Qari tal-Quddies tat-Tlieta tar-IV ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan
It-Tlieta

QARI I
Rajt l-ilma ħiereġ mit-tempju, u salvaw dawk kollha li fuqhom wasal dan l-ilma.
Eżek 47, 1-9.12

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

F’dak iż-żmien, l-anġlu ħadni lura ħdejn il-bieb tas-santwarju tal-Mulej; u ara, kien hemm l-ilma ħiereġ minn taħt l-għatba tas-santwarju lejn il-Lvant – għax is-santwarju kien iħares lejn il-Lvant. U l-ilma kien ħiereġ min-naħa tal-lemin tal-għatba, in-naħa tan-Nofsinhar tal-altar.

Imbagħad ħariġni mill-bieb tat-Tramuntana u mexxieni madwar, minn barra, sal-bieb ta’ barra li jħares lejn il-Lvant; u l-ilma kien inixxi min-naħa tal-lemin tal-għatba. Xħin ħareġ dan ir-raġel għan-naħa tal-Lvant, kellu f’idu il-ħajt tal-qjies. Imbagħad qies elf driegħ, u għaddieni mill-ilma li kien jilħaq sal-għekiesi. Raġa’ qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaq sa rkupptejja. Qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaqli sa ġenbejja. Imbagħad qies elf oħra, u ma stajtx naqsam, għax l-ilma tant għola li kont tista’ tgħum fih, xmara li ma tistax taqsamha. Imbagħad qalli: “Rajtu dan, o bniedem?”. U ħadni fuq xatt ix-xmara u rġajna lura.

U ara, kif konna rieġgħa lura, rajt ħafna siġar ma’ xatt ix-xmara, fuq naħa u fuq oħra. U qalli: “Dan l-ilma ħiereġ lejn in-naħa tal-Lvant u nieżel lejn l-Għaraba; u meta jasal fil-Baħar il-Mejjet b’dak l-ilma mielaħ, l-ilma jsir ilma ħelu. U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; u jkun hemm kotra kbira ta’ ħut, għax, minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara. Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar ta’ kull ġens ta’ frott; il-weraq tagħhom ma jidbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx. Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju, u l-frott tagħhom ikun ikel, u l-weraq duwa”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 45 (46), 2-3.5-6.8-9

R/. (8): Il-Mulej tal-eżerċti magħna

Kenn u qawwa hu Alla għalina,
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed,
jew jiġġarrfu l-muntanji f’nofs ta’ baħar. R/.

Hemm xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla,
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx;
jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ. R/.

Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb!
Ejjew, araw x’għamel il-Mulej,
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 50 (51), 12a u 14a

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Oħloq fija qalb safja, o Alla;
roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Minnufih dak ir-raġel fieq.
Ġw 5, 1-3a.5-16

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Wasal jum ta’ festa għal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin.

U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?”. Wieġbu l-marid: “Sinjur, ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli”. Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!”. Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek”. Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli: “Aqbad friexek u imxi”.

Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek: “Aqbad u imxi”?”. Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar”. Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu