Qari tal-Quddies ta’ Marija Omm u Xbieha tal-Knisja


Stampa t-test tal-qari …

Il-Festa ta’ Marija Omm il-Knisja

QARI I (3: 9-15-20)

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

Wara li Adam kiel mis-siġra, il-Mulej Alla sejjaħlu u staqsieh: “Fejn int?” U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għarwien, u nħbejt.” U staqsieh: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek biex ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan, misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek. U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn in-nisel tiegħek u n-nisel tagħha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” U Adam semma lil martu Eva għax kienet omm il-ħajjin kollha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew

QARI I (Atti 1, 12-14)
Kienu jżommu sħiħ fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Wara li Ġesù tela s-sema l-appostli reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu.

U, magħqudin qalb waħda, kienu jitolbu flimkien, ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 86 (87), 1-2.3 u 5.6-7

R/. Ħwejjeġ sbieħ jingħadu dwarek o Belt ta’ Alla!

Il-Mulej bena lil Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien tagħha
aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb. R/.

O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
U dwar Sijon jingħad:
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.”R/.

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu, huma u jiżfnu,
dawk kollha li jgħammru fik. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
O Verġni hienja, li nissilt lill-Mulej; O Omm imbierka tal-Knisja, li tqawwi fina l-ispirtu tal-Iben tiegħek, Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jiena nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.
Ġw 19, 25-34

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”

Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu. Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu, wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu