Ġwanni Pawlu II f’laqgħa mal-morda fir-Rabat


Laqgħa mal-morda u Regina Coeli. 

Knisja ta’ San Pawl – Rabat. 27 ta’ Mejju 1990

 Għeżież ħuti fi Kristu,

  1. Il-morda huma parti speċjali ħafna mill-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja. Qed nieħu pjaċir dagħlodu niltaqa’ ma’ xi wħud mir-rappreżentanti tal-poplu ta’ Malta u Għawdex li huma anzjani jew qed isofru minn diversi forom ta’ mard. Jiena u nsellmilhom ser ninqeda, daqslikieku kienu tiegħi, bil-kliem sabiħ li nsibu fl-ewwel ittra ta’ San Pietru Appostlu: “Ifirħu għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra ta’ glorja tiegħu!” (1 Pt 4:13). Ejjew tabilħaqq infaħħru’l Alla li jista’ kollox għall-ħafna modi li bihom isaħħaħna fit-tama u jagħtina l-faraġ tiegħu, anki waqt il-provi u t-tbatijiet li jakkumpanjaw il-ħajja tagħna fuq l-art.

Il-ħniena tal-Knisja għall-morda hi mibnija fuq l-eżempju ta’ Ġesù nnifsu li huwa u jippriedka l-Evanġelju tas-Saltna “kien ifejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu” (Mt 4: 23). Bil-ħafna mirakli tiegħu Ġesù wera kemm Alla hu qrib ta’ kull wieħed u waħda minna u kemm hi kbira l-qawwa tiegħu biex iġib il-fejqan u s-salvazzjoni lil min jersaq lejh bil-fidi. F’kull żmien il-Knisja tara li tkompli l-missjoni salvifika ta’ Kristu billi tieħu ħsieb il-ħtiġiet tar-ruħ u tal-ġisem tal-morda. Hija taf illi l-grazzja ta’ Alla ssir perfetta fid-dgħjufija u li l-qawwa salvifika tas-Salib ta’ Kristu tinsab preżenti b’mod misterjuż u effettiv fil-membri tagħha li qegħdin ibatu.

  1. Mhux ‘il bogħod minn hawn il-Grotta fejn, skond tradizzjoni popolari u venerabbli, San Pawl għex waqt li kien Malta. Kif tafu, San Pawl kien jifraħ fil-ħafna tbatijiet li ġarrab minħabba fl-Evanġelju. Hu fehem li kien biss permezz tat-tbatija ma’ Kristu li naslu biex naqsmu fil-qawwa tal-Qawmien tiegħu (ara Fil 3:10-11).

Il-fidi Kattolika tagħna tgħallimna li fix-xirka tal-qaddisin il-membri tal-Knisja huma magħqudin ma’ xulxin f’solidarjetà spiritwali profonda. It-talb tagħna, it-tbatijiet tagħna u l-ferħ tagħna jaffettwaw lill-oħrajn b’modi li huma magħrufa sew minn Alla waħdu. Permezz tal-ħajja tal-grazzja, kull wieħed u waħda minna jingħata l-opportunità li nikkoperaw ma’ Ġesù biex ngħinu ħalli l-qawwa salvifika tas-Salib taħdem fuq il-ħtiġiet ta’ ħutna. Kif Pawlu nnifsu qal, aħna nistgħu “ntemmu dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu… il-Knisja” (Kol 1:24).

Meta n-nies ikunu morda jew mgħobbija bl-inkwiet, ikunu ttentati jaħsbu biss fil-problemi tagħhom. Iżda l-fidi tistedinna biex inħarsu aktar fil-fond u naraw il-ġid bla tarf li nistgħu nagħmlu lil għajrna billi noffru t-tbatijiet tagħna f’għaqda ma’ Ġesù bħala sagrifiċċju li jogħġob lil Alla l-Missier tagħna għall-bżonnijiet ta’ l-umanità kollha. Kemm hawn nies illum li għandhom bżonn tat-talb tagħna! Kemm jekk nitolbu għall-familja tagħna jew għal ħbiebna, għall-paċi fost il-ġnus jew għall-armonija bejn individwi, jew biex jispiċċaw problem bħall-ġuħ, il-mard u l-abbuż tad-droga, nistgħu nħarsu fiduċjużi li t-talb tagħna se jinstema’.

  1. Għeżież ħbieb, f’din l-okkażjoni nixtieq ngħid kelma speċjali ta’ ħajr lill-individwi u gruppi li jduru bl-anzjani u l-morda f’Malta. Flimkien ma’ aġenziji tal-gvern, l-għaqdiet tal-Knisja bħalma huma l-Kummissjoni Morda ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija, il-Caritas u l-Għaqda tat-Trasport tal-Morda f’Lourdes, huma dedikati biex jagħtu l-għajnuna lill-morda ta’ Malta. Fid-djar tagħha ta’ l-anzjani, tal-ħandikappati u ta’ dawk li qed joħorġu mill-vizzju tad-droga, il-Knisja qed tagħti kontribut xieraq għall-ġid spiritwali u materjali tas-soċjetà Maltija.

Ħsibijieti jmorru wkoll lejn dawk il-ħafna membri tal-familja, ħbieb u voluntieri li jsabbru u jagħtu għajnuna lix-xjuħ u ‘l-morda bil-preżenza tagħhom u bl-imħabba. Fil-ġenerożità u l-imħabba tagħkom għal ħutkom fil-bżonn nara x-xbieha tas-Samaritan it-Tajjeb (ara Lq 10:30-37) li l-ħniena li ħass għal għajru kienet l-espressjoni ta’ solidarjetà u mħabba profonda (ara Salvifici Doloris, 28).

Dalwaqt aħna ser ngħidu flimkien l-innu sabiħ Regina Coeli li jistieden lill-Knisja kollha biex taqsam fil-ferħ ta’ l-Imbierka Verġni Marija għall-Qawmien ta’ Binha Ġesù. Ukoll meta kienet wieqfa f’riġel is-Salib tiegħu, Marija qatt ma waqfet tittama li l-wegħdiet ta’ Alla kienu se jseħħu. Għal din ir-raġuni Marija hija l-mudell tad-dixxipli kollha waqt li jfittxu li jimxu wara l-Mulej b’fidi soda, tama u mħabba. B’fiduċja kbira fit-tjieba u l-ħniena infinita ta’ Alla, għalhekk, ejjew ningħaqdu ma’ Marija f’dan l-aħħar Ħadd ta’ Mejju, ix-xahar ta’ Marija, u nitolbu għal dawk li qed iġorru l-piż tas-sofferenzi sabiex isiru jafu l-ferħ tar-rebħa eterna tiegħu.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.