Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Ġimgħa Mqaddsa
L-Erbgħa

QARI I
Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Iż 50, 4-9a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.

Ta’ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi? Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 68 (69), 8-10.21bċd-22.31 u 33-34

R/. (14ċ u b): O Alla, fil-kobor ta’ tjubitek, weġibni

Għax minħabba fik qiegħed nilqa’ t-tmaqdir,
u l-mistħija tiksili wiċċi.
Sirt barrani għal ħuti;
ulied ommi ma jagħrfunix.
Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,
it-tagħjir ta’ min jgħajjar lilek waqa’ fuqi. R/.

It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni;
fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd;
u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.
Tawni b’ikel il-velenu;
sqewni l-ħall meta kont bil-għatx. R/.

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr.
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
int biss ħennejt għalina fl-iżbalji tagħna.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

jew:

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Is-sliem għalik, Sultan tagħna,
li qgħadt għar-rieda ta’ Missierek:
ħaduk biex isallbuk,
bħal ħaruf ġwejjed għall-qatla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa!
Mt 26, 14-25

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”. U huma tawh tletin biċċa talfidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biexjagħtihom lil Ġesù f’idejhom.

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”. U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”.

Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”. Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?”. U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”. Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi?”. Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading