Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ġimgħa Mqaddsa
It-Tlieta

QARI I
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.
Iż 49, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Isimgħuni, gżejjer,
agħtuni widen, popli mbiegħda!
Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, mill-ġewwieni ta’ ommi ftakar f’ismi.
Għamilli fommi xabla misnuna,
taħt id-dell ta’ idu ħbieni.
Għamel minni vleġġa maħtura,
fil-barżakka tiegħu ħbieni.
U qalli: “Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar”.
U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt,
u fix-xejn ħlejt saħħti.
Imma f’idejn il-Mulej il-kawża tiegħi,
u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi”.
Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu rraġġa’ lura ’l Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,
għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.
Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb,
u traġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael.
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 70 (71), 1-2.3-4a.5-6ab.15 u 17

R/. (ara 15): Mulej, fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

Kun sur ta’ kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek,
għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
li qgħadt għar-rieda ta’ Missierek:
ħaduk biex isallbuk,
bħal ħaruf ġwejjed għall-qatla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Wieħed minnkom se jittradini … is-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet.
Ġw 13, 21-33.36-38

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, waqt li kien fil-mejda mad-dixxipli tiegħu, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: “Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini”. Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b’rasu ma’ sider Ġesù. Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: “Għal min qiegħed jgħid?”. Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: “Min hu, Mulej?”. Wieġbu Ġesù: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu”. Imbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota. Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx”. Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajlu lil Ġesù jgħidlu: “Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa”, jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ’il barra. Kien billejl.

Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu”. Qallu Xmun Pietru: “Fejn sejjer, Mulej?”. U Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard”. Qallu Pietru: “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!”. Wieġbu Ġesù: “Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu