Lezzjoni II: San Robertu Bellarmino


17 ta’ SettembruSan Robertu Bellarmino, Isqof u Duttur tal-Knisja

TIFKIRA

San Robertu Bellarmino twieled f’Montepulciano, fit-Toscana, l-Italjafl-1542. Daħal fis-Soċjetà ta’ Ġesù u ġie ordnat saċerdot. Għallem it-Teoloġija fil-Kulleġġ Ruman u ħabrek għall-ħarsien tal-fidi Kattolika. Ġie maħtur kardinal u arċisqof ta’ Capua. Kien teologu magħruf u ddefenda t-tagħlim tal-Knisja kontra l-kritiċi protestanti bil-qawwa kollha. Miet f’Ruma  fl-1621. Ġie kkanoniżżat fl-1930 mill-Papa Piju Xiu sena wara ġie ddikjarat duttur tal-Knisja.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Trattat fuq l-irfigħ tar-ruħ f’Alla ta’ San Robertu Bellarminu.

(De ascensione mentis in Deo)

Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek

O Mulej, int twajjeb u taħfer u kollok ħniena u għalhekk min ma jaqdikx wara li jkun beda jduq xi ftit il-ħlewwa tas-setgħa tiegħek ta’ Missier u ta’ Sid? X’titlob Mulej mill-qaddejja tiegħek? Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, tgħidilna. U x’inhu dan il-madmad tiegħek? Il-madmad tiegħi ħelu, tweġibna, u t-toqol tiegħi ħafif. Min ma jilqgħuxbil-qalb madmad li flok jagħfas fuqna, jagħtina l-ħajja u toqol li jerfagħna flok itaqqalna? Bir-raġun kollu għalhekk komplejt tgħidilna: Intom issibu l-mistrieħ ta’ qlubkom. U x’inhu dan l-madmad tiegħek li flok jgħejjina, iserraħna? Hu l-ewwel u l-aqwa kmandament: Ħobb lil Alla  fuq kollox b’qalbek kollha. X’hemm eħfef, itjeb u oħla milli tħobb it-tjieba ul-ġmiel u l-imħabba: dak kollu li int, Mulej Alla tiegħi?

U jekk aħna nħarsu l-kmandamenti tiegħek, Mulej, ma twegħedniex ukoll premju egħżeż mid-deheb l-aktar fin, oħla mill-għasel u l-qtar tax-xehda? Int dejjem twiegħed premju, u premju tassew kbir, kif jixhdilna l-Appostlu tiegħek San Ġakbu: Il-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.  U x’inhi din il-kuruna tal-ħajja? Hi l-aqwa ġid li nistgħu naħsbu fih, li nistgħu nixtiequ; dan jgħidulna San Pawl bi kliem Iżaija: Dak li għajn qatt ma rat, u widna qatt ma semgħet u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.

U tassew hemm premju kbir għal min iħares il-kmandamenti tiegħek. U mhux l-ewwel u l-aqwa kmandament biss jiswa lill-bnedmin li jobdu jew lil Alla li jikkmandah, imma l-kmandamenti l-oħra kollha, ukoll lil dawk li jħarsuhom jagħmluhom aħjar, iżejnuhom, jgħallmuhom u jagħtuhom ġieħ, u fl-aħħarnett jagħmluhom tajbin u henjin. Jekk int tifhem dan, tagħraf li int ġejt maħluq għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni ta’ dejjem, u dan huwa l-għan tiegħek, dan iċ-ċentru ta’ ruħek, dan l-għożża ta’ qalbek. Jekk tilħaq dan il-għan, int tassew hieni; jekk ma tilħqux, inti msejken għall-aħħar.

Mela qis bħala veru ġid tiegħek kulma jgħinek biex tilħaq dan il-għan tiegħek, u ta’deni għalik kulma jfixklek biex tilħqu. Ir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, l-għana u l-faqar, is-saħħa u l-mard, il-ġieħ u t-tkasbir, il-ħajja u l-mewt, min hu għaref la jaħrabhom u l-anqas ifittixhom għaliho infushom. Iżda jekk jgħinuh biex jagħti glorja lil Alla u jikseb l-hena ta’ dejjem, huma ta’ ġid għalih u għandu jfittixhom, jekk se jfixkluh għandu jaħrabhom. 

RESPONSORJU  (Mal 2:7; Tit 1:7a. 9b)

  1. Xufftejn il-qassis iħarsu l-għerf, u minn fommu jfittxu t-tagħlim; * Għax hu mibgħut mill-Mulej tal-eżerċti.
  2. L-Isqof bħala amministratur għandu iqawwi qalb l-oħrajn bid-duttrina safja.* Għax hu mibgħut mill-Mulej tal-eżerċti.

Talba

O Alla, int tajt għerf u qawwa liema bħalhom lill-isqof San Robertu Bellarminu biex jiddefendi b’ħila kbira l-fidi tal-Knisja tiegħek; bit-talb tiegħu agħmel li l-poplu tiegħek jgħożż din il-fidi u jżommha dejjem sħiħa. B’Ibnek.

                     ===============================================