Qed jerġa’ jqajjem rasu!


Par widnejn u moħħ bħali għandu kulħadd. U, ħafna, għall-grazzja tal-Mulej, għandhom aċċess għall-informazzjoni online.

Hu fatt li l-coronavirus, il-covid-19, qed jerġa’ jqajjem rasu. Ħarsa ħafifa lejn dak li qed jiġri fid-dinja malajr turina kemm dan hu minnu! Fl-istati tan-naħa ta’ nofsinnhar tal-Istati Uniti l-każi tal-coronavirus qed jikbru ġmielhom. L-aktar stati li raw żieda fin-numru ta’ persuni nfettati huma Texas u Arizona. L-epiċentru tal-epidemija fl-Istati Uniti hu l-istat ta’ Florida. Dan l-istat qed iħabbat wiċċu ma’ aktar minn għaxart elef infezzjoni u daqs 90 mwiet daqs l-aħħar statistika ta’ disat ijiem ilu. In-numru totali ta’ infettati tela’ għall-337,000 filwaqt li mal-ħamest elef persuna mietu. Biex tgħaxxaqha l-isptarijiet ta’ Florida qalu li t-taqsimiet tal-Kura Intensiva tagħhom ma jistgħux jilqgħu aktar pazjenti. X’se jiġri jekk il-każi jissuktaw jikbru?

Fil-Brażil il-każijiet tal-coronavirus qed jikbru sewwa. Filwaqt li fl-Indja, li rreġistrat it-tielet l-akbar numru ta’ każijiet, qiegħdha xhur ‘il bogħod mill-peak tal-imxija. Fost l-ibliet l-aktar milquta mill-pandemija nsibu dawk ta’ Mumbai u Bangalore. Ta’ min isemmi li dawn l-isptarijiet kienu mimlija tilja pazjenti. L-Indja kellha mal-34,884 f’temp ta’ 24 siegħa nhar is-Sibt 25 ta’ Lulju 2020 filwaqt li irreġistrat ukoll mas-671 mewta li kellha x’taqsam mal-coronavirus. Ma ninsewx ukoll li l-Afrika t’Isfel għandha l-ogħla numru ta’ infezzjonijiet ikkonfermati fuq il-kontinent Afrikan.

Rigward il-kontinent tagħna Ewropew għalkemm jidher li l-virus jinstab taħt kontroll madankollu f’xi postijiet il-covid-19 qed iqajjem rasu. Ngħidu aħna fi Spanja nsibu r-reġjun tan-naħa tal-grigal, il-Katalunja, fejn il-każi qed jogħlew.

Il-kriżi tal-covid-19 tgħallimna ħames valuri importanti. L-ewwel, il-valur ta’ relazzjonijiet awtentiċi. Xi sbuħija meta naħsbu fl-oħrajn! L-aktar f’dawk li qed ibatu! F’dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna! It-tieni, il-ġuħ għall-Ewkaristija. Meta l-quddies kien sospiż kemm ħassejnieha li ma nistgħux nitqarbnu! U kemm sirna napprezzaw aktar it-tqarbina tax-xewqa! It-tielet, il-coronavirus jgħallimna kemm għandna nintelqu f’kollox f’idejn il-Mulej li jaħdem fiċ-ċirkustanzi li dejjem qiegħdin jinbidlu. Kollox jinbidel ħbieb minbarra mħabbtu għalija u għalik! Dik ma titħarrek qatt imma tibqa’ soda għal dejjem ta’ dejjem!

Ir-raba’, il-coranvirus ġabna f’tagħna l-għaliex għallimna ma norbtu qalbna ma’ ħadd u ma’ xejn. Għax ħadd u xejn m’għandna tagħna għal dejjem. Il-ħames, dawn l-isforzi kollha ta’ distanza soċjali, ilbies ta’ maskri u visors, ħasil ta’ l-idejn bl-alkoħol biex inbegħdu kemm nistgħu minna u minn kull persuna oħra l-virus juri kemm il-ħajja umana għandha tiġi rispettata. Għax tassew prezzjuża!

Ħa nħallu dan kollu jkellimna waqt li l-virus corona qed iqajjem rasu!

Patri Mario Attard OFM Cap