ĠWANNI PAWLU II
UDJENZA ĠENERALI
L-Erbgħa 28 ta’ Settembru 1994
- Fil-katekeżi ekkleżjoloġiċi li ilna għaddejjin bihom għal tul ta’ żmien, kemm-il darba ppreżentajna lill-Knisja bħala poplu “saċerdotali”, magħmul minn persuni li għandhom sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu, bħala stat ta’ konsagrazzjoni lil Alla u tħaddim tal-qima perfetta u definittiva li hu jagħti lill-Missier f’isem il-bnedmin kollha. Dan iseħħ grazzi għall-Magħmudija li biha min jemmen, jidħol jagħmel parti mill-Ġisem mistiku ta’ Kristu li jiddelegah – kważi ex officio u, tista’ tgħid, b’mod istituzzjonali – biex jirriproduċi fih il-kundizzjoni ta’ Saċerdot u ta’ Vittma (Sacerdos et Hostia) tar-Ras (ara San Tumas, Summa theologiæ, III, q. 63, a. 3 in c. e ad 2; a. 6).
Kull sagrament ieħor – u speċjalment il-Konfirmazzjoni – jipperfezzjona dan l-istat spiritwali ta’ min jemmen, u s-sagrament ta’ l-Ordni jagħti wkoll is-setgħa li wieħed jaġixxi ministerjalment bħala strument ta’ Kristu fix-xandir tal-Kelma, fit-tiġdid tas-sagrifiċċju tas-Salib u fil-maħfra tad-dnubiet.
- Biex niċċaraw iktar din il-konsagrazzjoni tal-Poplu ta’ Alla, nixtiequ issa naffrontaw kapitlu ieħor fundamentali ta’ l-ekkleżjoloġija, li fi żmienna ngħata dejjem iżjed importanza taħt l-aspett teoloġiku u spiritwali. Qed nitkellem fuq il-ħajja kkonsagrata, li mhux wieħed jew tnejn huma d-dixxipli ta’ Kristu li jħaddnuha bħala xejra partikularment għolja, intensa u impenjattiva, tat-twettiq tal-konsegwenzi tal-Magħmudija fit-triq ta’ mħabba għolja, li twassal għall-perfezzjoni u l-qdusija.
Il-Konċilju Vatikan II, li wiret it-tradizzjoni teoloġika u spiritwali ta’ żewġ millennji ta’ Kristjaneżmu, xeħet dawl fuq il-valur tal-ħajja kkonsagrata li – skond l-indikazzjonijiet tal-Vanġelu – “titwettaq fil-prattika… tal-kastità kkonsagrata lil Alla, tal-faqar u ta’ l-ubbidjenza”, li jissejħu “kunsilli evanġeliċi” (ara Lumen gentium, 43). Il-Konċilju jitkellem fuqhom bħala wirja spontanja ta’ l-azzjoni sovrana ta’ l-Ispirtu s-Santu, li sa mill-bidu ġabet magħha fjoritura ta’ erwieħ ġenerużi, imqanqla mix-xewqa għall-perfezzjoni u għall-għotja tagħhom infushom għall-ġid tal-ġisem kollu ta’ Kristu (ara Lumen gentium, 43).
- Dawn huma esperjenzi individwali, li qatt ma naqsu u jwarrdu anki l-lum fil-Knisja. Imma sa mill-ewwel sekli ninnutaw it-tendenza li wieħed jgħaddi mit-tħaddim personali, u – kważi kważi – “privat”, tal-kunsilli evanġeliċi, għal kundizzjoni ta’ għarfien pubbliku min-naħa tal-Knisja, kemm fil-ħajja solitarja ta’ l-eremiti, kemm – u dejjem iżjed – fil-formazzjoni ta’ Komunitajiet monastiċi jew ta’ Familji reliġjużi, li jridu jiffavorixxu l-għixien skont l-għanijiet tal-ħajja kkonsagrata: stabbiltà, formazzjoni duttrinali aħjar, ubbidjenza, għajnuna reċiproka u progress fl-imħabba.
Hekk sa mill-ewwel sekli, u sa żmienna, naraw tinħoloq “varjetà ta’ l-għaġeb ta’ komunitajiet reliġjużi”, li fihom jidher “l-għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi” (ara Perfectæ caritatis, 1), u tesprimi ruħha l-vitalità straordinarja tal-Knisja mqar fl-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu, skond il-kelma ta’ San Pawl: “Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu” (1 Kor 12:4). L-Ispirtu jqassam id-doni tiegħu f’kotra bla qies ta’ xejriet differenti biex bihom jagħni lill-Knisja waħda li, fil-ġmiel tagħha ta’ bosta lwien, turi fl-istorja “l-għana ta’ Kristu” (Efes 3:8), kif il-ħolqien kollu juri “f’bosta għamliet u f’kull parti waħda” (multipliciter et divisim), kif jgħid San Tumas (San Tumas, Summa theologiæ, q. 47, a. 1), dak li f’Alla hu ħaġa waħda assoluta.
- Hu x’inhu, dan dejjem hu “don divin”, fundamentalment uniku, għax fil-kotra u l-firxa wiesgħa ta’ doni spiritwali, jew kariżmi, mogħtija lill-persuni jew lill-komunitajiet (ara ibid., II-II q. 103, a.2). Fil-fatt, il-kariżmi jistgħu jkunu individwali jew kollettivi. Dawk individwali huma mifruxa sew fil-Knisja u b’varjetà hekk wiesgħa minn persuna għal oħra, li diffiċilment tista’ tikkatalogahom u kull darba jitolbu dixxerniment min-naħa tal-Knisja. Dawk kollettivi, ġeneralment, jingħataw lil irġiel u nisa destinati li jwaqqfu opri ekkleżjali u speċjalment Istituti reliġjużi, li jirċievu l-karatterizzazzjoni tagħhom mill-kariżmi tal-fundaturi, jgħixu u jopraw taħt l-influss tagħhom u, skond il-qies tal-fedeltà tagħhom, jirċievu doni u kariżmi ġodda għal kull membru tagħhom u għall-Komunità sħiħa. Hekk dan jista’ jsib xejriet ġodda ta’ azzjoni skond il-ħtieġa tal-postijiet u taż-żminijiet, bla ma tonqos il-linja ta’ kontinwità u ta’ żvilupp li titlaq mill-fundatur, jew jirkupra faċilment l-identità u d-dinamiżmu tiegħu.
Il-Konċilju josserva li lill-familji reliġjużi “il-Knisja, fl-awtorità tagħha, laqgħethom bil-qalb u approvathom” (Perfectæ caritatis, 1). Dan kien f’armonija mad-dmir propju tagħha dwar il-kariżmi, għax “hija kompetenza speċjali tagħhom mhux li jxekklu l-Ispirtu iżda li jippruvaw kollox u jżommu dak li hu tajjeb (1 Tess 5:12 u 19-21)” (Lumen gentium, 12). Hekk nifhmu għaliex – f’dak li għandu x’jaqsam mal-kunsilli evanġeliċi – “l-awtorità tal-Knisja, taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, ħadet ħsieb tinterpretahom, tirregola l-prattika tagħhom u fuqhom tistabbilixxi wkoll forom stabbli ta’ ħajja” (ibid., 43).
- Imma rridu nfakkru li l-istat tal-ħajja kkonsagrata m’huwiex ħaġa ta’ l-istruttura ġerarkika tal-Knisja. Dan jinnotah il-Konċilju: “Stat bħal dan, meta wieħed iqis il-kostituzzjoni divina u ġerarkika tal-Knisja, m’huwiex stat bejn il-kundizzjoni tal-kjeriċi u dik tal-lajċi. Alla jista’ jsejjaħ xi wħud mill-fidili miż-żewġ kundizzjonijiet ta’ ħajja biex igawdu minn dan id-don partikulari fil-ħajja tal-Knisja u, kull wieħed bil-mod tiegħu, jaqdu l-missjoni tagħhom ta’ salvazzjoni” (ibid., 43).
Imma l-Konċilju jżid minnufih li l-istat reliġjuż, “magħmul mill-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi, għalkemm ma jagħmilx sehem mill-istruttura ġerarkika tal-Knisja, jagħmel iżda sehem bla dubju ta’ xejn mill-ħajja u l-qdusija tagħha” (ibid., 44). Dan l-avverbju – “bla dubju ta’ xejn” – ifisser li l-iskossi kollha li jistgħu jċaqilqu l-ħajja tal-Knisja ma jistgħu qatt jeqirdu l-ħajja kkonsagrata, ikkaratterizzata mill-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi. Dan l-istat ta’ ħajja jibqa’ dejjem element essenzjali tal-qdusija tal-Knisja. Skond il-Konċilju, din hi verità “li ma titħarrikx”.
B’danakollu, irridu nippreċiżaw li l-ebda għamla partikulari ta’ ħajja kkonsagrata m’għandha ċ-ċertezza li ħa ddum għal dejjem. Il-komunitajiet reliġjużi partikulari jistgħu jispiċċaw. Storikament rajna li xi wħud ġew fix-xejn, kif fl-aħħar mill-aħħar ġralhom ċerti Knejjes “partikulari”. Istituti li m’għadhomx adatti għal żmienhom, jew li ma fadlilhomx vokazzjonijiet, setgħu kellhom jagħlqu jew jingħaqdu ma’ oħrajn. Il-garanzija li tibqa’ ħajja sal-aħħar taż-żmien, li ngħatat lill-Knisja bħala ħaġa waħda, mhux neċessarjament tgħodd għal kull wieħed mill-Istituti reliġjużi. L-istorja tgħallimna li l-kariżma tal-ħajja kkonsagrata hi dejjem f’moviment, u kapaċi ssib u, biex ngħidu hekk, “tivvinta”, anki jekk dejjem f’fedeltà lejn il-kariżma tal-fundatur tagħha, għamliet ġodda, li jwieġbu b’mod iżjed dirett għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet taż-żminijiet. Imma anki l-komunitajiet li diġà ilhom jeżistu sekli sħaħ huma msejħa jadegwaw ruħhom għal dawn il-ħtiġijiet u aspirazzjonijiet, biex ma jiġrilhomx li jkunu jikkundannaw ruħhom għat-temma.
- Iż-żamma tal-prattika tal-kunsilli evanġeliċi – huma x’inhuma x-xejriet li tista’ tieħu – tibqa’ dejjem żgurata għal tul l-istorja kollha, għax Ġesù Kristu nnifsu riedha u waqqafha bħala appartenenti għal dejjem għall-ekonomija tal-qdusija tal-Knisja. Il-kunċett ta’ Knisja magħmula biss mil-lajċi impenjati fil-ħajja taż-żwieġ u tal-professjonijiet sekulari ma jikkorrispondix mal-fehmiet ta’ Kristu kif joħorġu mill-Vanġelu. Kollox ifakkarna – anki meta nħarsu lejn l-istorja, u saħansitra lejn il-kronaka – li dejjem sa jkun hemm irġiel u nisa (ġuvintur u xebbiet) li jafu jingħataw kollhom kemm huma lil Kristu u għas-Saltna tiegħu fit-triq taċ-ċelibat, tal-faqar, u ta’ l-għotja ta’ ħajjithom għal regola ta’ ħajja. Dawk li jaqbdu din it-triq jissoktaw fil-futur, bħal fil-passat, jiżvolġu rwol importanti fl-iżvilupp tal-qdusija tal-komunità Nisranija u tal-missjoni tagħha li tevanġelizza. Anzi, il-lum iżjed minn qatt qabel, it-triq tal-kunsilli evanġeliċi tiftaħ tama ġdida għall-ġejjieni tal-Knisja.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard