70. L-Omm tal-għaqda u tat-tama


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  12/11/1997.

1. Wara li ddeskriva r-rapporti bejn Marija u l-Knisja, il-Konċilju Vatikan II jifraħ  meta josserva li l-Verġni hija meqjuma wkoll mill-insara li mhumiex parti mill-komunità kattolika: «Għal dan il-Konċilju qaddis huwa ta’ ferħ kbir u konsolazzjoni li hemm ukoll, fost l-aħwa mifrudin, minn dawk li   jikkonċedu l-qima dovuta lill-Omm il-Mulej u Feddej…».1 Serjament nistgħu ngħidu li l-maternità universali ta’ Marija, ukoll jekk tagħmel jidhru iktar dolorużi l-firdiet bejn l-insara, tikkostitwixxi sinjal kbir ta’ tama għall-mixja ekumenika. 

Bosta Komunitajiet protestanti, minħabba idea partikolari tal-grazzja u tal-ekklesjoloġija, urew ruħhom opposti għad-duttrina u għall-kult marjan, billi qiesu l-koperazzjoni ta’ Marija fl-opra tal-fidwa ta’ detriment għall-unika medjazzjoni ta’ Kristu. F’din il-prospettiva il-kult tal-Omm joħloq kważi kompetizzjoni mal-qima li tixraq lill-Iben.

2. Madankollu, fi żminijiet reċenti, l-approfondiment tal-ħsieb mill-ewwel riformaturi wera pożizzjonijiet iktar miftuħa fil-konfront tad-duttrina kattolika. Il-kitbiet ta’ Luteru juru per eżempj imħabba u qima lejn Marija, eżaltata bħala mudell ta’ kull virtù: huwa jsostni l-qdusija  eċċellenti ta’ Omm Alla u jiddikjara kultant il-privileġġ tal-Immakulata Konċezzjoni, waqt li jaqsam ma’ Riformaturi oħra l-fidi fil-Verġinità perpetwa ta’ Marija.

L-istudju tal-ħsieb ta’ Luteru u ta’ Kalvinu kif ukoll l-analiżi ta’ diversi testi ta’ nsara evanġeliċi, ikkontribwew għall-ħolqien ta’ attenzjoni mġedda ta’ xi protestanti u anglikani lejn diversi temi tad-duttrina marjoloġika. Xi wħud saħansitra waslu qrib ferm ta’ dawk kattoliċi fejn għandhom x’jaqsmu s-sisien fondamentali tad-duttrina dwar Marija, bħal ma huma l-maternità divina, il-verġinità, il-qdusija, il-maternità spiritwali.

L-ansjetà li tenfasizza l-valur tal-preżenza tal-mara fil-Knisja tiffavorixxi l-isforz tal-għarfien tar-rwol ta’ Marija fl-istorja tal-fidwa.

Dawn il-partikulari kollha jikkostitwixxu daqstant ieħor mottivi ta’ tama għall-mixja ekumenika. Ix-xewqa profonda tal-kattoliċi hija li jkunu jistgħu jaqsmu mal-aħwa kollha fi Kristu l-ferħ li joħroġ mill-preżenza ta’ Marija fil-ħajja skont l-Ispirtu.

3. Il-Konċilju jfakkar fost l-aħwa li  «jagħtu l-qima dovuta lill-Omm il-Mulej u Feddej», speċjalment l-Orjentali, «li jikkontribwixxu fil-qima ta l-Omm ta’ Alla dejjem Verġni, b’  impetu ardenti u  karattru devot».2

Kif jirriżulta mill-manifestazzjonijiet numerużi tal-kult, il-qima lil Marija tirrapreżenta element sinifikattiv ta’ għaqda bejn il-kattoliċi u l-ortodossi.

Jibqà, madankollu, xi diverġenzi dwar id-dommi tal-Immakulata Konċezzjoni u tal-Assunzjoni, ukoll jekk tali veritajiet kienu murija inizjalment propju minn diversi tejoloġi orjentali – biżżejjed wieħed jaħseb dwar kittieba kbar bħal Gregorju Palamas († 1359), Nikola Cabasilas († wara l-1396), Giorgio Scholarios († wara l-1472). 

Bdanakollu tali diverġenzi, forsi iktar ta’ formulazzjoni milli ta’ kontenut, m’għandhomx inessu l-fidi komuni fil-maternità divina ta’ Marija, fil-Verġinità  perpetwa tagħha, fil-qdusija perfetta tagħha, fl-interċessjoni materna tagħha  qrib Binha. Bħal ma fakkar il-Konċilju Vatikan II, l-«impetu ardenti» u « l-karattru devot» jgħaqqdu l-ortodossi u l-kattoliċi fil-kult ta’ Omm Alla.

4. Fi tmiem il-Lumen gentium il-Konċilju jistieden biex nafdaw lil Marija l-għaqda tal-insara: «Il-fidili kollha  għandhom jagħmlu talb insistenti lil Omm Alla u lil Omm il-Bnedmin, sabiex Hi, li bit-talb tagħha għenet lill-frott bikri tal-Knisja, ukoll issa mgħollija fis-sema fuq il-beati u l-anġli, fl-Għaqda tal-Qaddisin kollha tinterċedi quddiem Binha».3

Bħal ma fl-ewwel komunità l-preżenza ta’ Marija kienet inkuraġġiet l-unanimità tal-qlub, li t-talb kien jikkonsolida u jirrendi viżibbli (cf. At 1,14), hekk l-iktar għaqda ntensa ma’ Dik li Wistin isejjaħ «omm l-għaqda»,4 tistà tmexxi lill-insara biex igawdu d-don tant mistenni tal-għaqda ekumenika.

Lill-Verġni Mqaddsa idur bla ma jaqtà t-talb tagħna sabiex bħal ma fil-bidu hija sostniet il-mixja tal-komunità nisranija magħquda fit-talb u fl-aħbar tal-Vanġelu, hekk illum bl-interċessjoni tagħha tikseb ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda sħiħa fost dawk li jemmnu fi Kristu.

Omm il-bnedmin, Marija taf sewwa l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-umanità. LilHa il-Konċilju jitlob b’mod partikolari biex tinterċedi sabiex «il-familji tal-popli, kemm dawk ippremjati bl-isem ta’ nsara, kif ukoll dawk li għadhom jinjoraw il-Feddej tagħhom, fil-paċi u fil-ftehim ikunu magħquda mill ġdid b’mod feliċi f’Poplu ta’ Alla wieħed, għall-glorja tas-Santissima u indiviżibbli Trinità ».5

Il-paċi, il-ftehim u l-għaqda, oġġett tat-tama tal-Knisja u tal-umanità, jidhru għadhom ‘il bogħod. Huma, madankollu, jikkostitwixxu don tal-Ispirtu li għandna nitolbu bla waqfien, waqt li nqiegħdu ruħna fl-iskola ta’ Marija u waqt li nafdaw fl-interċessjoni tagħha.

5. B’tali talba l-insara jaqsmu l-istennija ta’Dik li, imfawra bil-virtù tat-tama, issostni l-Knisja fil-mixja lejn il-futur ta’ Alla.

Milħuqa personalment il-beatitudni minħabba li kienet «emmnet fit-twettiq tal-kliem tal-Mulej» (Lq 1,45), il-Verġni takkumpanja lil dawk li jemmnu – u l-Knisja kollha kemm hi – sabiex fost il-ferħ u t-tribulazzjonijiet tal-ħajja preżenti, ikunu il-veri profeti tat-tama li ma tiddiżappuntax.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 69. Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 29-34
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 69.
3 Ibidem.
4 Sant’Agostino, Sermo 192, 2; PL 38,1013.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 69.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 791-793.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb