l-imħabba eterna u l-konsiderazzjoni ta’ Alla nnifsu, il-Missier, għall-fidwa tal-bniedem. Din hija fl-istess ħin l-espressjoni sħiħa tal-Providenza divina.

Mela, il-bniedem li huwa xbiha ta’ Alla, għandu jkun – bħal ma mill-ġdid jgħallimna San Tumas – b’xi mod il-providenza. Imma fil-qies ta’ ħajtu. Huwa jistà jieħu sehem f’din il-mixja kbira tal-krejaturi kollha lejn l-iskop li huwa l-ġid tal-ħolqien.  Għandu – waqt li nesprimu rwieħna b’mod iktar qawwi fil-lingwaġġ tal-fidi – jieħu sehem fil-pjan divin tal-fidwa. Għandu jimxi lejn il-fidwa, u jgħin lill-oħrajn sabiex isalvaw. Waqt li jgħin lill-oħrajn, isalva lilu nnifsu.

Nitlob sabiex f’dan id-dawl, min qed jismagħni jaħseb issa għal ħajtu. Jiena prudenti? Ngħix b’mod konsistenti u responsabbli? Il-programm li nwettaq iservi għall-ġid veru? Iservi għall-fidwa li jridu għalina Kristu u l-Knisja? Jekk illum jismagħni student jew studentessa, iben jew bint, jara f’dan id-dawl il-kompiti tiegħu propji ta’ skola , il-qari, l-interessi, il-passatempi, l-ambjenti tal-ħbieb irġiel u nisa? Jekk jismagħni missier jew omm ta’ familja, jaħseb ftit dwar id-dmirijiet konjugali u ta’ ġenitur? Jekk jismagħni ministru jew bniedem tal-Istat, jara  l-iskop tad-dmirijiet tiegħu u tar-responsabiltajiet tiegħu? Ifittex hu l-veru ġid tas-soċjetà, tan-nazzjon, tal-umanità? Jew interessi partikolari u parzjali biss? Jekk jismagħni ġurnalista, pubbliċista, bniedem li jeżerċita nfluwenza fuq l-opinjoni pubblika, jirrifletti dwar il-valur u fuq il-fini ta’ din l-influwenza tiegħu?

Ukoll jien li qed nitkellem magħkom, jien il-Papa, x’irrid nagħmel biex naġixxi b’mod prudenti? Jiġuni f’moħħi l-ittri ta’ Albino Luciani, dakinhar Patrijarka ta’ Venezja, lil San Bernard. Fit-tweġiba tiegħu lill-Kardinal Luciani, l-Abbati ta’ Chiaravalle – Duttur tal-Knisja – jfakkar b’aċċent qawwi li min jiggverna għandu jkun “prudenti”. Xi jrid mela jagħmel il-Papa l-ġdid sabiex jopera b’mod prudenti? Bla dubju ta’ xejn hemm bżonn li jagħmel ħafna f’dan is-sens. Għandu dejjem jitgħallem u dejjem jimmedita dwar tali problemi. Imma barra minn dan, xi jrid jagħmel? Irid jitlob u jaħdem biex ikollu dak id-don tal-Ispirtu Santu  li jissejjaħ id-don tal-kunsill. U kemm bnedmin li jixtiequ li l-Papa l-ġdid ikun ir-Ragħaj prudenti tal-Knisja, jitolbu għalih id-don tal-kunsill? U għalihom infushom, jitolbu wkoll dan id-don permezz tal-interċessjoni tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb? Għaliex wieħed għandu jixtieq ħafna li l-bnedmin kollha għandhom iġibu ruħhom b’mod prudenti u li bi prudenza vera għandhom jaġixxu dawk li għandhom il-poter. Sabiex il-Knisja – b’mod prudenti, waqt li tissaħħaħ bid-doni tal-Ispirtu Santu u, b’mod partikolari, bid-don tal-kunsill – tieħu sehem b’mod effikaċi f’din il-mixja kbira lejn il-ġid ta’ kulħadd u sabiex turi lil kulħadd it-triq tal-fidwa eterna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: