Il-Kunsilji Evanġeliċi skont it-tagħlim tal-Knisja (3)


Ir-reliġjużi obbligati jobdu lis-superjuri leġittimi tagħhom.

San Pawl f’waħda mill-ittri tiegħu jgħid “Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta lsir, sar jixbaħ lill-  bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem, ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.”

Hawn naraw li Ġesù jiġi mfisser — bħala l-ubbidjenti, għaliex minħabba l-ubbidjenza tiegħu ġiet imħallsa d-diżubbidjenza tal-bniedem. Mela nsibu l-għaqda ta’ l-ubbidjenza ta’ Kristu mal-ekonomija tas-salvazzjoni. L-għaqda bejn is-salvazzjoni u l-ubbidjenza hija aktar qawwija fl-iskrittura, fejn l-ubbidjenza ta’ Kristu għall-Missier hija l-ħin kollu mfissra bħal l-identifikazzjoni radikali ta’ Ġesuù; “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri”; “Jiena nagħmel dejjem ir-rieda tal-Missier”. Minn jimxi wara Kristu mingħajr tnikkir irid ipoġġi lilu nnifsu fil-loġika tal-misteru tiegħu; tal-atteġjament tiegħu. Iktar minn jimxi warajh mill-qrib, iktar jiftah din il-loġika ta’ l-ubbidjenza f ‘ ħajtu kollha u jipprova jgħixha fil-milja tagħha.

Hemm radikalità ta’ ubbidjenza li fiha Kristu huwa msaħħaħ u li lejha għandna nħarsu. Ukoll l-istess inkarnazzjoni hija espliċitament ubbidjenza “Inti tajtni ġisem, għalhekk ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. Hu r-rieda tal-Missier li tingħaqad sal-qiegħ nett “Missier, jekk hu possibli; biegħed minni dan il- kalċi, iżda tkun magħmula r-rieda tieghek”. Ġesuù huwa bniedem li jagonizza ġismu huwa tturmentat mit-tbatija ta’ l-agunija. Iżda għalih jgħodd biss li jagħmel ir-rieda tal-Missier. U hawn huwa l-mument l-aktar qawwi ta’ l-inkarnazzjoni tiegħu biex jifdi d-dinja, biex jaħfer id-dnub u jagħmel ir-rieda tal-Missier sal-mewt.

Huwa proprja xejjen lilu nnifsu, ha fuqu l-kundizzjoni ta lsir u kien ofrut bħal sagrifiċċju. Dan huwa misteru li għandu jkun il-pedament tal-fidi tagħna. Hemm bżonn li aħna bħala reliġjużi nidħlu mhux biex naraw biss il-komportament viżibbli ta’ Kristu ubbidjenti, fejn hemm verament l-għaqda ta’ l-Iben mal-Missier tingieb fix-xejn, mingħajr ma qagħad jaħseb f’din il-konsumazzjoni fin-natura umana li ha fuqu natura ta’ ribelljoni, natura li l-ħin kollu hija tentata biex teħodha kontra Alla. Ġesù li kien Alla ma qagħadx iħħaqqaqa m’ Alla billi jzomm il-prerogattiva divina tiegħu. Huwa nkarna ruħu billi libes l-umanita’, u poġġa l-umanita’ tiegħu fil-jasar, biex hekk iħalli spazju għas-sebħ tal-Missier: U hu preċizament dan l-estremiżmu redentiv tal-inkarnazzjoni. Mela m’ għandniex għax nistħu ngħidu li Ġesù obda bħala qaddej, bħala ilsir. Hija kelma iebsa llum għaliex l-iskjavitù mhuwiex dehen għall-bniedem. Kristu sar ilsir. Iżda fl-istess ħin Huwa obda, bħal iben, għaliex ried hu, u bl-imħabba tal-għaġeb. Meta aħna nipprofessaw il-kunsill evangeliku ta’ l-ubbidjenza aħna nidħlu f’ dan il-misteru personali ta’ Kristu. It-tiftix tar-rieda t’ Alla, l-imħabba lejn ir-rieda t’ Alla, il-beatitudni tar-rieda t’ Alla, huma espressjonijiet li nafuhom bl-esperjenza. Biex jitwettqu dawn il-ħwejjeġ f ‘ ħajjitna hemm bżonn li aħna nkunu umli, nistabru u hekk nipperseveraw. Mela l-professjoni tal-kunsill evenġeliku jrid ikun il-professjoni ta’ Kristu ubbidjenti sal-mewt.

L-impenn ta’ l-ubbidjenza jirċievi konfigurazzjoni l-iżjed konkreta u marbuta minħabba l-vot. Il-vot jagħti karattru ta’ kult u jsaħħah l-ubbidjenza kollha tar-reliġjuż. L-ubbidjenza għall-awtorita’ li tiġi mill-knisja hija intimament maqgħuda magħha u tieħu minna l-kontenut spiritwali, appostoliku, ġuridiku, sakemm issir ubbidjenza, lejn il-knisja li għandha d-dritt twaqqaf l-istituti u tapprova l-kostituzzjonijiet tagħhom u tagħti l-awtorita’ lis-superjuri biex imexxu lill-membri.

Il-vot ta’ l-ubbidjenza fil-bidu u għal ħafna żmien ma kienx distint formalment mill-kunsill għaliex iprreżenta ruħu fil-process storiku bħala mpenn li tobdi kmandi tas-superjuri, impenn li qabel kien meħud b’ forom differenti u mbagħad konkrettiżat fil-vot. F’ diversi istituti il-vot huwa formulat b’ mod li jiġbor estensjoni ftit jew wisq wiesgħa. Spiss il-vot ta’ l-ubbidjenza huwa mfisser hekk: bil-vot tal-ubbidjenza, ir- reliġjuz jieħu l-obbligu li jobdi l-preċetti tas-superjur leġittimu f’ dak kollu li direttament jew indirettament għandu x’ jaqsam mal-ħajja ta’ l-istitut, jiġifieri għall-osservanza tal-voti u l-kostituzzjonijiet. Drabi oħra hu preżentat bħala mpenn li wieħed jobdi għal preċetti tas-superjuri leġittimi mogħtija b’ mod formali, jiġifieri b’ sejħa espliċita jew impliċita tal-vot magħmul.

F’ xi kostituzzjonijiet id-difinizzjoni tal-vot, li fih innifsu jippreżenta kontenut iktar kbir, jiġi ristrett b’ artiklu fejn igħid li r-reliġjuż għandu jobdi minħabba l- vot biss meta s-superjur jikkmanda espressament bil-virtu’ ta’ l-imqaddsa ubbidjenza jew bi preċett formali jew juża kliem bħal dan. Dawn l-espressjonijiet ma’ naqsux li jġibu inċertezzi u wkoll xi ftit tal-konfużżjoni. Fil-kostituzzjonijiet huwa neċessarju li kollox ikun ċar u ma, jkunx hemm lakuni. Is-Santa Sede approvat il-formulazzjoni tal-vot ta’ l-ubbidjenza b’ mod li tħaddan il-kmandi ċari u eżatti tas-Superjuri kompetenti mogħtija skond il-kostituzzjonijiet. Din il-formulazzjoni tidher l-iżjed tajba u effikaċi, hija tagħti kontenut l-iżjed konkret u ta’ applikazzjoni komuni u spissa bħal istess vot u taqbel mad-definizzjoni tal-kunsill ta’ l-ubbidjenza tal- kodiċi (Nr 601).

L-impenn li tobdi jista’ jipproduċi obbligu ta’ natura diversa, gravi jew ħafifa. Is-superjur m’ għandux jagħmel rikors għal vot jekk mhux f’materji jew ċirkustanzi li jkunu gravi u għalhekk ikun jeħtieġ li jsir hekk. Il-vot kien mifhum mill-knisja u mill-fundaturi bħala punt ta’ tluq eżatt u ċar u għalhekk il-kostituzzjonijiet jagħtu lill-kunsill fizjonomija preċiza u għalhekk: — konkreta dwar l-estensjoni tal-obbligu. Il-kostituzzjonijiet ma jistgħux jillimitaw għal vot ta’ l-ubbidjenza; iżda għandhom jiftħu għall-moħħ u l-qalb tar-religjuż l-orrizont kollu u l-esiġenzi kollha ta’ dan il-kunsill Evanġeliku.

L-ewwel u qabel kollox ir-reliġjużi jridu jobdu l-Papa bħala Superjur Suprem. Warajh jiġu s-superjuri l-oħrajn interni skond kif jistabilixxu l-kostituzzjonijiet. Bħala bażi għan-natura u l-għan tal-vot ta’ l-ubbidjenza huwa iktar normali li s- Superjuri kollha ta’ l-istitut igawdu l-fakulta’ li jikkmandaw anke jekk jagħmlu rikors għall-vot fil-limiti tal-kompetenza tagħhom. Dawn huma; l-kapitli; is-Superjur Ġenerali; il-Provinċjal jew superjur ieħor daqs il-Provinċjal; u s-Superjur lokali. Dan jissoponi lis-superjuri jkunu mħejjija tajjeb għax xoghol tagħhom. Id-dritt partikulari wkoll jekk ma’ jneħħiex il-fakulta’ jista’ jħeġġeġ lis-superjuri lokali, speċjalment fi djar żgħar, biex ma jirrikorrux formalment għal vot jekk mhux f’ każ ta’ htieġa. Tajjeb li niftakru u ngħidu lis-superjuri biex ma jagħtux preċetti formali bil-qawwa tal-vot jekk mhux bil-prudenza, għal kawża ġusta u proporzjonata. Il-vot magħmul skond il-kostituzzjonijiet, u għalhekk ma jorbotx iżjed milli hu maħsub mill-  kostituzzjonijiet. Il-virtu’ tal l-ubbidjenza tesiġi sottomissjoni lejn dawk kollha li għandhom l-awtorita’. Il-vot jorbot għall-ħarsien tal-liġijiet tal-Knisja, tal-kostituzzjonijiet u għan-normi li jeżistu fl-istitut u għad-dispożizzjonijiet ta’ l- awtorita’ leġittima u ta’ kull turija tar-rieda t’ Alla.

Minn Fr Hermann Duncan O.Carm